X’erba’ kelmiet dawk!


Dan l-aħħar, Papa Franġisku għamlilna diskors warrab wiċċek lilna l-Kapuċċini! Dan id-diskors għamlu f’Udjenza meta iltaqa’ ma ħuti Kapuċċini li ħadu sehem fil-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni li sar f’Ruma. Interessanti li dan id-diskors sabiħ u li fih x’tifhem sar nhar l-14 ta’ Settembru 2018, festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Mqaddes.

Dan id-diskors huwa sabiħ l-għaliex, kif qal il-Papa stess, ġej mill-qalbi! Prosit Franġisk! Kemm għoġobtni meta għedtli: Nippreferi inkellimkom hekk, mill-qalb! Aħna Kapuċċini! Mill-qalb għall-qalb! Il-ħafna uffiċċjalità tirvinana! Għax qatt ma tmur għall-għerq tal-problema. Il-qalb biss kapaċi tagħmilha din! Għax hija l-qalb biss li tagħmilna għalenija! Wara kollox, il-Bibbja fuq il-qalb u mhux fuq il-moħħ tkellimna! Għax hija l-qalb biss li tħares fi ħbub l-għajnejn ħa toħroġ il-verità li tfejjaqna u mhux fl-imħuħ biex toħroġ il-verità li tmegħkna għax tikkundannana meta lanqas inkunu għadna biss ftaħna ħalqna! X’purkerija! Veru?

Għoġbuni immens tlett punti li l-Papa tana, bħala Kapuċċini, biex naħsbu sewwa fuqhom. Qalilna, l-ewwel nett il-Kapuċċini huma ‘il-patrijiet tal-poplu’: din il-karatteristika tagħkom. Il-viċinanza lejn in-nies. Li tkunu viċini viċin tal-poplu tal-Mulej, viċin. X’waħda waħħaltli Papa Franġisku! Bħala Kapuċċin qed tgħidli biex inkun viċin in-nies. Mela, sur Patri, taħrabnix! Ieqaf kellimni! Meta tarani! Anki jekk m’għandix l-appuntament! Ħares lejja! Tibqax għaddej, kif tgħid it-talba, bil-qalb magħluqa u bil-pass imgħaġġel! Ieqaf! Indenja ruħek, ismagħni!

X’għandha speċjali din il-viċinanza man-nies? Jissokta Papa Franġisku: Hija l-viċinanza li tagħtina dik ix-xjenza tal-konkretezza, dak il-għerf. Hija aktar minn xjenza. Hija għaqal. Prosit Frangisk! Mela lili, bħala Kapuċċin, qed tgħidli li n-nies huma ktieb ħaj għalija! Ktieb li jieħu n-nifs! Ktieb li minnu nitgħallem l-għerf u l-għaqal! U huwa dan il-ktieb li għandu jkun il-ktieb tiegħi! Ħafna u ħafna aktar mill-kotba tal-karti jew tal-websites tal-internet. U mill-lawrji u l-korsijiet! Għax huwa minn dan it-tip ta’ ktieb, mill-ħajja, li jien nista’ nikber fil-għerf veru! U l-Papa, ta’ għaref u dehni li hu, spjegali, bħala Kapuċċin, min huma dawn in-nies li l-aktar għandi nkun viċin tagħhom: Viċinanza lejn kulħadd, imma l-aktar għall-aktar żgħar, imwarrba, għall-aktar iddisprati. U anki għal dawk li huma l-aktar ‘il bogħod.

Tajjeb Franġisk! Mela qed tgħidli biex inkun viċin il-morda, li tant iħossuhom skartati, żgħar, imwarrba, iddisprati u ‘il bogħod! L-aktar dawk li jħossuhom ‘il bogħod mill-Mulej u mill-Knisja tiegħu! Kemm hu kbir il-kamp tax-xogħol għażiż Patri Franġisku! Ibda’ mill-isptar!

U l-Papa kompla: Viċinanza: din il-kelma irrid li tibqa’ fikom, bħall-program. Viċanza għall-poplu. L-għaliex il-poplu għandu rispett kbir għaċ-ċoqqa Franġiskana. Sabiħ Franġisk dan il-kumment! U se nieħu kliemek b’responsabbiltà kbira! Għax fadalli wisq x’naqdef biex inkun viċin il-poplu! L-aktar il-morda li tant għandhom bżonni! Ejja sa Mater Dei għażiż Papa Franġisk ħa tara kemm hawn bżonn ta’ ħaddiema fil-ħsad! Ejja! Għalhekk grazzi li lili qed tgħidli personalment biex naħdem mal-poplu tal-Mulej li hu marid. Bla ma npappieha! Fakkartni Franġisk: U intom il-Kapuċċini għandkom din il-viċinanza: ħarsuha. Dejjem viċin tal-poplu. Għax intom il-patrijiet tal-poplu… Hija kariżma tagħkom, il-viċinanza tal-poplu, ikkonservawha.

U mbagħad Franġisku ħariġli bit-tieni waħda: ħaġa oħra tipika tal-Kapuċċini: intom nies kapaċi li tirrisolvu l-konflitti. Li tagħmlu paċi b’dak il-għerf li jiġi proprju mill-viċinanza. Fuq kollox tagħmlu l-paċi fil-kuxjenzi. Bħala Kapuċċin irrid nisma’! Ikompli l-Papa: Intom dan teżerċitawh fis-sagrament tal-Qrar u tal-Penitenza. Intom nies ta’ rikonċiljazzjoni. Issa qed nifhem l-għaliex, meta kont postulant, konna inkantaw, fil-kanzunetta U int Kapuċċin, u int Kapuċċin sibt il-ħin li tismagħni!

U jien, il-Patri, x’imsejjaħ nagħmel fl-isptar? Mhux li nisma’ ma nafx kemm-il storja? Xogħli hu li nisma’! Għax, meta nisma’, hemm se nsib l-għerf u l-għaqal tar-rikonċiljazzjoni! Mela ħa nissokta nqarar u ma nieqafx! Jgħidli Papa Franġisku: Ikkonservaw l-appostolat tal-qrar, tal-maħfra: hija waħda mill-aktar affarijiet sbieħ li għandkom li tirrikonċiljaw lin-nies. Kemm fis-sagrament, fil-familji: irrikonċiljaw, irrikonċiljaw. U trid il-paċenzja għal dan. Mhux kliem. Ftit kliem. Imma viċinanza u paċenzja! Veru Franġisk! Ejja Mater Dei u tara l-art fertili għal dak li qed tgħidli! Fuq hemm nista’ inkellmek jien! Għalhekk ġejt ipprogrammat bħala Patri Kapuċċin mill-Programmer Etern!

Fl-aħħar nett, il-Papa fakkarni fit-talb sempliċi. Qalilna l-Kapuċċini: Intom nies ta’ talb, imma sempliċi. Talba wiċċ imbwiċċ mal-Mulej, mal-Madonna, mal-qaddisin … Ikkonservaw din it- sempliċità fit-talb. Itolbu ħafna, imma b’din is-sempliċità. Nies ta’ paċi, ta’ talb sempliċi, nies tal-poplu, nies tar-rikonċiljazzjoni. Dan hu li tixtieq il-Knisja minnkom li tkunu: ikkonservaw dan. U b’dik il-libertà u sempliċità li hi proprja tal-kariżma tagħkom.

Ħa nieqaf għax għajnejja issa mtlew bid-dmugħ. Dmugħ ta’ apprezzament, indiema, kuraġġ u tama kbira! Hekk irrid ngħix jien! U dan irrid ngħixu ma’ ħuti l-morda! Papa Franġisk huwa jien li rrid nirringrazzjak! Ikkonfermajtli triqti ta’ Kapuċċin! Itlob għalija ħa nkompli hekk, alla cappuccina! Mal-morda! Bħal Patri Joe Saliba OFM Cap! Sal-aħħar nifs ta’ ħajti fuq din l-art!

X’erba’ kelmiet dawk Papa Franġisk!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.