L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Victoria

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 4 ta’ Ottubru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Victoria.
20181004-14.jpg

FIR-RAĊANĊ JAF IKUN HEMM ALLA

Huwa minnu li mhux kulma jleqq huwa deheb, imma daqshekk ieħor huwa veru li mhux kulma jidher li huwa rmixk huwa ta’ min jistmerru u jarmih. Donnu l-bniedem mill-istint tiegħu inklinat li jaħrab il-ħmieġ jew in-negattiv; anki n-Nisrani x’aktarx li meta jiltaqa’ ma’ dak li spiritwalment jidher ikrah, jipprova jiskartah jew jistkerrhu. Imma anki r-raċanċ jista’ jkun okkażjoni ta’ grazzja – anki dak li huwa negattiv jista’ jkun għalina opportunità biex niltaqgħu ma’ Kristu.

It-triq tal-qdusija ta’ San Franġisk telqet proprju minn laqgħa li huwa kellu mal-lebbrużi. Anki dak iż-żmien il-lebbra kienet marda li tbeżża’, u lil min ikun milqut biha taqtgħu mill-bqija tal-bnedmin. Fil-każ ta’ Franġisku, Alla nqeda b’lebbruż biex iqabbdu t-triq tal-Vanġelu. Fit-Testment tiegħu, fejn għandna l-ipsissima vox tiegħu, San Franġisk jikteb hekk: “Il-Mulej ta lili, Fra Franġisku, biex nibda hekk il-penitenza [bil-kelma penitenza San Franġisk jifhem il-konverżjoni], għax meta kont għadni mgħobbi bi dnubieti, kienet ħaġa tal-biża’ nara lil-lebbrużi, u l-Mulej innifsu ħadni f’nofshom u magħhom urejt miżerikordja. Jien u nitbiegħed minnhom, dak li qabel kien morr inbidel fi ħlewwa tar-ruħ u l-ġisem. Minn hemm ħriġt mid-dinja”.

Interessanti meta jgħid li meta l-Mulej żaru bil-grazzja tiegħu, hu kien għadu fi dnubietu. Xi drabi aħna, li aħna konxji mid-dnubiet tagħna, naħsbu li Alla ser jabbandunana. Imma mhux hekk. Għax kif jistqarr il-Fqajjar ta’ Assisi, kien għadu mgħobbi bi dnubietu meta messitu l-grazzja ta’ Alla. Ma kienx Franġisku li ħa l-inizjattiva biex jagħmel din l-esperjenza, imma kien Kristu li mexxieh biex jiltaqa’ mal-lebbruż u hemmhekk jagħmel esperjenza tal-miżerikordja. Forsi jkun hawn min jaħseb li Franġisku għamel din l-esperjenza tal-ħniena proprju għax hu wera ħniena mal-lebbrużi, tant li kien jaħslilhom il-ġisem imħassar u l-feriti li kienu jerħu rwejjaħ jintnu. Imma mhux hekk. Hawnhekk San Franġisk qed jistqarr li meta huwa ħaddan lil dak li kien skart, mistkerrah u żball, kien dak (il-lebbruż) li dewqu l-miżerikordja ta’ Alla. Xi profondità! Qabel din il-ġrajja, meta kien jgħaddi minn ħdejn il-lebbrużi, Franġisku kien jagħlaq għajnejh u mnifsejh biex la jarahom u lanqas ixomm ir-riħa tagħhom; issa qed jgħid li din l-esprjenza bidlitlu l-morr tal-ħajja fi ħlewwa. Meta jgħid li, frott ta’ din il-laqgħa, hu “ħareġ mid-dinja”, hu qed jgħid li ħareġ mid-dinja biex jibda d-dixxipulat wara Ġesù.

Kawża ta’ dan kollu kien dak li aħna l-bnedmin (Insara) niskartawh, inpoġġuh fil-ġenb u nbattluh minn kull tifsira! Meta Franġisku għannaq miegħu lil-lebbruż, huwa fehem li kien Kristu li kien qed jgħannaq lilu u jfejqu mil-“lebbra” tiegħu li kienet is-suppervja. Kien proprju minn din il-kategorija mormija mill-kotra li Franġisku kiseb il-muftieħ tal-ħajja: li tgħix il-ħniena jfisser li tagħti qalbek lil min hu fil-miżerja u għalhekk qatt ma jista’ jroddlok lura. Mal-lebbrużi San Franġisk fehem li ħafna drabi l-għotja tiegħu nnifsu ma kienet ser tibdel xejn madwaru – il-lebbruż kien ser jibqa’ lebbruż; imma kienet esperjenza qawwija biżżejjed biex tibdel lilu.

