Il-Qdusija Universali

Print Friendly, PDF & Email

Minn Angelo Xuereb

Fl-1 ta’ Novembru l-Knisja tiċċelebra l-festa tal-qaddisin kollha. Fl-istess waqt tfakkarna li għandna naqbdu t-triq it-tajba bis-serjetà.

Infatti l-insara kollha huma msejħa għall-ħajja ta’ qdusija. Dan huwa tant veru li l-Konċilju Vatikan II jgħallimna dan. Forsi aħna nassoċjaw il-qdusija ma’ mirakli, ma’ profeżiji u ħwejjeġ oħra straordinarji. Veru li fil-ħajja tal-qaddisin insibu affarijiet bħal dawn iżda nsibu ħajjiet ta’ qaddisin oħra li kellhomx dawn id-doni.

Il-qdusija lanqas ma tikkonsisti filli nagħmlu ħwejjeġ kbar. Jekk naraw il-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Liseux naraw li hija għexet ħajjitha bi mħabba kbira lejn Alla u lejn proxxmu. Qalbha kienet miftuħa għall-bnedmin tad-dinja kollha tant li hija l-patruna tal-missjonijiet.

Għalhekk aħna nistgħu nsiru qaddisin ukoll. Dan ifisser li ngħixu l-magħmudija tagħna bis-serjetà, inkunu xhieda nisranija fuq il-lant tax-xogħol, fil-postijiet tad-divertiment u fuq kollox fil-familji. Niffrekwentaw is-sagramenti u nkunu bnedmin ta’ talb.

Id-dnub ittellef it-triq tal-qdusija. Għasfur li huwa marbut minn katina tal-ħadid jew minn ħajta xorta waħda ma jistax itir. L-istess jagħmel id-dnub. Ma jħallix lil bniedem jimxi fit-triq tal-qdusija.

Iżda dment li aħna f’din id-dinja aħna nistgħu naqgħu fid-dnub. U għalhekk għal dan il-għan Kristu waqqaf is-sagrament tal-qrar. Il-bniedem ikun waqa’ fis-suppervja jekk ikun waqa’ f’xi dnub u ma jkunx irid jitlob maħfra lil Alla. Ma hawn l-ebda dnub li ma jistax jinħafer meta n-nisrani jindem minn dak li għamel.

Fuq kollox fil-mixja tagħna nisranija nħarsu lejn Ommna tas-Sema u nitolbuha tindaħal għalina sabiex naslu f’Ġerusalemm tas-Sema.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading