Wara ħamsa u għoxrin sena


Iva! Kien eżattament bħallum, ħamsa u għoxrin sena ilu, il-Ħamis tal-1993. F’dan il-jum il-Mulej tani l-grazzja li nidħol mal-Patrijiet Kapuċċini.

Tgħid irreżiżtejtha l-vokazzjoni tiegħi? Tiċċajta! Ħrabtlu! Ħrabtlu! U ħrabtlu! U għandi min jixhidli għal dan. Min, b’imħabba kbira ta’ missier, għax veru Patri u saċerdot, bin-nuqqasijiet tiegħu għax hu bniedem bħalna, mexa b’tant imħabba kbira miegħi.

U illum, meta nħares lejn dan il-Patri, umli u li dejjem fittex l-aħħar postijiet għax veru Kapuċċin, qaddej ta’ Ġesù u sieħeb fidil ta’ San Franġisk, għalih iva jiena ngħid ma’ San Franġisk Missieri, kif stqarr hu stess fit-Testment tiegħu: Imbagħad il-Mulej tani u għadu jagħtini, tant fidi fis-saċerdoti li jgħixu skond kif trid il-Knisja Mqaddsa Rumana, minħabba d-¬dinjità tagħhom … U illum dan jien ngħidu mhux l-għaliex jien Patri u saċerdot jiena stess, sintendi li ma jistħoqqlix. Imma dan ngħidu l-għaliex bniedem. L-għaliex narah iva, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, f’kull Patri, Qassis u Isqof li l-Mulej ilaqqagħni miegħu. Fihom, midfun, hemm Ġesù stess! Ġesù sagramentali! Dak Ġesù li l-ġudizzju tiegħu biss u tal-ebda tribunal tal-bniedem jew ekkleżjatisku se jiddetermina l-eternità tiegħi u tiegħek.

Wara ħamsa u għoxrin sena li l-Mulej tani l-grazzja u qed jagħtini l-grazzja, li ngħix din is-sejħa daqshekk kbira, li ġieli, daqskemm hi kbira, jiena stess ma niflaħhiex, u kważi taqtagħli nifsi meta naħseb biss fuqha imqar naqra żejda, hemm ħafna tagħlimiet li l-Mulej bihom qed jgħallimni.

Il-Knisja tiġi irrifurmata bit-talb. U d-dinja tiġi msoqqija t-tama vera tal-vanġelu bit-talb. Dak it-talb li, l-għażiża ommi u l-għażiż missieri, għallmuni bil-kelma u bl-eżempju tagħhom. Iva! Ir-Rużarju! U r-Rużarju kollu! L-għoxrin posta. Kuljum! Għalhekk tarawni niġri bil-Kuruna tar-Rużarju mal-isptar lili. Mhux biex nixxowja kemm jien qaddis. Le! Qaddis minix! Għalkemm nixtiequ jqaddisni. U forsi mhux dejjem naqbel mal-mod kif irid iqaddisni. Imma rridu jqaddisni! Fir-Rużarju nitlob: Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalina midinbin! Xi grazzja! Qed nammetti li midneb! U qed ngħid lil Marija, Omm Alla u Ommi, u refuġju tal-midinbin, biex titlob għalija! L-ewwel wieħed! U mhux għalhekk inġorrha kullimkien il-Kuruna tar-Rużarju? Ir-Rużarju qawwi tant! Ir-Rużarju li bih jingħelbu l-battalji kollha! Neħħi r-Rużarju u x-xitan jidħol u jagħmel ħerba! Mela, Rużarju! Rużarju! Rużarju!… Li, u ovvjament, iwassallni għall-Kurunella tal-Ħniena Divina, għall-Kelma ta’ Alla, għall-qrar, għall-quddiesa, għat-talb liturġiku u l-bqija. Imma, u dan f’ħajti hu l-fulkru, ir-Rużarju! It-talba tal-Bibbja. Mela, Ad Jesum per Mariam!

