Qari tal-Quddiesa tat-Tnejn tad-29 ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

QARI I
Qajjimna ma’ Kristu Ġesù u qegħedna fis-smewwiet miegħu.
Efes 2, 1-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom li kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, li fihom darba mxejtu skont ix-xejra ta’ din id-dinja, skont il-kap tas-saltna tal-ajru, tal-ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux. Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta’ ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin. Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu: bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri , biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.4.5

R/. (3b): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?
Lq 12, 13-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!”. Qal: “Ara x’nagħmel, inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”. Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.