Il-Mimmi qatt ma jgħaddilu?


Darba irrakkuntawli din l-istorja li tefgħetni f’baħar ta’ ħsibijiet. Hi storja rejali. Għalhekk hi ta’ min jismagħha.

Irrakkuntawli li darba, saċerdot, kien qiegħed inaddaf kurċifiss mit-trab. U, f’daqqa u l-ħin, inqala’ missier flimkien ma’ bintu. Issa dan il-missier, waqt li kien qed ikellem lis-saċerdot, bintu kienet qed tosserva x’kien qed jagħmel. Mela din it-tifla, lil dan is-saċerdot, qaltu: Il-mimmi ta’ Ġesù qatt ma jgħaddilu?

Kos hux! Kemm jgħallmuk it-tfal! Il-mimmi ta’ Ġesù qatt ma jgħaddilu? Tgħid l-għaliex il-pjagi ta’ Ġesù jibqgħu dejjem miftuħin? Dejjem inixxu d-demm? Din hi mħabbtu għalina ħbieb! Il-pjagi tiegħu dejjem miftuħa għalik u għalija. Mhux l-ewwel darba li nitolbuh biex jaħbina fil-pjagi tiegħu. L-għaliex, bil-passjoni (u allura bil-pjagi tiegħu), aħna ġejna salvi. Ġejna mifdija!

Il-vera mħabba tfisser sagrifiċċju. Tfisser għotja sħiħa għal min tassew inħobb. Tfisser sagrifiċċji. Ċaħdiet. L-għaliex l-imħabba dejjem tfittex il-ġid sħiħ ta’ min tħobb. Anki jekk, dak li jkun qed jiġi maħbub, mhux dejjem jifhem l-imħabba li tkun qed tingħatalu. Mela l-imħabba vera qatt ma tammetti egoiżmu! San Pawl jgħidilna: Ma tfittix dak li hu tagħha!

Mhux faċli din is-sentenza li ngħixuha illum. F’dinja mfarrka fejn kulħadd ifittex dak li hu tiegħu. Fejn donnu kulħadd sar biss drittijiet. U qajla dmirijiet. Fejn l-obbligi qed jintesew. L-għaliex, u dak li hu tassew importanti, hu l-gratifikazzjoni tiegħi. U tiegħi biss! Fejn il-bżonnijiet tiegħi saru jiddominaw fuq l-oħrajn.

Meta nħares lejn il-Kurċifiss nagħmel iva l-kumment li għamlet din it-tifla għaqlija. L-għaliex il-mimmi tiegħu qatt ma jgħaddilu? L-għaliex dejjem għadu miġugħ? L-għaliex għadu jgħaddi mill-istess passjoni f’kull quddiesa li titqaddes? L-għaliex għadu jiġi msallab? L-għaliex għadu jingħata f’idejn il-Missier u f’idejna l-bnedmin? L-għaliex għadu jbati daqshekk?

Imma t-tbatija tiegħu tmur lil hinn minn dak l-artal qaddis tafux! L-għaliex il-mimmi tiegħu għadu jinġarr f’tant persuni li qed ibatu? F’tant nies li huma waħedhom? Nies li ma jagħti kashom ħadd? Persuni li jissugraw ħajjithom fuq naqra ta’ dinghy f’nofs ta’ baħar? L-għaliex għadu jiġi mwarrab f’tant nies li, b’ħarsithom miksura, lili u lilek jitolbuna ngħinuhom? M’aħniex nitħaddtu fuq dawk li jagħmlu tapit lil ħaddieħor l-għaliex jilbsu l-maskra tal-vittmi. Lanqas minn dawk li jpoġġu lilhom infushom tant imsieken li jiġu jaqgħu u jqumu milli jibbamjaw lil ħaddieħor. M’aħniex le nitħaddtu fuq persuni li jagħmlu lil ħaddieħor demel.

Imma iva qed nitħaddtu mill-veri foqra. Dawk li, b’xejn, jippruvaw jgħaddu. Dawk li, mill-faqar tagħhom, jippruvaw jagħmlu l-istess. Dawk li l-għajta tagħhom, siekta kemm hi siekta, hi tant qawwija u li tifqa’ l-qlub biex jinfetħu ħa jgħinuhom. Huwa f’dawn in-nies li Hu għadu jbati u jiġi għandna miġrugħ u mkisser. U fihom għadu jitlobna nagħtuh il-loqma ħobż u t-tazza ilma. Inkella s-saqaf taħt fejn ikun jista’ jistrieħ mill-qilla tax-xemx. Inkella mill-bard u l-ksieħ tallejl.

