03 – Kif Nista’ Naħfer Lill-Ġenituri?

Print Friendly, PDF & Email

Kulħadd jiżbalja. Żball mill-ikbar huwa ta’ dawk li jabbużaw lill-uliedhom minflok ma jrawmu fihom l-imħabba kif it-tfal kollha jistħoqqilhom.

Darba kont naf mara li minħabba abbuż bħal dan fi tfulitha, kellha leħen ġewwieni, dejjem għaddej, li jgħidilha “inti ħela’ ta’ laħam u għadam.”

Il-kundanni, il-mibegħda, l-abbandun, il-manipulazzjoni, il-preferenzi, meta dejjem iqabbluk ma’ xi ħaddieħor, stmerrija, umiljazzjoni, gideb, meta jċekknu, iwaqqgħuk għaċ-ċajt, jew iqisu li dak li tagħmel int qatt mhu tajjeb biżżejjed…

Dal-gass velenuż jibda dieħel fik. U aktarx tispiċċa li inti stess tgħaddi l-ħsara fuq min tipprova tħobb, liluliedek, u lilħbiebek. Barra minn hekk, tista’ wkoll timrad sew.

Li taħfer lill-ġenituri huwa att ta’ qawwa, ta’ maturità.

In-nuqqas ta’ maħfra jinħass bħala leħen irrabjat li jikkundanna lil min għamillek il-ħsara. Dir-rabja tkun ġejja minn weġgħa jew sens ta’ inġustizzja. Induna sew b’dawn. Induna wkoll: b’dal-uġigħ u r-rabja, kif qed nissabutaġġja lil ħajti?

Għax ma’ tiktibx ittra fejn tgħidilhom x’għamlulek (imma tibagħthiex) u kif affettwak dak kollu li għamlulek? Wara, ikteb ittra oħra bħallikieku ġejja minn għandhom, fejn jgħidulek għaliex għamlu hekk (trobbija tagħhom stess, nuqqas ta’ edukazzjoni, vizzji, żbalji, eċċ.). Forsi trid twieġeb b’ittra oħra. Irrifletti fuq dawn l-ittri. Meta tħoss li hu l-waqt, aħraqhom!

  • Itlob għall-fejqan tiegħek u tagħhom.
  • Irrifletti: Kemm beħsiebek iddum iġġorr dan il-piż? Kemm ser tqatta’ snin oħra qabel tieqaf twaħħal f’ħaddieħor u tieħu r-responsabbiltà għalik innifsek.
  • Agħder lilek innifsek – għax il-bnedmin kollha jbatu. B’hekk, bil-mod il-mod, tidra tagħder lil kulħadd.
  • Ċedi l-weġgħa. Dik mhijhiex int; dik xi ħaġa li għandek, istint, mhux għadu. Ħu pass lura minnha, kellimha mingħajr kundanni, u ċediha.
  • U wara, ċedi r-rabja (li tkun twieldet mill-weġgħa). Dik ukoll mhux int; dik xi ħaġa li għandek, istint, mhux għadu. Ħu pass lura minnha, kellimha mingħajr kundanni, u ċediha.
  • Aħfer billi dan il-piż twaqqgħu minn spallejk. Ċedi dak il-leħen ġewwieni irrabjat li jwaħħal fihom. Tkun qed tagħmel pjaċir, u ġid kbir, lilek innifsek.

L-agħar meta tħoss li inti m’intix ta’ min inħobbok. Għal weġgħa kbira bħal din, ikseb l-għajnuna!

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

Leave a Reply

%d bloggers like this: