Minn dawk tas-soltu!


Darba kont għaddej miexi. U kien hemm persuna bilqiegħda. U, mill-but taċ-ċoqqa, tajtha waħda. Skroll. Mill-ħodor. Kif ratni nagħmel hekk persuna, aktar ‘il bogħod minnha, smajtha tgħid: Eh! Dawk minn dawk tas-soltu!

Tas-soltu! X’kelma din hux! Tas-soltu! Anki ngħidha tafu kemm iġġibbli dieqa ħbieb! Għax, l-għaliex ħajjitna għandha tkun hekk, tas-soltu? Mela xi jfisser nkun tas-soltu? Xejn ħbieb għajr li kollox jibqa’ l-istess. Li ma tbiddel xejn. Li hemm xi rutina li, int u jien u jien u int, bilfors li rridu nidħlu fiha. Inħokku fiha. Iva! Ningħasru fiha! Għax, iva, tas-soltu!

Ta’ kuljum iweġġa’ ir-ras! Anki ikla bil-kif kuljum ukoll iddejjaqna! L-għaliex, ta’ kuljum, jaf ikun wisq! Dan imqar xi darba iċemplilna xi ħadd. Daqskemm nifirħu bih u biha nqattgħu xi sagħtejn nitħaddtu miegħu u magħha. Għax inkunu ilna ħafna ma nisimgħu b’aħbaru. U b’aħbarha! U, tant kemm nieħdu pjaċir, li ngħidulu, u ngħidulha, niktubulu u niktbulha: Agħmiltli l-ġurnata! Inkella, Kemm ħadt pjaċir nitħaddet miegħek!

Imma issa immaġina jekk tagħmel dan l-istess kumment kuljum? Li titħaddet mal-istess persuna kuljum għall-ammonti kbar ta’ ħin? Ma treġix! Tgħejja! U, il-ħaġa li għalik kienet esperjenza sabiħa, inkella WOW, bħal wow thing!, tibda’ issa issir esperjenza li tkun trid taħrabha malajr. U malajr kemm jista’ ikun. Daqskemm iddejqek!

Imma f’din il-frażi t’hawn fuq, minn dawk tas-soltu, ikolli ngħid li nkwetatni mhux ftit. U se ngħidilkom l-għaliex. Dan l-għaliex dawk m’huma xejn għajr dik! Iva! Dik! Jew, biex inkun aktar eżatt, DIK! Jiġifieri l-Kelma tal-Mulej! Il-Kelma ta’ Alla! L-Iskrittura Mqaddsa! Li hija vera! U mhux kif taħseb ċerta reliġjon li, f’xi affarijiet, il-Bibbja Nisranija hi vvintata mill-bniedem. Il-Kelma ta’ Alla hi vera! U l-għaliex vera? L-għaliex tammetti u tistqarr xi ħaġa li, għal xi reliġjonijiet oħra, aqta’ kemm jibżgħu jgħiduha! U jaffermawha! Ħasra hux kemm ċertu reliġjonijiet, dejjem bir-rispett kollu lejhom, huwa tant maqtugħin mir-rejaltà tal-ħajja. U l-iżball fihom huwa wieħed: li Alla li jgħidu li jemmnu fih qiegħed hemm, fis-sema. Fuq is-sufan. Alla li qatt ma jista’ isir bniedem. Le! Jibqa’ hemm fuq! Inkullat mas-sufan tas-setgħa tiegħu! X’ħasra hux!

Imma Alla tal-Insara xi ħaġa oħra! Alla tal-Insara sar bniedem. Sar mela komuni. Daħal fis-soltu tagħna. U, għalina, anki jekk ħafna minna f’dan il-pajjiż aħna Nsara, dan il-fattur għadu jixxukkjana tafux! Għandna ma nistgħux niġu fiha, hekk ngħidu aħna, kif dan Alla li jista’ kollox jiġi għandna f’biċċa ħobż u f’naqra inbid. Jiġifieri fl-istess ikel li nieklu u fl-istess xorb li nixorbu. Għax, int u jien, kemm nehdew bl-ispettakolari. Tant kemm irridu li kollox ikun wow! Għax jogħġobna! Għax, li nkun wow, ifisser li nkun jew infexfex inkella insaffar! L-istorbju tal-popolarità nħobbuh wisq! Għax ħej tant kemm hi boring, u allura ta’ dwejjaq liema bħalha, li nkun ordinarju! Ordinarja!

Imma Hu, Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li għereq l-għaraq, bħali u bħalek, li bata’, bħali u bħalek, għadda minn normalità tagħna. Li kieku Alla ħatfu u ma ħalliehx ibati aktar ma kienx ikun le bħalna. Ma kienx ikun wieħed minn dawk tas-soltu. Mill-ordinarji. U, allura, int u jien konna, u bir-raġun, naħarbuh. Għax kif jista’ xi ħadd li hu straordinarju jifhem in-normalità tagħna? L-ajma tan-normalità tiegħi u tiegħek? Kif jista’ jifhem l-uġiegħ tad-dragħas meta jfaqqgħu? Inkella dik l-għejja wara ħafna u ħafna taħbit?

Imma hemm Hu! Dak li hu straordinarju sar ordinarju! Dak li hu Alla sar dak li hu tal-bniedem. Li, wara kolllox, kien Hu li ħalqu, fdieh u għadu jqaddsu sal-aħħar taż-żminijiet! Imma dan x’Alla Hu ħbieb? U dan kif jippreżenta lilu nnifsu? Xejn għajr jippreżenta ruħu bil-fardal. Ħa jaqdi.

Illum, wara ħamsa u għoxrin sena fil-ħajja ikkonsagrata, u dejjem mingħajr ma jistħoqqli, ngħid li dan Ġesù huwa straordinarju l-għaliex jgħallimni niċċelebra dak li hu tas-soltu! Jiġifieri, bl-Ispirtu s-Santu jgħallimni ngħodd il-barkiet li rċevejt u għadni nirċievi f’ħajti. Waħda wara l-oħra. Il-ħin kollu! L-għaliex, u proprju, iġagħlni nifhem nara l-istraordinarju fil-ħajja ta’ kuljum. Dak il-lift bil-karozza, dik it-tbissima, inkella meta xi ħadd minn dawk ta’ madwari jifhimni u mhux ikisser il-fama tiegħi b’diskors li jweġġa’ u jkisser lil min jgħidu u jisimgħu. Naħseb li taqblu miegħi li dawn il-ħwejjeġ, li jidhru tas-soltu, fil-fatt m’huma tas-soltu xejn. Iva! Dawn il-ħwejjeġ huma straordinarji l-għaliex għandhom l-imħabba vera li tagħmilhom hekk. Mhux sempliċiment li jidhru sbieħ fil-għajn daqskemm l-istraordinarju jibdilhom fin-natura tagħhom.

Kemm hu sabiħ dak li jikteb San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin meta jgħid: L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt (1 Kor 13:4-8).

L-imħabba hija l-aktar ħaġa straordinarja imma li turi ruħha f’ġesti sempliċi. Li jdewwu, jfejqu u jferrħu l-qalb, il-moħħ u l-ispirtu tagħna. L-imħabba hi sempliċi. Tidher tas-soltu! Imma, meta tingħata b’qalb miftuħa, tirrendina straordinarji l-għaliex iddaħħalna fil-wifi ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.