Il-waqfa li jmiss …


Noħroġ filgħodu, għodu għodu, kmieni, kmieni. Inkella għall-qilla tax-xemx, mal-ġurnata. Jew filgħaxija. X’ħin jibda’ jaħseb ħa jidlam u hekk il-jum imur jorqod.

Nitla’ fuq il-karozza. Li tiġi u tkun tajba għalfejn ikolli bżonn immur. Nidħol ftit ‘il ġewwa. Mhux ħafna. Ħeqq! Irrid nirrispetta wkoll li qed nikber. M’għandnix it-tifel ta’ għoxrin, it-tletin u lanqas l-erbgħin. U, ngħiduha kif inhi, il-bniedem mhux kemm għandu żmien jgħodd imma minn xiex jgħaddi f’ħajtu. Intant…

Immur insib il-post fejn inħoss, fil-fond ta’ qalbi, li se nkun mistrieħ. L-għaliex, fil-ħajja li ngħixu bħalissa, u bil-bżonnijiet li ma jispiċċaw qatt fl-għalqa tal-Mulej, wieħed irid iva jitgħallem inkun man-nies u jistrieħ ukoll. Inkella kif ħa jkampa? Bil-mewġ tal-bżonnijiet dejjem ġej? Waħda akbar minn oħra?

U allura, malli nintasab bilqiegħda, eżattament taħt l-aircondition, xejn xejn jiffriskani xi ftit, jekk inkun filgħodu, il-ħoss tal-kantaliena tar-recorder jibda’ dieħel f’moħħi. Bħal trapan trasparenti. U, bid-dawrien tiegħu, avviż f’avviż, għid li ħa jdamdamni xi ftit. Anki jekk għandu wkoll il-ħoss ħelu tiegħu. Sakemm iva, dan l-imbierek ta’ ħoss, jibqa’ sejjer dritt dritt għal ġo qalbi. U, fuq il-monitor, araha tidher il-frażi li nkun qed nisma’ waqt li nkun għaddej minn belt u raħal għall-ieħor. Fil-karozza. U, din il-kantaliena, nibda’ nismagħha sewwasew ftit qabel il-karozza tkun se tasal f’dik il-waqfa partikulari. Il-waqfa li jmiss hija …

Il-waqfa li jmiss!… Mela anki fi vjaġġ hemm il-waqfiet! Sintendi! Mhumiex il-waqfiet li jagħmel Lewis Hamilton f’xi pit stop! Jiġifieri dik il-waqfa ta’ tlett sekondi! Għall-ewwel, moħħi, li għad fadallu x’jitgħallem, kien jistgħaġeb bil-bosta l-għaliex fit-tiġrija tal-Formula Wieħed il-waqfiet kienu jkunu biss ta’ sitt sekondi. U, Alla jbierek, illum inżilna għal tlett sekondi biss! X’għaġeb tal-għeġubijiet! Veru?

Imma stenna naqra ħej! Mela l-ħajja hekk? Tiġrija? Tal-Formula Wieħed? Tiġrija f’ċirkwit li li rridu nduruh mat-53 jew 56 darba? Daqshekk biss il-ħajja? Ċirkwit? Ikolli ngħid li meta ngħix ħajti bħal pagan hekk naraha tafux: ċirkwit. Għax kollox ipprogrammat! Kollox issettjat! Kollox lest minn qabel! U tant kemm norbot is-sigurtà tiegħi ma’ dan iċ-ċirkwit li meta jkun hemm xi ħaġa li ma marritx skont dan iċ-ċirkwit, jiġifieri skont l-itinerarju li ilni nagħmel issa s-snin, liema itinerarju għandu fih, skolpit f’laħmi u f’demmi, kull dettall possibbli taħt is-sema, allura sploda l-vulkan! Bdiet l-aħħar tad-dinja! U dħalna fl-apokalissi!

U le! Ejja naraw il-ħajja bħala mixja. Li m’hijiex le ċirkwit tal-Formula Wieħed! Dik il-ħajja li għandha bżonn ħafna waqfiet. Le nerġa’ ngħidlek! Mhux il-waqfiet tal-Formula Wieħed! Ta’ tlett sekondi! U ejja ħa mmorru! Ħajti u ħajtek għandha bżonn il-waqfien li jieħdu ħafna aktar minn tlett sekondi. Almenu ħalli jieħdu l-minuti, is-sigħat, il-jiem u l-ġimgħat! Għandna bżonn nieqfu! Ħalli, bħall-karozza, nerġgħu nirrankaw! Ħa nkomplu nimxu u mhux niġru!

Tafu li llum, anki jekk irrid, jien ma nistax niġri bħalma kont nagħmel meta kont iżgħar? Inkella jiġrili li, jekk nimpika ma’ dak li veru jien, qalbi dritt tibda’ tirbombja. Għax, miskina, ma tiflaħx għal dak l-istrapazz aktar! Mela s’hawn u s’hawn tista’ tasal Patri Mar! Titmattarx aktar! Tilgħabiex tal-hero! Jekk ma tridx li tibqa’ miftuħ għall-eternità!

Mela ejja ħbieb nitgħallmu nimxu fil-ħajja! Ħa niggustawha! Napprezzawha! U nistagħġbu biha! U nkunu iva ħerqana għall-waqfa. L-għaliex anki l-waqfa hi skola fejn fiha nikbru f’dan l-apprezzament sabiħ tal-ħajja! Mingħajr il-waqfiet il-ħajja issir passaġġ għat-tkissir. U niżla tad-deheb għall-qerda totali!

Ejjew nitgħallmu nieħdu l-waqtiet bis-serjetà! Biex nistrieħu! Ħa nitolbu! U hekk nisimgħuH. Hu, li hu l-mergħat kollhom ħdura! L-ilma li jrejjaqni! Hu! Li nsibuh fil-Knisja, fil-kampanja, fil-kwiet ta’ qalbna. U, saħansitra, anki fir-rokna tad-dar u dik tal-kunvent. Inkella ħdejn il-baħar! Imma lilU irridu nfittxu! Biex jkellimna bl-ilsien tiegħu li m’għandux il-kliem tagħna! Il-preżenza ħelwa, friska u melliesa tiegħu għalina hi ħajjitna! Hi taħjijna!

Kun akkanit u akkanita tal-frażi tal-karozza: il-waqfa li jmiss … ! Għax mimlija għerf! Ħajja! Grazzja! Ferħ! U serħan tal-qalb! Mela issa ippermettili nistaqsik: Meta se tkun il-waqfa li jmissek tagħmel …?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.