Daqshekk jafdana!


It-teknoloġija moderna għandha ħabta tissemma fil-ħażin biss. Qisu din it-tekonoloġija ġiet ivvintata biss biex tagħmel il-ħsara. U xejn aktar. Imma l-esperjenza, li hija għalliema l-ħajja, lili turini mod ieħor.

Milhux persuna bgħatitli messaġġ li lili tgħidx kemm għamilli ġid. Dan il-messaġġ, li kien bl-Ingliż, kien jgħid hekk: God uses broken people like you and me to rescue broken people like you and me. Bl-ilsien Malti: “Il-Mulej juża nies imkissrin, bħalek u bħali, biex bina isalva persuni mkissrin, bħalek u bħali”. Ngħidilkom is-sewwa, meta rajt dan il-messaġġ, għodu għodu, tgħidx kemm irringrazzjajt lill-Mulej għalih! L-għaliex tassew ħbieb: dan il-messaġġ kien Hu żgur li bagħtuli. U ma jistax ma jkunx li Hu tafux!

Anki taqrah biss dan il-messaġġ diġà jagħtik tama kbira! L-ewwel nett, x’ninutaw fih dan il-messaġġ? Il-Mulej juża nies imkissrin! Hawnhekk diġà għandna differenza kbira, u kbira ħafna, bejn dak li jaħseb il-bniedem u dak li jaħseb il-Mulej. Bejn dak li taħseb is-soċjetà u ġieli l-istess Knisja, għall-mod ta’ kif jaħseb il-Mulej. Il-ħajja għallimittni li, mis-sema l-isfel, ħadd ma jgħidlek, bil-verità, bis-sinċerità u bil-fiduċja kollha, Jiena nafda fik. U, meta jgħidulek hekk, stenna li se jgħidulek hekk jew b’nofs qalb. Inkella, jekk ikunu fini u diplomatiċi ħafna, biex taparsi jidhru ‘politikament jew ekkelżjatikament korretti’ quddiemek, jgħidulek hekk b’ħafna u ħafna immiet. Madankollu, u kull darba li nara r-ritratt mill-isbaħ tal-Ħniena Divina, u jfettilli nwaħħal għajnejja fiH, dritt iva nħossu jgħidli: Mario, jiena nafda fik! Issa jgħidli dan Ġesù, Alla nnifsu, l-espert li jsib xi jxomm fija u fik. U anki f’min hu politikament jew ekkleżjastikament korrett u korretta.

Għax dan Ġesù jara ta’ Alla li Hu. Jara lil hinn minn dak li nistgħu naraw aħna l-bnedmin. Kemm-il darba, fit-taħdit tiegħi magħkom, nies sempliċi, fl-isptar fejn inqatta’ jiem ħajti, niltaqa’ ma uħud minnkom li tgħiduli: M’hemmx isbaħ mill-vanġelu Patri! U veru tafux! L-għaliex il-vanġeli huma kliem Ġesù nnifsu. Dak Ġesù li ma għabbinhiex bi skoss liġijiet ta’ kif għandna inġibu ruħna fil-Knisja. U lanqas ma qalilna kif għandna norganizzaw lill-Knisja. Le ħbieb! Għalih, l-aktar ħaġa mportanti, kienet li jibgħat lid-dixxipli tiegħu, tnejn tnejn. U, wara li qam mill-imwiet, li jibgħathom mad-dinja kollha.

Barra minn dan, tagħlim Ġesù huwa wieħed ta’ psikologu mill-kbar nett. Jgħallimna biex ma ninkwetawx. Ifakkarna biex napprezzaw kollox fis-sempliċità tiegħu. Jgħidilna li jekk il-Mulej Missierna jieħu ħsieb it-tajr u l-ġilji mela kemm aktar jieħu ħsieb tiegħi u tiegħek? U, bl-inkwiet kollu tagħna, min minna se jseħħlu jtawwal għomru imqar tul ta’ driegħ wieħed? Mela Ġesù lilna jgħallimna ngħixu l-ġurnata. U ngħixuha b’ħafna ferħ fil-qalb. U ngħixuha mimlija fiduċja fil-Missier tagħna tas-sema li jipprovdilna. Għidli liema pillola se tħallilek l-effett mediċinali li jħallilek u jħallili kliem Ġesù jekk nemmnuh tassew?

Barra minhekk, Ġesù stess għażel miegħu nies imkissrin. Ta’ Alla li hu kien jaf jagħmel psychological screening. U, ngħid jien, li kien jaf jara sal-inqas xagħra. Naħseb xejn ma kien jaħrablu mill-għajn ta’ labbra! Imma xorta għażel nies imkissrin għal miegħu. Mela ma tridx tkun imkisser bil-biża’ jew biex l-ewwel tgħid li tafu u mbagħad tgħid li ma tafux? Hekk hu l-persuna ta’ Pietru! U ma tridx tkun imkisser jew biex tbiegħ lill-imgħallem tiegħek għal tletin biċċa tal-fidda? Hawn hu Ġuda l-Iskarjota! U ma tridx tkun imkisser jew biex, meta jibda’ ġej il-maltemp, taħrab ‘l hemm u tħalli lill-imgħallem tiegħek waħdu ħa jħabbat wiċċu Hu mal-għedewwa tiegħu? Hemm huma l-appostli li ħarbu fis-siegħa tal-prova!

Anki jekk dan seħħ, Ġesù lilhom għażel! U, anki jekk mit-test tiegħu, almenu skontna l-bnedmin, lil dawn l-appostli kellu jibgħathom ‘il barra għax ma kienux tajbin, (bħalma ġieli nagħmlu aħna l-bnedmin li ma nemmnux għax noqgħodu biss fuq mħuħna u l-insigurtajiet tagħna), xorta waħda żammhom miegħu. U aqta’ kemm ħa paċenzja bihom! Biżżejjed naraw il-vanġelu ta’ San Mark biex nindunaw kemm!

Imma wara li qam minn bejn l-imwiet bgħatilhom l-Ispirtu s-Santu. Ħa jagħmilhom bnedmin ġodda. Ħalli, bil-qawwa tiegħU, jagħtu iva daharhom, u jagħtuh darba għal dejjem, lill-imgħoddi mċajpar jew imkisser tagħhom. U lilhom bagħat, saħansitra meta kien għadu ħaj fosthom, biex iħabbru kelmtU, f’ismu jkeċċu x-xjaten u jfejqu l-morda! Dik fiduċja! Imma dan sieħbi mhux xi ħadd li jippreżentah imma Ġesù nnifsu! Dak li xi darba, jiena u int, irridu nagħtu kont ta’ għemilna quddiemU. Għax Hu Alla. U m’hemmx ieħor għajru!

B’nies imkissrin jinqeda. Mela anki bija u bik! Aħna li għandna l-istorja tagħna! Illum taf x’ngħidlek, għażiż ħija u għażiża oħti: Tibżax tfendi kelma tajba fuq Facebook. Le! Tibżax titfa’ post li biha l-Mulej bik jagħmel ħafna ġid lil ħbiebek ta’ Facebook. Lanqas m’għandek tibża’ tgħid kelma tajba lil min iħossu konfuż. Anki jekk, f’ħajtek, bħalma ġieli kien hemm mumenti f’ħajti wkoll ta’ Patri, ikun hemm iċ-ċpar. U xejn donnu ma jkun ċar kristall. Le sieħbi! Kelma ta’ ġid ibqa’ dejjem għidha. Kompli iżra’. U iżra’ fi żmienu u barra minn żmienu. Għax, kif jgħid eżattament San Pawl, min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna (2 Kor 9:6).

Tibqax lura milli toffri l-id tal-ħbiberija lil xi ħadd li telqu u ikkundannah kulħadd minħabba d-dgħjufija tiegħu. Wara kollox mhux l-opinjoni pubblika se trebbħek il-ħajja eterna imma kemm tkun ħabbejt skond l-opinjoni divina, l-opinjoni Trinitarja. Dik, wara kollox, li tgħodd. Ma ninsewx dejjem il-prinċipju li, minn fuq il-bankijiet tal-Mużew, kienu tant jisħqulna fuqu: Il-Knisja u l-Gvern jiġġudikaw fuq l-estern imma Alla hu li jiġġudika l-intern. Lejn dan il-prinċipju ħares. Jgħidu x’jgħidu ta’ ħdejk, dawk li jħokku miegħek u dawk li, bħalissa, jissuttawlek il-ġebel!

Int min int, u għamilt x’għamilt, u akkużawk x’akkużawk, int, miegħU, jekk temmen biss fiH, anki jekk imkisser u mkissra, miegħU, biH u fiH, tista’ tkun ma’ ħutek il-bnedmin mkissrin. Ma’ ħutek il-bnedmin umiljati. Ma’ ħutek il-bnedmin li, bħalissa, qalbhom miksura. Għax dirsuhielhom bla ħniena ta’ xejn.

Lilek għażel! Int, midneb u midinba bħali! Lilek għażel biex, lis-soċjetà, lill-Knisja u lid-dinja tagħna, bik jagħtiha tama. Fejqan. Kuraġġ. Paċi. Imħabba li tfejjaqna ilkoll! Għax veru, u dan ngħidu għax inġarrbu jiena stess, il-Mulej juża nies imkissrin, bħalek u bħali, biex bina isalva persuni mkissrin, bħalek u bħali.

Daqshekk jafdana!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.