U jiġi ħbieb! U jibqa’ jiġi! Għax iħossu obbligat li jiġi! Għax kollox Hu tiegħu! U tagħna, fil-verità, m’għandna xejn. Għandna jiġi biex niftħulu qalbna. Ħalli, bl-uġiegħ tiegħu f’dawn in-nies, ifejjaq il-ġrieħi kbar li hemm f’qalbi u f’qalbek. Dawk qlubna li huma magħluqin fihom infushom! Hemm arahom uċuħna! Iġibulek ħniena! Kemm qed jitbissmu? Ħares ħarsa sewwa u profonda f’għajnejja u f’għajnejk. Xi issib? Mhux ħarsiet miksura? Ħarsiet mitlufa? Ħarsiet li ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom? Ħarsiet fejn huma tant ‘il bogħod mir-rejaltà vera?

Allura Hu, li lili u lilek ħalaqna għalih, biex jagħtina ħajtu, kif jista’ ikun trankwill? Qisu m’hu qed jiġri xejn? Kif jista’, lili u lilek, jħallina nagħfġu u nibqgħu nidħku bina nfusna? Kif jista’ jħallina ngħixu gidba? U gidba faħxija? Il-gidba li min għalina wasalna xi mkien? Jew aħna mimlija bil-ħajja? Meta, u fir-rejaltà, sirna ilsiera tar-raġunament falz tagħna? Dak ir-raġunament li jfittex lilu nnifsu u mhux il-ġid ta’ ħaddieħor? L-aktar ta’ min qed ibati?

Il-mimmi qatt ma jista’ jgħaddilu ħbieb jekk se nibqgħu niggwerraw kontra xulxin. Il-mimmi se jibqagħlu hemm meta nibqgħu nfittxu l-interessi personali tagħna. Il-mimmi se jibqagħlu hemm meta lanqas nagħtu ċans lil xulxin nitħaddtu dak li hemm f’qalbna u li qed iweġġagħna. Il-mimmi qatt ma’ jista’ jgħaddilu jekk se nibqgħu niskartawh fil-fqar u fil-morda. U dan biex infittxu l-kumdità vera tagħna.

Il-mimmi jibqagħlu hemm għax m’aħniex qed inserrħuħ fihom. Il-mimmi jibgħalu hemm l-għaliex qed nilgħabu logħba maħmuġa ħafna. Il-logħba tal-aġenda moħbija. Dik ta’ fejn jaqbilli nqabbel. Ta’ ħokkli dahri ħa nħokklok tiegħek. U fejn se jwassalna dan kollu? Mhux għall-qerda totali? Bħal dik tal-ġrieden li jieklu, fl-aħħar nett, lil xulxin?

Imma hemm soluzzjoni għal din it-traġedja kollha li nħossuha tikber fina nfusna u bejnietna? Iva! Hemm! Ejjew ningħataw għal dawk li qegħdin tassew ibatu. Għal dawk li huma mkissrin. Ejjew niftħu qalbna għal dawk li m’għandhom lil ħadd min jagħtihom spalla. Widna. Qalb. Għal dawn iva ejjew ninfetħu! Tibżgħux! Meta nagħmlu hekk il-mimmi tiegħu, għalkemm jibqgħu fuqu, jibdew isiru glorjużi! Għax hu ż-żejt tal-imħabba, mifhuma bħala għotja, li lilna tagħmilna leqqiena. Għax toħroġ minn ġo fina dak li hu tassew: il-karattru tiegħu fina!

Mulej, għinni biex jiena, b’ħajti, inkun il-kawża li l-mimmi tiegħek jibqgħu jiffriskaw, jfarrġu u jfejqu l-ġrieħi tagħna. Amen.

One thought on “Il-Mimmi qatt ma jgħaddilu?”

  1. Grazzi Fr Mario
    Sewwa ghidt inti li il mimmi ta Gesu sej jibqa ghall dejjem. Int ghedt ukoll li dan ifieq kuii meta ahna inhennu ghall proxxmu taghna.
    Dan veru, Kull meta nghamlu xi volonarjat, nisimghu lill xi hadd li jrid jiftah qalbu, inkunu attenti biex nghinu anki f affarijiet zghar u semplici, iva ghemmhek qeghedin infejqu il mimmi ta Gesu u taghna wkoll.
    Daniel

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.