Kif tagħmel?


Mhux l-ewwel darba li jsaqsuhieli din il-mistoqsija: Patri! Kemm tikteb! Kif tagħmel biex tikteb daqshekk? Ngħidilkom il-verità anki jien staqsejtha din il-mistoqsija. U staqsejtha għal ma nafx kemm-il darba! U nibqa’ nistaqsieha! Forsi, xi darba, titfaċċa t-tweġiba!

Imma l-għaliex nikteb? Mela kemm għandi xi ngħid? Il-kitba, almenu għalija, hija misteru. L-ewwel nett, l-għaliex hi don li ġej minn Fuq! Iva! Il-kitba mhix tiegħi! Mela m’hijiex dak il-povru għasfur fil-gabjetta. U gwaj, gwaj, u gwaj għalija jekk dan id-don li tani l-Mulej, mhux għax jistħoqqli, imma l-għaliex Hu Qaddis, jien ma nħaddmux! Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li esprimejt minn qalbi dan il-ħsieb. L-għaliex nemmnu bil-bosta! Inħobb nirraġuna hekk: Jekk irrid immur l-infern żewġ affarijiet għandi nagħmel. L-ewwel waħda hi li ma niktibx. L-oħra xi ħaġa bejn Ġesù u bejni. Mela, out of bounds għal kulħadd!

Inħossni noffendi bil-kbir lill-Mulej jekk ma niftaħx il-vit ġewwieni ta’ qalbi ħalli, minn ġo fija, ikun jista’ joħroġ dan l-ilma dejjem ġej li għandi fija jdur ġewwa fija. Ilma li, ma’ kull pass li nagħti, narah se joħroġli ukoll minn xi mkien. L-aktar, mill-bir tal-isptar. U hawn hu l-għaġeb! Kif jista’ ikun li, minn post daqshekk ta’ tbatija, wieħed jiltaqa’ ma’ daqshekk tagħlim? Possibbli mela li t-tbatija ma żżarżarlix moħħi inkella l-ispirtu tiegħi? Ħalli ma ngħidx li żżarżarhomli. Imma, xi minn daqqiet, inħossha iddamdamhomli. U ma jistax ma jkunx hekk! Għidli tiddamdamx meta tara nies żgħar fl-età, l-aktar tfal, li jmorrulek in-naħa l-oħra? Għidli x’jibqa’ fik?

Imma, u grazzi għall-kitba, għalkemm qatt ma nista’ nagħti raġuni għalfejn dan iseħħ, it-terapija tal-kitba turini kontinwament li l-ħajja rigal. Għalhekk għandha tiġi apprezzata l-ħin kollu. Ma’ kull nifs. Il-kitba tfakkarni li kull persuna hija ktieb. Bil-paġni speċjali tiegħu. Li kull persuna għandha l-kapitli tagħha. U, fl-istess kapitli, għandha l-paragrafi, is-sentenzi, il-kliem u s-sintassi tagħha. Kull persuna tibqa’ ktieb ħaj lest biex jiġi skopert. U, tkun ħasra kbira jekk, dan il-ktieb, jiġi skartat inkella ittrattat ta’ żibel.

Il-kitba tfakkarni li l-ħajja hi sagramentali. Jiġifieri li l-ħajja ta’ din l-art qiegħdha f’għaqda sħiħa mal-ħajja li hemm lesta warajha. Mela anki ktieb il-ħajja ta’ din id-dinja, dak il-ktieb li huwa int u jien, huwa f’għaqda u f’kontinwazzjoni sħiħa mal-ktieb li jissemma fil-ktieb tal-Apokalissi. Ma nafx għaliex imma dan il-ktieb li jissemma fl-Apokalissi aqta’ kemm qed jiġini f’moħħi u f’qalbi f’dawn il-jiem! Mela x’fih speċjali dan il-ktieb? Skont Apokalissi kapitlu 13 vers 8 dan il-ktieb hu ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf il-maqtul.

Għall-bidu din il-frażi ma fihmitx sew. Għalhekk dort lejn l-Ispirtu s-Santu u tlatbtu hekk: Spirtu s-Santu, fehmieli naqra jekk jogħġbok din il-frażi? Tafu li dritt beda jfehmieli f’qalbi! Fis-skiet tal-ġewwieni tiegħi l-Ispirtu urieni kif il-ħajja tal-Ħaruf m’hija xejn għajr il-ħajja ta’ Ġesù li miet għalija u għalik. Għalhekk, kull ħajja li hawn fid-dinja, inkluża tiegħi u tiegħek, tiġi tabilħaqq mifdija fil-ħajja ta’ Ġesù. U kull ktieb li hawn fid-dinja, jiġifieri ħajti u ħajtek, jagħmlu sens jekk ikunu miktuba fil-ktieb tal-ħajja. Jiġifieri l-ktieb ta’ Ġesù. Li, min jemmen fih, għandu l-ħajja ta’ dejjem!

Allura jien, il-Patri, għaliex nikteb? L-għaliex nixtieq ħafna li, jiena u int, isimna, jiġifieri ħajjitna, jibqgħu miktuba fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf! Fil-ktieb ta’ Ġesù li miet u rxoxta għalina! Nikteb l-għaliex anki f’ħajti, kontinwament, nara l-mewt u l-ħajja. U ħajja u mewt ukoll. Il-ħażin jeħtieġlu jmut. Is-sikrana tinħaraq fin-nar tal-imħabba li tissagrifika ruħha. Hekk il-qamħa ma jkollha xejn xi jxekkilha biex tikber u tagħti l-frott.
U kif nagħmel biex nikteb? Meta l-Ispirtu s-Santu ipespisli biex nikteb nibda’ nikteb. U, jekk nitnikkirlu, malajr ifakkarni fl-eżempju tal-Profeta Samwel: Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn (1 Sam 3:19).

Spirtu s-Santu, tħallini qatt nikteb xi ħaġa qabel inkun tlabtek. Hekk inserraħ qalbi, moħħi u l-ispirtu tiegħi li dak li nkun tajtni nikteb ma jmurx fix-xejn. Għax ikun ġej minnek, L-INT MIN INT! Amen!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.