L-Isqof Mario Grech f’Jum il-Forzi Armati fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 10 ta’ Ottubru 2018: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex f’Jum il-Forzi Armati fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

19.jpgL-AQWA ARMA TAL-FORZI ARMATI HIJA L-UMANIŻMU

Il-Vanġelu jirrakkonta storja ta’ bniedem iddisprat għax ma jafx x’ser jagħmel b’ħajtu u fl-istess waqt jirnexxilu jiftaħ kapitlu ġdid fil-ħajja tiegħu. Żakkew ma kienx raġel gwapp. Soċjalment kellu pożizzjoni għolja għax kien il-kap tal-pubblikani u kellu ħalqu fix-xgħir, għax barra li kien jiġbor it-taxxi, kien ukoll jitfa’ xi ħaġa fil-but. Peress li kien ukoll widna għar-Rumani li kienu ħakkiema barranin, lil-Lhud ma kienx jinżlilhom u għalhekk kien dejjem fuq ilsien in-nies għax kienu jobogħduh! Għaldaqstant Żakkew kien dejjem imdejjaq u kellu xkora nervi. Imma fl-istess waqt Żakkew ma ntelaqx, ma ħalliex dawn il-limiti jaqtgħulu qalbu, imma pprova jieħu ċerti inizjattivi, xi drabi anki kontra n-norma, tant li darba, biex jara x’kien qed joffri Ġesù, tela’ fuq siġra tat-tin selvaġġ u nħeba! Għal raġel tat-tip tiegħu, li huwa deskritt bħala “ħażin”, ma kienx jagħmillu ġieħ li juri li kellu interess fin-Nazzarenu; imma ried jipprova jsir jaf x’kien qed joffri Ġesù.

Il-laqgħa ma’ Ġesù ġabet bidla kbira f’dan ir-raġel li l-Vanġelu jiddeskrivih bħala “ħażin”. Is-sigriet ta’ din il-bidla kien l-atteġġjament ta’ Ġesù miegħu – kif ittrattah Ġesù!

Ma kienx Żakkew l-ewwel wieħed li ra lil Ġesù; imma bil-kontra – kien Ġesù li żebbeġ għajnejh ifettex lil Żakkew. Dak li kien qed ifittex (Żakkew) skopra li kien qed jiġi mfittex minn Ġesù. Filwaqt li b’ħarsietha n-nies riedet tieklu, il-ħarsa ta’ Ġesù kienet stedina kollha mogħdrija. Alla kien qed ifittxu minkejja l-istorja diżordinata tiegħu. Mhux aħna ser insibu s-soluzzjoni, imma huwa Alla li huwa miġnun fuqna u li permezz ta’ Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna.

Lil Żakkew, Ġesù ma jqegħdux fil-kajselli – ma joqgħodx iqis li dan huwa pubblikan, ħabib tar-Rumani, ħalliel, korrott jew midneb. Għal Ġesù ma hemmx kategoriji u tikketti. Għal Ġesù l-bniedem huwa bniedem, irrispettivament mill-imgħoddi tiegħu, mill-kulur tal-ġilda tiegħu jew ta’ twemminu, mill-iżbalji li jkun għamel… Fil-bniedem Ġesù jara biss l-umanità li hemm f’kull individwu.

Meta jilmaħ lil Żakkew, Ġesù ma jħarisx minn fuq għal isfel imma bil-maqlub: Ġesù jħares minn isfel għal fuq (Żakkew kien fl-għoli fuq is-siġra). X’differenza minna l-bnedmin! Kemm inħossuna differenti meta nsibu ruħna quddiem xi ħadd fl-awtorità u dan, flok ma jiddomina fuqna, iħares lejna minn isfel u hekk id-distanza li jkun hemm bejnietna titqassar!

Ġesù ma jersaqx lejn Żakkew b’attitudni ta’ ġudikant u, filwaqt li jakkużah li għamel għadd ta’ żbalji u inġustizzji, l-ewwel jordnalu jmur jirranġa t-taħwid li għamel (jindem u jirrepara), imbagħad jilqgħu fil-preżenza tiegħu. Mhix il-konverżjoni li qanqlet is-simpatija ta’ Ġesù lejn Żakkew; imma l-oppost: kienet is-simpatija li Ġesù wera miegħu li wasslet lil Żakkew biex jikkonverti u jirranġa l-ħsara li kien għamel. Ġesù ma jużax kliem ta’ theddid jew kundanna, imma juri ħniena kbira!

