Sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek
meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali
Fondazzjoni St Jeanne Antide.
01 – It-Tifel Ġewwieni Tiegħi, Xi Jrid Jismagħni Ngħidlu?
Insellimlek! Tiftakar meta kont tfal? Taħseb li dik it-tifla jew tifel, li inti kont, issa sparixxiet, għax kbirt? Le, hemm għadha, u hekk għandu jkun.
F’ħafna minna, hemm tifel jew tifla ġewwinija fina illi darba, ilu, kienet imweġġa’. It-tfal ma jafux jinħelsu weħedhom minn burraxki kbar tas-sentimenti, meta jkunu mweġġgħin, jew beżgħana, jew irrabjati, jew meta jkunu qed iġorru responsabbiltajiet li ma jifilħux. Għalhekk, it-tfal ikollhom bżonn adulti li jisimgħuhom, ifarrġuhom u jħobbuhom.
Bosta drabi, it-tfal ma jinħelsux, forsi għax il-ġenituri ma kenux preżenti jew għax kienu jagħmlu żbalji fit-trobbija bħal preferenzi, dixxiplina żejda jew nieqsa, ma jisimgħux lit-tfal b’rispett, ma jgħannquhomx, jew ma juruhomx ħafna mħabba. Forsi il-genituri kienu morda żmien twil, jew xurbana, jew moħħhom biss fihom infushom. Allura, ħafna tfal ikollhom iżommu l-weġgħat u l-biżgħat tagħhom mrassa ġewwa fihom. Dan jagħmlilhom il-ħsara. Imbagħad, meta jikbru u jsiru adulti, ma jkunux ħielsa u ferriħija kif għandhom ikunu.
Darba kont naf mara, ta’ xi erbgħin sena, dejjem beżgħana, qatt mhi kapaċi tieħu riskji, u ma tipprova xejn ġdid għax tibża’. Intbaħna li t-tifla ġewwinija tagħha kienet iġġorr il-piż ta’ meta il-veru tifla li kienet fl-antik, kienet kisret dirgħajha meta kellha biss sentejn!
Issa li inti adulta, agħti mħabba u wens lit-tifla ġewwinija! It-tifla ġewwinija tiegħek x’aktarx muġugħa. Oqgħod waħdek fil-kwiet, tinsiex li inti l-adulta. Stenna sakemm tiġik stampa f’moħħok tat-tifla li kont. Jekk hija stampa ferħana, għannaqha u erġa’ lura. Meta tiġik l-istampa mhux sabiħa f’moħħok, ersaq lejha. L-ewwel ara dik it-tifla x’qed tħoss, u mbagħad ara xi jkun ġralha. Ismagħha! X’qed tħoss? Ifhima, uriha li tħobbha, u serrħilha qalbha billi tagħtiha dak li għandha bżonn. Beżagħna? Ħobbha; għidilha li inti bħala adulta tipproteġiha. Tħossha weħedha? Għannaqha; għidilha li inti dejjem sa tieħu ħsiebha. Muġuha? Farraġha. Tħossha ħatja ta’ xi ħaġa? Ħobbha; aħfrilha. Kienet abbużata? Għidilha: ma kienx jistħoqqilha, u mhux tort tagħha.
Erġa’ agħmel dan kollu sakemm, meta tipprova ġġib l-istampa tat-tifla f’moħħok, dejjem issibha, f’moħħok, kuntenta. B’din il-ħidma fuqek innifsek tkun qed tfieq u tinħeles minn ġewwa nett.
Jekk taħseb li tassew ma tistax tkampa waħdek mal-uġigħ, biża’, rabja, niket u riżentimenti kbar tiegħek, fittex l-għajnuna minn xi ħabib għaqli kalm u matur, jew minn xi servizz professjonali. imaginetony@gmail.com.