Lectio Divina għall-31 Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Mk 12, 28-34): Ġerusalem kienet iċ-ċentru tal-attivita’ reliġjuża tal-Lhud. Meta Ġesu daħal f’dil-belt, ġie f’konfront mas-Saudduċej. Dawn kienu setta ta’ saċerdoti li kienu jmexxu r-riti reliġjużi flimkien man-negozju li kien involut ma’ dawn ir-riti. Ġesu daħal fit-Tempju u keċċa ‘l bejjiegħa u ‘l dawk li jsarrfu l-flus. Qabbel lil Israel ma’ tina li ma tagħmilx frott. Kien qed jgħid għall-ħruq tal-inċens u tal-annimali bħala sagrifiċċju.

Kemm-il darba l-profeti kienu qalu li dawn ma jogħġbux lil Alla għax mhux abbinati ma’ mġieba li tirrifletti r-rieda t’Alla. Ħadd qatt qabel ma kien ħadha mal-awtorita’ tas-Sadduċej. Għalhekk ippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt, l-aktar fuq il-kwestjoni tal-qawmmien mill-mewt. (Kienu ġabulu l-każ tal-armla li żżewġet sebat aħwa). Ġesu se jħallas prezz għoli aktar tard, għax kienu l-kapijiet tas-saċerdoti li xlewh quddiem Pilatu.