Wara ħamsa u għoxrin sena l-Mulej għallimni tagħlima oħra kbira ħafna. Bħal Marija, Ġesù qed isejjaħli biex naqdih fin-nies fil-bżonn. L-aktar fil-morda. Meta niftaħ il-vanġelu naraha t-tweġiba quddiemi. Miktuba fil-Kelma setgħana tiegħu: Kont marid u ġejtu tarawni (Mt 25:36). Dan l-aħħar kelli konferma kbira kemm il-Mulej, lili, Patri Mario, imsejken midneb, iridni naħdem mal-morda. Dan rajtu f’dak li jgħid San Dorotew ta’ Gaza meta qal: “Jien innifsi kont naf b’Patri li kien qed jiġġieled ma’ xewqa ħażina u, l-għaliex kien iservi persuna marida li kienet qed tbati mid-diżenterija kien meħlus minn din il-ġlieda”. Meta qrajt dan f’qalbi għedt: U int Patri Mario mur taħdimx mal-morda? Ara jekk twarrab dan ix-xogħol qaddis minn ħajtek kemm tinfetaħ għax-xitan u l-anġli moqżieża tiegħu? Le ħi! Ibqa’ aqdi lill-morda! Ibqa’ ingħata! U hekk Ġesù jsalva lilek fin-nies li fihom int lilU taqdi!

Mhux li kien li l-Patrijiet u l-Qassisin kollha dan id-diskors nifhmuh! U mhux għalhekk ħbieb li Papa Franġisku jridna dejjem man-nies! L-aktar man-nies li qed ibatu! Meta ningħataw b’ġenerożità għalihom huwa aħna li qiegħdin insalvaw ruħna! U ħadd aktar!

Issa dan il-punt iwassalni għall-biċċa għerf li għallimni l-Ispirtu s-Santu dan l-aħħar f’talba. Mulej għinni nxammar il-kmiem u mhux imnieħri! Kemm hi importanti din! It-tixmir tal-kmiem idaħħalni fis-Saltna ta’ Ġesù. Isalvani! Jagħtini dinjità! L-istess bħalma kien jgħidli dak il-Patri qaddis fil-bidu tal-formazzjoni tiegħi bħala Kapuċċin. Kien jgħidli: “Mario, qabel tiekol dak il-platt li jġibhulek quddiemek filgħaxija dejjem staqsi lilek innifsek: ‘Jien ħaqqni nieklu dan il-platt?’”. Bravu ħija Patri! Nassigurak li, u dejjem mingħajr ma jistħoqqli, kelli ħafna jiem f’dawn il-ħamsa u għoxrin sena fejn kilt għall-qalbi u f’aptiti. Forsi żaqqi ħoxna dan turieh! Għax, u iva, ħdimt! U għadni naħdem mal-morda! U nibqa’ naħdem mal-morda sal-aħħar nifs ta’ ħajti! Għax lili San Franġisk dan hu li jgħallimni fit-Testment tiegħu: Meta jien kont għadni ngħix fid-dnub, id-dehra ta’ l-imġiddmin kienet għalija wisq morra. U l-Mulej innifsu mexxieni f’nofshom, u jiena wrejt ħniena magħhom. U wara li ħallejthom, dak li qabel deherli li kien morr, inbidel fi ħlewwa għar-ruh u għall-ġisem.

Ħbieb! Vera li l-għejja tal-ġiri ma’ l-sptar daqs dinja hi morra. Imma ħej kemm tinbidel fija fi ħlewwa għal ruħi u ġismi! L-għaliex il-Mulej tani iva grazzja li naħdem! Naħdem! U naħdem!… U nippreferi għall-eternità li nbati ma’ ħuti l-morda milli nixxaħxaħ f’kamarti tal-kunvent u nkun priża sempliċissima għall-għadu ta’ ruħi u ruħek!

Mulej, żommni nitolbok Kapuċċin, saċerdot u kappillan mal-morda fl-isptar sal-aħħar nifs ta’ ħajti. Dan nitlobhulek biex tkun il-grazzji tiegħi lilek għall-fiduċja li int dejjem turini. Amen!

Jekk jogħġbok itlob għalija biex din it-talba f’ħajti ssir rejaltà. Ħa nkompli naqdi lil Ġesù fik!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.