L-interruzzjonijiet

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħdin ngħixu f’soċjetà u anki f’dinja ta’ interruzzjonijiet. Il-mobile, il-what uz, il-viber, il-messenger, il-Facebook, l-instagram u l-bella compagnia, il-ħin kollu għaddejjin! U jinterrompuna!

Sabiħ li għandna l-lussu tal-instant. Fejn naf jien, f’każ ta’ emerġenza mobile dejjem tridu. U, l-aktar, meta xi ħadd ikun ma jiflaħx! Hu ferm u ferm sabiħ meta l-komunikazzjoni soċjali tkun użata biex issalva ħajja ta’ persuna. Nifhem jien li, f’dawn il-mumenti, il-komunikazzjoni soċjali tkun laħqet il-glorja tagħha! Mela doqqu qniepen doqqu! Għax għamilna l-bingo!

Madankollu l-istorja mhux daqshekk sempliċi ħbieb! Nafu wkoll x’inhu jiġri fil-magħrufin restaurants! Ħarġu jieklu! Mela r-raġel fuq il-Facebook jiskrolja l-messaġġi tal-messenger u l-mara tiskrolja l-Facebook tagħha ħa tara ftit kemm għamlulha likes! Anki t-tfal qegħdin fuq il-Facebook tagħhom biex jidħaddtu ma’ sħabhom! Xi interruzzjoni dik! Issa dawn suppost ħarġu jieklu! Imma ejja ma neżaġerawx! L-għaliex anki s-saċerdoti u l-persuni ikkonsagrati nqabdna f’din ix-xibka wkoll! Tant li mhux l-ewwel darba li Papa Franġisku ġibdilna widnejna fuqna din ukoll!

Ħasra hux li dawn l-interruzzjonijiet saru parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum! L-għaliex, u bil-mod il-mod, qiegħdin nitilfu l-wiċċ uman! Dak il-wiċċ li ma ħalqux il-bniedem. Le! Il-wiċċ uman hu xogħol id-divin. Kos hux! Tafu li, f’dan kollu, qed naqgħu fid-dnub tal-idolatrija l-għaliex qed nagħtu l-ewwel preferenza tagħna lil wiċċ tal-plastic li ħoloq il-bniedem u qed nagħtu l-ġenb il-wiċċ tal-Mulej, li hu l-istess wiċċek u wiċċi?

Ħasra oħra hija li, u bħal kull ħaġa oħra, meta nwarrbu dak li hu tad-divin immarrdu l-uman tagħna! Kemm hawn persuni li mhux kapaċi iżommu konverżazzjoni l-għaliex, tgħaddi fi x’ħin tgħaddi, ibqa’ ċert u żgur li se issibhom imwaħħlin ma’ dak l-imbierek mobile! Bħalma issa hawn il-problema ta’ persuni li huma dejjem bi ngħas l-għaliex mhux jorqdu biżżejjed. U l-bużillis hi l-għaliex dejjem imqabbdin mal-mobile itektku! Biex ma nsemmux ukoll lil dawk li, l-għaliex qed ikunu l-ħin kollu fuq l-ipad qed jispiċċaw li tonqsilhom il-kapaċità li jikkonċentraw. U, ngħid jien, jekk il-bniedem ma jikkonċentrax, kif jista’ tabilħaqq jinżel fil-ħsieb tiegħu? Kif se japprofondixxi ħsibijietu? U, fuq kollox, jekk ma jitlobx, kif se jikber fl-ispirtu tiegħu? X’ħasra hux li nikbru fil-muskoli imma mhux fil-ħsieb. Inkabbru l’hemm u nkabbru l’hawn u nibqgħu nani fl-ispirtu tagħna!

Leave a Reply

%d bloggers like this: