Għeżież ħbieb,
Wasalna għal staġun ieħor li jġib miegħu diversi attivitajiet fil-Karmnu tal-Imdina. Kif tafu fis-6 ta’ Ottubru bdejna s-seminars tal-Carmelite Institute Malta. Min hu nteressat jieħu sehem għadu jista’ japplika. Il-programm jinsab on-line kemm fuq dan is-sit u wkoll fuq is-sit tal-Carmelite Institute Malta.
Bejn it-13 u l-31 ta’ Ottubru il-kunvent se jkun miftuħ għal wirja ta’ arti tal-artist Damian Ebejer. Din il-wirja li ġġib l-isem ta’ The Within: Paintings and Divergencies u tinterpreta l-Kastell Ġewwieni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Fl-20 ta’ Ottubru mill-10.00 am san-12.30pm il-Prof. Michael Zammit se joffri taħdita u diskussjoni fuq il-Kastell Ġewwieni u l-interpretazzjoni ta’ Ebejer. Id-dħul għall-wirja u s-sehem fis-seminar huwa b’xejn.
Bħal kull sena nfakkru l-Mewt tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech. Din is-sena it-tifkira taħbat f’għeluq il-75 sena. Iċ-ċelebrazzjonijiet huma dawn li ġejjin:
27 ta’ Ottubru: Pellegrinaġġ fuq il-Passi tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech. Niltaqgħu il-Mosta fuq iz-zuntier tal-Bażilika Arċipretali fid-9.00am. Tista’ tniżżel il-Programm minn hawnhekk.
30 ta’ Ottubru: fil-Bażilika Arċipretali u Parrokkjali tal-Mosta, fis-6.00pm jkun hemm ir-Rużarju b’meditazzjonijiet ta’ P. Avertan, fis-6.30pm Quddiesa Konċelebrata mill-Provinċjal P. Joseph Saliba, O.Carm., u wara tqegħid tal-Kuruni mal-monument tal-Qaddej ta’ Alla;
31 ta’ Ottubru: fil-5.30pm Rużarju u fis-6pm Quddiesa konċelebrata fil-Knisja tal-Karmnu l-Imdina. Wara niċċelebraw Velja ta’ talb u r-rakkont tal-pio transito tal-Qaddej ta’ Alla bi żjara fiċ-ċella fejn miet il-Qaddej ta’ Alla.
L-attivitajiet ikomplu fix-xahar ta’ Novembru li niftħuħ biċ-ċelebrazzjon tal-Qaddisin Kollha u l-Għid tal-Imwiet. Għall-Għid tal-Imwiet, jiġifieri fit-2 ta’ Novembru flimkien maċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed norganizzaw l-ikla tradizzjonali tal-erwieħ b’risq il-missjonijiet Karmelitani fil-Bolivja. Iktar informazzjoni minn hawnhekk. Bis-sehem tagħkom ngħinu lill-missjonijiet Karmelitani u lill-missjunarji tagħna.
Bejn id-9 u l-11 ta’ Novembru se norganizzaw irtir għall-koppji fid-Dar tat-Talb Lunzjata. Informazzjoni dettaljata tiġi ippublikata aktar tard.
Nhar is-16 ta’ Novembru waqt lejla letterarja li tibda fis-7.00pm inniedu flimkien mal-Arkivji Nazzjonali ir-restawr fuq il-kopja tal-Lexicon ta’ Vassalli li jinsab fl-arkivju storiku tal-kunvent.
Naturalment jibqgħu għaddejjin l-attivitajiet l-oħra li dwarhom bagħatna l-programm fl-ittre ta’ qabel din: Lectio Divina, Titus Brandsma Circle, Meditation Classes, il-laqgħat OASI għall-koppji.
Filwaqt li nsellu għalikom, nibqgħu magħqudin fit-talb.
Il-Karmelitani fl-Imdina.