Mid-djalogu ta’ bejniethom jidher ċar li mhux Żakkew li jilqa’ lil Ġesù, imma Ġesù li jesprimi l-bżonn tiegħu personali li jfittex kenn għandu, anzi, jitolbu joqgħod mal-mejda tiegħu biex jieħdu bukkun flimkien – ġest li jfisser ħafna. Din it-talba li toħroġ minn qalb Ġesù tixhed li Alla ma jistrieħx qabel ma jpoġġi mal-bniedem. Alla ma jkunx mistrieħ qabel joqgħod mal-bniedem. Mhux il-bniedem li jħabbat fuq il-bieb ta’ Alla, imma huwa Alla li jaqbad il-ħabbata tal-bieb tagħna u jitlobna ndaħħluh għandna.

Dan kollu jikkonferma li kienet l-umanità u mhux id-divinità ta’ Kristu li qanqlet dan il-proċess tqil f’qalb Żakkew. L-umanità ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, tistimula l-umanità rieqda ta’ Żakkew. Kienet l-umanità ta’ Ġesù li raddet id-dinjità umana lil Żakkew, u hekk għal dan il-bniedem jisbaħ jum ġdid. Dan huwa l-ġid li skopra Żakkew, tant li jinżel jiġri minn fuq is-siġra u jgħid lil Ġesù li kien ser irodd lura dak li ma kienx tiegħu!

Din l-esperjenza ta’ Żakkew ngħixuha aħna lkoll fuq il-ġilda tagħna stess. Min minna, minkejja kollox, ma jgħaddix minn waqtiet fejn iħoss li ħajtu qed titbattal mis-sens, jara kollox nieżel u jibda jfittex kull soluzzjoni, anki illegali, biex forsi nsibu raġuni biex ngħixu? Ejjew immorru għand Ġesù, għax fih hemm il-fattizzi tal-wiċċ uman awtentiku. Hija l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu li tagħtina l-qawwa biex inlibbsu bl-umanità lill-bniedem li l-umanità tiegħu saret biċċiet minħabba d-diżordni li hawn madwarna.

Din l-istedina nagħmilha mhux biss lilkom individwalment, imma wkoll lilkom bħala kollettività – bħala l-Forzi Armati ta’ pajjiżna. Il-ħidma tagħkom iġġibkom wiċċ imb wiċċ ma’ persuni li huma bħal Żakkew – persuni li tant ikunu mdejqa u ddisprati li ġieli jagħmlu ħwejjeġ li ma għandhomx jagħmlu. Il-ħidma tagħkom tlaqqagħkom ma’ individwi li qegħdin ifittxu futur. Kieku ma’ dawn in-nies nuru dawk l-atteġġjamenti li Ġesù wera ma’ Żakkew (ma nużawx kategoriji, ma nitkellmux minn fuq għal isfel, minflok ma nikkundannaw infittxu kif nirriabilitaw, u l-bqija), nemmen li jirnexxielna nirbħu l-fiduċja tagħhom u ngħinuhom jieqfu fuq riġlejhom.

Meta nisma’ ċerti stejjer dwar il-ħidma tagħkom, anki dawk riċenti meta salvajtu ħafna nies mill-għarqa, lili tikkonfermawli kemm intom bħala Forzi Armati intom għonja fl-umanità. Il-messaġġ li nixtieq inħallilkom f’dan il-Jum iddedikat lilkom huwa dan: bħala Forzi Armati aħna ma noqogħdux ħdejn ħaddieħor f’dak li għandu x’jaqsam mal-armamenti; aħna pajjiż żgħir u l-mezzi tagħna huma limitati. Imma jien ċert li aħna ngħaddu qatigħ Forzi Armati oħrajn fl-umaniżmu. Nemmen li l-umanità rara li San Luqa jinnota fil-Maltin hija l-aqwa arma tal-Forzi Armati ta’ pajjiżna. Nitlob għalikom biex tkomplu tistagħnew f’din l-umanità, għax bl-imġiba umana tagħkom tistgħu tirbħu ħafna bnedmin u tgħinuhom jibdew jiktbu paġna ġdida fil-ktieb ta’ ħajjithom. Inpoġġikom taħt il-ħarsien ta’ Marija, biex, kif kienet hi li tat l-umanità lill-Iben ta’ Alla, lilkom ukoll tkompli żżejjinkom b’ħafna umanità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading