Mewwitha u mhux tqabbadha!

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħajja skola! U, bħalissa, fuq il-One Radio, proprju għaddej il-progamm li l-Mulej ta lili u lil Clint Bajada biex nagħmlu, u li minn hawn, minn qalbi insellimlu. Il-programm Mill-Iskola tal-ħajja.

Il-ħajja hi skola! L-għaliex, mingħajr ħafna argumenti, taf tgħallimna lezzjonijiet tabilħaqq qawwijin. U ferm utli għal ħajjitna! U ġieli tgħallimhomlna għas-spejjes tagħna stess. L-aktar, u dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed, meta nieħu xi tkaxkira. U nibarax u anki, ninstelaħ xi naqra ukoll!

Dan l-aħħar kont involut f’diżgwit. Li, u ngħiduha kif inhi, mhu xejn minn ewl id-dinja! Jista’ jseħħ f’nifs wieħed. Imma, u din ngħidilkom għax veru inħossha, stajt bil-libertà kollha nagħmel storja mis-sitwazzjoni. Stajt ngħaġġibha! Inneffaħha! Insomma, inkabbarha! Għalkemm, wara li seħħ dan id-diżwgit, b’idi fuq il-kuxjenza tiegħi, stajt iva ngħid: Imma l-għaliex kont se nagħmel hekk? X’kont, fil-fatt, se nieħu li kieku għamilt hekk?

Niftakarni li meta ntbaħt bid-diżgwit li seħħ il-pistils aqta’ kif ħabtu tilgħin u niżlin! U, mill-ewwel, ħbatt nara aħmar! Għax id-demm beda tiela’ għal rasi. Imma stenna ħej Patri! Bil-mod! Ħu nifs! Għodd minn wieħed sal-għaxra! U le! Hemm xi ħaġa aqwa u aktar effettiva minn hekk: għodd ara minn wieħed sal-mija! Aħjar hekk! Qabel il-kamra tan-nar tispoldi! U nsir elf biċċa! Imma mbagħad kif ħa ninġabar?

Mela ċempilt fejn kelli nċempel. U, min weġibni, laqagħni b’ton sabiħ ħafna. Hemm aħna! Mill-ewwel tfieli n-nirien li kelli jaqbdu fija. Patri! Ma qallekx? qalli. Le ta! weġibtu bil-kalma jien. Imma qalli li kien se jgħidlek, reġa’ insista hu. Ħa nara l-mobile sieħbi. Għax jien mhux dejjem inġorru miegħi. U, jekk inġorru miegħi, kważi dejjem ikun silent, dlonk weġibtu. U ħa ngħidilkom hekk għamilt. Ta’ raġel u ta’ Patri li jien! Iċċekjajt il-mobile! U x’sibt? Messaġġ u żewġ missed calls!

X’ħin rajt dan l-għaraq aktar beda jxoqq għalija! Ħeqq! Issa ma kelliex għalfejn nippilla aktar. Jekk, u biex inkun onest magħkom, jekk s’issa ippillajt! U x’nippilla nippilla ħbieb? Meta naf li kollox kien qed jindika li l-mobile tiegħi jien ma smajtux? Għalkemm, u din inħoss li għandi ngħidha, lanqas għandi nkun skjav tal-mobile tafux! Biżżejjed nagħmel sigħat sħaħ għassa għall-mobile tal-Isptar! Noqgħod għassa għall-mobile tiegħi issa jonqos!

Imma dak il-mument għalija kien ewreka! Jiġifieri mument fejn stajt ngħajjat bil-ferħ u bis-sodisfazzjon l-għaliex l-Ispirtu s-Santu għallimni nifhem xi ħaġa importanti ħafna f’ħajti! Ejjew nieħdu l-mumenti ta’ diżgwit bħala opportunità biex nikbru aktar fl-għaqda ta’ bejnietna! Fil-fatt, jien u din il-persuna ħriġna bl-istess verżjoni u interpretazzjoni tal-affarijiet: Kos hux! Mela ma kinitx imnalla! Kemm ħassejtni sew meta smajt lil din il-persuna tgħidli dan id-diskors! Bħalma wkoll dik il-persuna ħassitha sewwa li jien, misjuq mill-Ispirtu tal-Mulej, għedtilha l-istess!

U, il-kbir f’din l-istorja kien għadu ġej! L-għaliex, eżattament wara dan l-iskambju, din il-persuna u jien bdejna parlata fuq kemm huwa meħtieġ li fil-ħajja d-diżgwit immewtuh u mhux inqabbduh! Li d-differenzi immewtuhom u mhux aktar inqabduhom! Mela sewwa kien jgħid ħi l-qaddis oħxon, bħali (fil-ħxuna tafux għax fil-qdusija għadni ‘l bogħod minnu), San Ġwann XXIII: Infittxu dak li jgħaqqadna! Iva ħbieb, diżgwit nittrattawh bi mħabba u mhux b’rabja! B’raġuni u mhux b’passjoni!

U, la ġejna għad-diskors tal-passjoni, ejja ma nħallix il-vizzju jirkibni u mmur nivvinta l-istejjer biex nieħu flus in-nies! Il-ħalliel u l-giddieb għomru qasir! Jinqabad malajr! Għax f’Malta u Għawdex kulħadd jaf lil kulħadd! U l-kelma tiġri! Mela, jekk għandi l-vizzju, ejja nfittex l-għajnuna u mhux nipprova nidħak b’dak, b’dik jew bl-oħrajn! Ejja ma nivvintax pataflun stejjer ta’ gideb jew inkella nhedded lin-nies biex jagħtuni l-flus! Jekk ma rridx li niċċappas mal-ġustizzja! U nispiċċa ħażin!

Għax anki hawn ħbieb, il-vizzju rrid naffaċċjah ħalli, bil-għajnuna tal-Mulej u tal-oħrajn, naqilgħu mill-għeruq! U mhux nibqa’ infisqieh bil-gideb u bit-taħwid. Jiġifieri bid-diżonestà. Jalla dan id-diskors jasal għand min għandu jasal. U jiftaħ qalbu ħa jirriforma b’dan il-mod qabel ikollu jirriforma ruħu b’mod ieħor. Wara kollox flus li ġibthom mill-istejjer tal-gideb li nkun ivvintajt huma flus misħuta li jistħuni. U nkun sħetthom jiena stess għax inkun inftaħt għax-xitan, missier il-gideb u s-serq, li jkun niġġeż lili, lil saħħti u lil ruħi bil-gideb li nħallieh iġagħlni nivvinta u li bih inkun qarraqt bl-oħrajn!

Mela, anki f’dan il-każ, ejja immewwet il-ħażen li jattakkani minn ġo fija u ninfetaħ għall-imħabba tal-Ispirtu s-Santu li trid tqabbadni it-triq tal-onestà u tar-riforma. Ejja l-flus inġibhom bix-xogħol li naħdem u mhux noħodhom minn ħalq nies innoċenti li jbatu għal ħobżhom!

Grazzi pulizija u membri tal-ġustizzja li tiddefendu lilna ċ-ċittadini mill-qerq ta’ oħrajn u tgħinu lil min qiegħed fil-vizzju biex jirriforma ruħu ħa jgħix b’dinjità bħali u bħalek!

Leave a Reply

%d bloggers like this: