Wara l-ewwel xita


Kien jum il-festa ta’ San Franġisk. Wara li kelli l-programm fuq it-televiżjoni, fejn ħafna jarawni ma’ Karl Bonaci u Natius Farrugia u jieħdu sehem b’ħafna nteress u bi profitt fid-diskussjoni li l-Ispirtu s-Santu jagħtina u jmexxina fiha, ridt immur sal-Furjana. L-għaliex, u dejjem kif ħsibt jien, almenu dakinnhar, kelli laqgħa l-Istitut Kattoliku.

Madankollu, u wara li wasalt hemm, u iċċekkjajt sewwa dwarha, mill-ewwel intbaħt li, bħal uħud mid-drabi, kont jien li għamilt l-iżball. Għamilt froġa! Ħeqq! Issa m’hemmx x’tagħmel! Li hemm hemm! U inutli li noqgħod inħaqqaqha. La għaffiġtha issa għaffiġtha! X’kull waħda tnejn! Għalhekk, u quddiemi, dehret għażla x’nista’ nagħmel. Jew naqbad il-karozza tal-linja, kif kien hemm min issuġġerili, u nerħilha lejn l-isptar ħa nħejji ruħi għax-xift ta’ billejl billi nistrieħ xi ftit. Inkella nagħmel bħalma kont nagħmel meta kont student l-Università u nerħilha bil-mixi. U, biex inżid ma’ dan, smajt f’widnejja l-parir għaqli tas-supervisor tas-CPE tiegħi fl-Awstralja li kienet tħeġġiġni mmur passiġġjata. Ħa nirrilassa.

L-esperjenzi tabilħaqq sbieħ li kelli f’dawn iż-żewġ esperjenzi li għadni kemm semmejt, jiġifieri kemm f’Malta u kif ukoll fl-Awstralja, mill-ewwel bagħtu messaġġ ħafif ħafif u ħerqan ħerqan lil riġlejja ħalli jlestu ruħhom għal mixi. Iva! Għall-mixi! Jew aħjar għall-mixja! F’dak il-jum fejn, mill-asperġes tas-sema, aqta’ kemm il-Missier Etern kien qiegħed iwaddbilna ilma tax-xita fuq Gżiritna! Biex tagħqad l-ajru kien ukoll imħejji biex jerġa’ jbexxex! Forsi għalhekk mela li kien hemm min tani l-parir biex ma nimxix. Li ma mmurx nieħu xi tixriba!

Iżda, u fil-fond l-aktar ġewwieni ta’ qalbi, ma ħassejtx ħaġa oħra għajr li mmattar riġlejja u nibda nimxi. U bdejt iva nimxi. Għaddej minn fuq il-bankina. Qalb dik iż-żiffa imsieħba minn riħa friska u sabiħa li turi l-miġja ta’ ħajja ġdida li, ħalba xita tajba, taf dejjem tagħti fil-jiem l-aktar bikrin t’Ottubru. Imxejt. U għaddejt minn fejn iċ-ċimiterju ta’ Braxia. Kemm telgħeluli jiġru t-tikiriet ta’ meta kont għandi student l-università! Nieżel in-niżla taċ-ċimetrju għall-lezzjonijiet! Kemm kont tabilħaqq napprezzaha ħbieb dik in-niżla! L-għaliex, u minn natura tagħha, din in-niżla mbierka kienet qed tħejjijni għar-rankatura li kelli nħabbat wiċċi magħha tat-tagħlim akkademiku.

Liema rankantura ġieli xkanatni wkoll! L-għaliex, min imidd idejh għat-tagħlim, għid li se jkollu jħabbat wiċċu ma’ kollox! Daqskemm ħabbatt wiċċi jien ma’ kull eżami li kelli nagħmel. U eżami ta’ kull xorta! Kemm kelli naffronta suġġetti tqal! Li, u mhux l-ewwel darba, it-titli tagħhom stess kienu jew iqabbaduni l-bard inkella jxaqqu l-għaraq għalija! Aħseb u ara mela l-kontenut tagħhom! Ġieli wkoll kont inħossni bħal meta darba, meta kont għaddej minn fuq il-fosos ta’ ħdejn il-kunvent tal-Furjana biex immur għal tutorial kmieni kmieni fl-Università, żlaqt u ħadtha għal dahri fuq il-blat! Awċ! X’uġiegħ! Imma tifimha wkoll! Min ma joħodhiex għal dahru inkella għal wiċċu meta jitfa’ saqajh ħa jimxi? Mela, grazzi Mulej li ħeġġiġtni nimxi!

Imbagħad, mixjieti, ħaditni lejn ix-xatt tal-Imsida. Kemm inħobbha ħbieb dik id-dehra mill-isbaħ tal-baħar! Kemm tiffriskani! Kemm tagħtini kuraġġ! Kemm tiftaħli l-pulmun ta’ ġismi u dak ta’ ruħi biex nimrah! U nimrah ‘il bogħod! Lil hemm mill-orizzont l-aktar imbiegħed fuq ix-xefaq ta’ quddiemi!

U hemm, jien u miexi, nara raġel jaqbad mulett daqshiex! Kemm kien sabiħ dan il-mulett! U imlaħħam! Lewnu lewn il-fidda. Ir-raġel, b’sengħa kbira, ta’ sajjied Malti li hu, dritt ħareġ il-kopp li kellu u, bis-sabar kollu, tella’ lil dan il-mulett. Ngħidilkom is-sewwa, dak il-mulett li kien fih Alla jbierku, hemm, jiżfen u jitħabat biex jerġa’ isib postu fil-baħar ħa jgħum ma’ ħutu u ħuti l-ħut, stħajjiltu f’dehra xi ftit traġika. Miskin! Almenu għalih! Iva ħbieb! Stħajjiltu fil-forn! Bit-tewm u naqra żejt taż-żebbuġa fuqu! Al cartoccio! Imsieħeb, sintendi, b’naqra patata moqlija jew il-forn. Inkella, jekk int bid-dieta, bħalma qiegħed jien, b’kontorn ta’ ħaxix madwaru. Imbagħad għidli x’int tiekol eh!

Aħfirli għażiż ħija mulett! Xi ħsibijiet għandi għalik illum, il-Ħadd Imqaddes! Veru? Imma żaqqi waqgħetli x’ħin rajtek iddur f’dak il-kopp. Kont wisq sabiħ biex tiġi mitfugħ fil-forn! L-istess bħalma, sa ftit żmien ilu, dak li jkun kien imur ifittex il-bebbux. Wara l-ewwel xita. Ħa jaqbdu. Isajmu. U mbagħad isarju. Bl-aljoli! Kemm tifkiriet! Kemm tifkiriet! …

U huma dawn it-tifkiriet, ta’ familja maqgħuda, li tħobb u tiċċelebra flimkien, b’ikla tajba u tradizzjonali Maltija, li tagħti kuraġġ kbir lil ħajti u l-ħajtek! L-istess bħalma, tmin mitt sena, San Franġisk ġab miegħu dan l-ispirtu mqaddes u li jqaddes ta’ familja meta poġġa fil-prattika, u sal-inqas tikka, il-vanġelu ta’ Kristu!

Il-vanġelu, ix-xita li tagħti l-ħajja lili, lilek u … lilna ilkoll!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.