  1. “Mgħallem, liema hu l-akbar Kmandament fil-liġi?” Propjament “liema hu l-Kmandament il-Kbir, i.e. l-ewwel wieħed, li minnu joħorġu l-oħrajn kollha.” Mark juża kelma li tfisser “iddendel”, i.e. il-Kmandamenti l-oħra huma mdendlin mal-ewwel wieħed. Ir-Rabbini sikwit kienu jiddiskutu liema kien l-akbar fost is-613-il kmandament li kienu siltu mill-Bibbja. 365 minnhom kien negattivi (la tagħmilx) u l-oħrajn (148) posittivi. Dawn tal-aħħar, l-irġiel biss kienu obbligati li jobdu. Fis-silta tal-lum il-kittieb (skriba) isaqsi ‘l Ġesu mhux biex iġarrbu imma biex ikun jaf x’jaħseb Hu fuq dil-kwestjoni taħraq. In fatti Ġesu stagħġeb “meta ra kemm kien wieġeb bil-għaqal.” Ta’ min illum anki jien nistaqsi: “Liema nqis bħala l-akbar l-Kmandament li minnu toħroġ l-imġieba kollha li jien suppost insegwi?” Ir-Rabbini Fariżajċi kienu josservaw bir-reqqa l-ittra tal-Liġi. Għal xi wħud minnhom, l-ikbar wieħed kien il-ħarsien tas-Sibt għax anki Alla ħarsu (Fis-seba’ jum, strah mix-xogħol Tiegħu). Kieku Ġesu qabel ma dawn il-Fariżej, kienu jaħtfuh fil-kelma u jakkużawh: “Mela int għax ma tħarisx is-Sibt?” (Hu kien weġibhom kemm-il darba: “ Is-Sibt hu għall-bniedem, mhux il-bniedem għas-Sibt”). Xi oħrajn kienu jippreferu “Ma jkollokx idoli” jew “Tagħmilx lill-għajrek dak li ma tridx li jagħmlu lilek.” Mela, l-ispiritwalita’ Fariżajka kienet ibbażata fuq l-osservanza tal-kmandamenti u l-preċetti. Skont l-imġieba wieħed kien jirċievi l-premju jew il-kastig. Ġesu poġġa idejal ‘l fuq minn hekk: dak tal-imħabba.
  2. “Isma’ Israel: Il-Mulej Alla tagħna huwa biss il-Mulej, u int għandek tħobb ‘il Mulej  Alla tiegħek, …. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. M’hemmx kmandament ieħor aqwa minn dawn.” Ġesu ma jikkwota l-ebda kmandament. Jgħid biss: “Ħobb!” Qatt ma qalilna biex nobdu lil Alla imma biex nixbhu lill-Missier Etern li Hu mħabba. Din hi l-marka tal-bniedem il-ġdid, in-Nisrani. Il-bniedem li jirnexxi hu dak li jixbah lill Alla, u li ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief iħobb kif iħobb il-Missier. Din hi d-differenza radikali bejn l-ispiritwalita’ Fariżajka u dik Nisranija. Tal-ewwel hi kmand imposta minn barra, tat-tieni hi kwalita’ (rigal) minquxa minn Alla f’qalb il-bniedem. Ġiżimina ma tieħu ebda kmand minn barra biex tibda tfuħ: min-natura tagħha tarmi r-riħa tfuħ. Ma tistax tordna omm biex tħobb ‘l uliedha: dan tagħmlu min-natura tagħha.Il-Kmandamenti jaslu għand il-bniedem mill-istess identita’ tiegħu ta’ iben Alla. Irċieva d-DNA (il-ħajja) tal-Missier Etern.  Għalhekk kull imġieba tiegħu titwieled mill-istess identita’. Mhux ta’ b’xejn Ġesu jwieġeb: “ĦOBB!” Il-verb użat hawn hu agapann (agape) li bih ġiet introdotta l-ħajja t’Alla fil-Ġdid Testment. Agapann tagħti bidu għal imħabba li ma  taf tagħmel xejn aktar ħlief il-ġid. Qatt ma ddur fuqha nnifisha (egoiżmu) imma dejjem moħħha biex tara l-ieħor ferħan. Ġesu mhux qed jitkellem fuq kmand imma fuq ħajja u natura ġdida. In-Nisrani konvint m’għandux bżonn kmand, għax l-imġieba tiegħu tirrifletti l-imħabba li għandu f’qalbu għal kulħadd. Fid-Dewteronomju nsibu: “Ħobb il-Mulej bil-forzi tiegħek kollha.” Ġesu jirranġa l-aħħar biċċa u jgħid: “… b’moħħhok kollu.” Il-Lhud kienu jiddeċiedu u jaħsbu bil-qalb – iċ-ċentru tal-għaż;iet. Aħna niddeċiedu bil-moħħ. Mela, l-għażliet li jagħmel il-bniedem, li hu bin Alla, ikunu f’sintonija mal-ħsieb t’Alla. L-unika ħajja li tgħaqqad il-bniedem m’Alla hi l-imħabba.
  3. “ …b’ruħek kollha..”, i.e. b’ħajtek u tul ħajtek kollha. Ma jistax ikun hemm spazji fejn ma tħobbx, għax, la darba rċevejt il-ħajja tal-Etern, din trid tintwera permezz tal-imħabba.
  4. “…b’moħħhok kollu….”, i.e. bl-intellett u bir-raġuni. Min iħobb, ikollu ħsieb wieħed biss: li jiskopri s-sbuħija u l-kwalitajiet sbieħ kollha tal-persuna li jkun qed iħobb. Bħal namrat li jaħseb fuq in-namrata lejl u nhar. Hekk, min iħobb ‘l Alla, jerfa’ l-ħsieb tiegħu diversi drabi kuljum lejn Alla bħala punt ta’ riferiment, u jinvolvi ruħu fil-proġett t’Alla billi jxerred kemm jiflaħ l-imħabba fid-dinja permezz ta’ mħabbtu lejn il-proxxmu. Mela, ejjew aħna llum ma niqfux biss fuq id-devozzjonijiet, imma l-għażla tagħna tal-fidi nagħmluha frott ta’ deċiżjoni konxja, raġonevoli u maħsuba sew biex tissodisfa r-raġuni tagħna.
  5. “… u t-tieni jixbhu…” Ġesu jikkwota l-Levitiku (Kap 19). “Ħobb”, i.e. mhux jien iċ-ċentru tal-interess u l-għażliet, imma l-ieħor. Alla ħalaqna biex inħobbu.. M’aħniex awtosuffiċjenti: għandna bżonn l-imħabba ta’ xulxin. L-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu jmorru id f’id. Anzi, nasal biex inħobb ‘l Alla meta nkun qed inħobb il-proxxmu. Il-proxxmu se jkun il-pont li minn fuqu imħabbti se tivvjaġġa lejn Alla.
  6. Ġesu ma riedx jirbaħ xi argument jew imħatra, imma xtaq li joħroġ lill-Fariżej mill-mentalita’ żbaljata li kellhom fuq Alla. Imma webbsu rashom. Noqogħdu attenti biex aħna wkoll ma nwebbsux rasna fuq l-idejat antiki ta’ kastigi, merti u premju, jew li niġġudikaw u nikkundannaw għall Infern min jikser xi Kmandament.

Sors: lachisea.it/liturgia/omelie/padre fernandoarmellini        

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.