L-imħabba li huwa kellu lejn il-lebbrużi, San Franġisk għaddieha wkoll lill-aħwa. Huwa fatt li fl-ewwel Regola tal-patrijiet kien hemm żewġ referenzi għal-lebbrużi. Imbagħad Celano jirrakkonta aneddotu interessanti: darba waħda Patri Ġakbu s-Sempliċi, li kien jaħdem mal-lebbrużi, fettillu jieħu fil-kunvent tal-Porzjunkola wieħed minnhom sfigurat bl-ulċeri li kellu. San Franġisk ma ħax gost b’dan il-ġest, għax dik il-ħabta l-lebbrużi kienu jinżammu f’post għalihom. Ma għaddiex wisq ħin li Franġisku ma ntebaħx bl-iżball li kien għamel. Għalhekk mar iqerr għand Patri Pietru Cattani għax deherlu li bit-tgergir tiegħu ma’ Patri Ġakbu huwa kien umilja lil-lebbruż! Franġisku insista ma’ Cattani li jagħtih bħala penitenza dak li hu, Franġisku, ried jiddetermina għalih innifsu. Il-penitenza kienet li hu stess imur jiekol mal-lebbrużi. Dakinhar waqt l-ikel kien ikollhom żinġla u kulħadd jaqbad b’idejh u jiekol. Fost il-lebbrużi li resqu jbillu fiż-żinġla ma’ Franġisku kien hemm xi wħud bil-ġilda mħassra, tant li kull darba li jdaħħal idu, demmu kien iqattar fl-ikel! Franġisku kien jiekol mill-istess patt. Franġisku kellu rispett enormi lejn dawn il-persuni. Kien wieħed minnhom li kien fetaħlu t-triq għal għand Kristu.

Il-lebbrużi ma kinux biss dawk li laqqgħu lil Franġisku ma’ Kristu – għax kif jgħid Ġesù, dak li aħna nagħmlu mal-iżgħar wieħed fostna, inkunu qed nagħmluh miegħu – imma għenuh jikseb il-ħelsien fuqu nnifsu billi jirbaħ lilu nnifsu u jkun jista’ jingħata kollu kemm hu. Quddiem il-lebbrużi, Frangisku ġietu l-opportunità li jagħżel bejnu u Kristu. Kif jgħid ir-raħeb Silvani ta’ Monte Athos, “biex tkun liberu, trid tibda billi torbot lilek innifsek”. Hekk għamel Franġisku.

Dan kollu jikkonfermalna dak li għidt aktar ’il fuq: li mhux kulma jidher li huwa rmixk huwa ta’ min jistmerru u jarmih. Fil-fatt, jista’ jiġrilna li fl-esperjenza tal-lebbruż tal-lum, il-Mulej qed joffrilna l-grazzja tiegħu biex aħna nidħlu fina nfusna u “norbtu” lilna nfusna (il-ġibdiet u l-egoiżmi tagħna) biex aħna nkunu kollna kemm aħna tiegħu.

Illum min huma għalina “l-lebbrużi”? Jista’ jkun il-ġar li hu miksur magħna; taf tkun persuna tant antipatika li ma tinżlilniex; jaf ikun individwu li jkollok aptit taqta’ biċċa minn djulek biex jitbiegħed minnek; jaf ikun immigrant li wasal fuq xtutna u għandna ħafna suspetti dwaru… Imma minbarra “l-lebbrużi” li huma “barra” mill-Knisja, hemm ukoll dawk li huma “ġewwa” l-Knisja! Jiddependi minna li quddiem dawn l-esperjenzi, koroh kemm huma koroh, naraw x’inhu jgħidilna Alla. Għax dawk li niġġudikawhom bħala lebbrużi u għalhekk għandna naqtgħuhom minn magħna biex ma nitteħdux u forsi noffrulhom ftit tal-ħniena, jafu jkunu huma stess li jdewquna l-miżerikordja ta’ Alla.

Kemm jagħmel sens il-kliem ta’ Ġesù meta jgħid: “Infaħħrek, Missier, għax dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u għarrafthom liċ-ċkejknin”! Iċ-ċkunija (minuri) huwa kunċett importanti fl-ispiritwalità Franġiskana – fir-Regola tiegħu San Franġisk ried li l-patrijiet jissejħu kollha minuri. Għax kien ċkejken u għax ħalla li jiċċekken ukoll permezz tal-lebbruż, Franġisku għaraf il-ħwejjeġ kbar ta’ Alla moħbija fl-affarijiet ċkejknin. Nitolbu biex anki aħna, minkejja li qegħdin niċkienu u hemm ġrajjiet koroh li jċekknuna, fiċ-ċkunija tagħna naraw il-kobor u l-qdusija ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading