Ikklikkjat! Ma ikklikjajtx!


Qed ngħixu f’dinja u f’soċjetà fejn id-dinja tal-informatika daħlet f’diskorsna stess. Ġieli użajt il-kelma ikklikkjar?

Uħud minna jgħidu: Ma’ dak aqta’ kemm ikklikkjajt! Jiġifieri: Ma’ dak aqta’ kemm immur tajjeb! Imma, għal dik, ngħid: Imbagħad ma’ dik ma ikklikkajtx! Jiġifieri: Ma’ dik ma qbilt f’xejn! Affarijiet li jiġru! Uħud jgħidulek: Dik kwistjoni ta’ karattru! Hawn min għandu karattru mod u hawn min għandu karattru mod ieħor! Biss, kif il-ħajja dejjem tgħallimni, ma naħsibx le li din hija kwistjoni ta’ karattru biss. Kif inħossha jien, aktar mal-Mulej jgħinni nagħmilha man-nies, aktar jgħinni nifhem li din hi kwistjoni ta’ liema spirtu ikun qed imexxi l-persuna nvoluta.

Jekk hemm xi ħaġa prattika u li qatt ma tista’ titfalha maskra, l-għaliex mill-ewwel tikxef x’inhi, hija l-ħajja Nisranija. Dan l-għaliex, l-essenza tal-ħajja Nisranija, hija l-verità. U b’verità m’aħniex sempliċiment qed nirreferu għal tagħlim dommatiku biss. Li kieku kien hekk aqta’ kemm kienet tkun ħafifa li tkun Nisrani u Nisranija. Hawnhekk qed nitħaddtu fuq verità li tissarraf f’azzjoni. Imma anki hawn irridu noqgħodu attenti. Ġesù ma jitħadditx biss minn eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet. L-isfida li jagħtina Ġesù hija b’liema attitudni aħna nwettqu l-Kelma setgħana tiegħu.

Hekk, ngħidu aħna, meta jitħaddet fuq kif għandna nilqgħu s-Saltna ta’ Alla, il-vanġelu jgħidilna hekk: Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir” (Lq 9 :46-48).

Mela, quddiem min jaqla’ kwistjoni, Ġesù jgħidlu jiċċekken. Biex isir bħat-tfal iż-żgħar. U min jaf kemm, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ikollna minn dawn il-kwistjonijiet! U dan l-għaliex jien, għal xi raġuni, forsi minħabba esperjenzi morri tal-passat tiegħi u li jien għadni ma fiqtx minnhom, ma nikklikkjax ma’ xi ħadd. U allura, minflok li bl-umiltà nara kif ħa nfiq mill-feriti l-moħbija li ili nġorr is-snin, naqbad u nwaħħal f’ħaddieħor. Għax insibha komda li nitfa’ fuq ħaddieħor dak li jien mhux komdu bih. Dak li jtaqqalni! Iweġġagħni! Idejjaqni u jifgani għall-mewt!

Meta nsibni ma nikklikkjax ma’ ħaddieħor ejja niftakar fl-importanza li jiena nitlob minn qalbi għal dik il-persuna. Bħalissa jiġini f’moħħi t-test ta’ San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin. Hawnhekk Pawlu jitfa’ lil din il-Komunità Nisranija, li qiegħdha f’konflitt, fil-grazzja tal-Mulej: Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu. Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù (1 Kor 1:3-4). Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom. L-imħabba tiegħi magħkom ilkoll fi Kristu Ġesù (1 Kor 16:23-24).

Imma x’inhi din il-grazzja? Il-Bibbja tfissirilna bħala l-imħabba tal-Mulej u li hija murija lil dawk li ma fihomx xi tħobb. Mela lili u lilek! Il-grazzja hija l-paċi tal-Mulej lil min għandu xi jħabbtu ġewwa fih! Il-grazzja hija l-favur tal-Mulej li, jiena u int, żgur li ma nimmeritawhiex. Mela, meta niltaqa’ ma’ nies li magħhom ma nikklikkjax ħa niftakar iva li jien ma finix xi tħobb quddiem il-Mulej għax midneb u midinba. Li jiena għandi xi jħabbatni f’ħajti minħabba dak li għaddejt minnu. Li jiena ma nimmeritax l-imħabba tal-Mulej. Madankollu, il-Mulej, xorta jibqa’ jħobbni. U, l-għaliex jien maħbub u maħbuba minnu, anki jekk ma jistħoqqlix, ejja nħobb u ngħożż lil min miegħu u magħha ma nikklikkjax. Il-Kelma ta’ Ġesù ċarissima kristall fuq dan:

Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex (Mt 5:44-45).

Ġesù tant kemm iħobbni li jlaqqagħni ma’ persuni li magħhom ma nikklikkjax. Għax irid ikabbarni fl-imħabba tiegħu. Ejja naħtaf din l-opportunità ħa nikber fi mħabbtu!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.