Liema bieb se nħabbat?


Il-bieb! Minn m’għandux u m’għandiex bieb? U kif ħa ngħixu mingħajr bieb? Għax, anki jekk hu miftuħ, il-bieb huwa meħtieġ. Fih innifsu l-bieb jagħtina sigurtà! Mhux hekk?

Milhux inżilt s’isfel. Fir-restaurant tal-Isptar. Ħa nieħu naqra enerġija. F’kelma waħda biex nieħu dik in-naqra cappuccino, bħali! Ħa tagħtini seba’ saħħiet. Għalija l-kafè cappuccino jibdilli l-ġurnata b’mod fenomenali. Għalkemm mhux strumentali tafux! Intant!

Mela jkun hemm hu. U, pespisli waħda. Bonġu l-ewwel nett! Għidli sieħbi? weġibtu. Patri! bdieli. Mort għall-quddiesa u l-qassis veru qal waħda tajba! Ħadt tassew pjaċir u faħħart lill-Mulej li smajt kelma bħal din! Għodu għodu! Ejja! Mela l-Mulej għadu jaħdem tassew fil-qassisin u l-patrijiet tagħna! Grazzi Mulej! Imbagħad, mikul bil-kurżità li niċċellebra l-ġid li l-Mulej għamel permezz ta’ dan il-qassis ta’ veru, għedtlu: Mela x’qalilkom? Wara li ħa belgħa kafè mit-tazza tal-kartun li kellu quddiemu qalli: Patri. Qalilna hekk: ‘Ħafna qed iħabbtu l-bieb tal-pjaċir u mhux tal-Knisja’.

Għoġbittni din il-frażi. U tagħmel sens kbir. Fil-fatt, din il-frażi, fakkrittni fi frażi li aħna spiss ngħidu: Dak ġie għala biebu! U dik ġiet għala biebha! Ħeqq! Biebi u biebek dejjem jibqgħu biebi u biebek! Aħna, int u jien, it-tnejn midinbin. It-tnejn għandna bżonn il-maħfra ta’ Ġesù. Għax aħna, għax bnedmin, malajr idurilna l-fus. Jew jillikja l-wire. U malajr kull ilma nibdew naħsbuh misħun. Barra minhekk aħna ngħamew wisq wara r-ragħwa. U dan jgħallimhuli l-cappuccino li nieħu filgħodu fl-Isptar. Niftehmu! Ikun sabiħ bir-ragħwa tafux! Imma ħej il-ħajja ragħwa biss? Il-ħajja ħalib xkumat u daqshekk? Jew inkella hemm aktar minhekk?

Li wieħed jieħu gost m’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Darba smajt lil xi ħadd jgħid li l-Mulej ma ħalaqniex biex inkunu mdejqin. U ngħidlu prosit minn qalbi lil dak li irraġuna hekk! U ħa ngħidilkom, li kieku Ġesù hu wiċċ laskri jien l-ewwel wieħed li ngħidlu: bye bye! Imma Ġesù bil-kuntrarju! Ġesù ferħ bla tmiem! Bilħaqq! Tafu li l-ġenna hemm għajjat kbir ta’ ferħ dejjiemi? Bis-sound full on? Forsi għalina, li aħna ta’ din l-art, dawn jidhru ibbażjati. Imma ħej aqta’ x’ferħ hemm! U, xi ħaġa tal-blieh li fih dan il-ferħ, li mhux ta’ din id-dinja, hu l-paċi! Mela nagħmlu sewwa ħi li nfaħħru lill-Mulej! Għax, aktar ma nfaħħruh, aktar ikollna l-paċi dejjiema! Issa s-sabiħa hi li aktar ma nfaħħru l-Mulej aktar ikollna noise reduction. U mhux in-noise pollution ta’ din l-art! Ħawwadni ħa nifhmek hux!

Imma l-pjaċir għax hu bi skorfina nieqsa? Għax il-pjaċir jimxi ma’ din il-ġakolatorja ta’ dak ta’ denbu twil. Dik il-ġakolatorja li tgħid hekk: ‘Glorja lili, kif kien fil-bidu, issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.’ U xi nħoss meta ngħid din il-ġakolatorja moqżieża? La ħarġet ħa? Inħossni ħa naqla’. Inħossni fgat u fgata. Inħoss qalbi trid tinqasam bl-uġiegħ. Inħoss ġerħa ma’ ġismi kollu. Inħoss toqla fl-istonku tiegħi. Inħoss rasi li tibda’ tuġagħni. Inħoss li qiegħed u qiegħdha fil-kamra tal-gas. F’kelma waħda, inħossni ħażin. U ħażina! Ħbieb! Dan huwa l-bieb tal-pjaċir!

Imma hemm bieb ieħor! Il-bieb tal-Knisja! UUUU! Bil-mod! Mhux il-bieb tal-Papa, tal-Isqof, tal-Qassis, tal-Patri, tas-Soru. Insomma, il-bieb ta’ dawk! Le! Dan huwa l-bieb tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, il-ġakolatorja marbuta ma dan il-bieb hija din: Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen. U kif inħossni meta ngħid il-ġakolatorja tal-bieb tal-Knisja? Inħossni ferħan u ferħana. Inħossni mħaddan u mħaddna minn nifs frisk tat-Trinità Qaddisa. Inħossni qed nitmela bil-kuraġġ u bit-tama. Inħossni li nxerred id-dmugħ ta’ faraġ u serħan. Inħossni qed nissaħħaħ bil-qawwa! F’kelma waħda aqta’ kemm inħossni sew!

Għax, fiż-żaqżieqa tal-bieb tal-Knisja, li hi l-ġakolatorja: Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen. tissarraf fil-Kelma ta’ Alla, fil-Quddiesa, fil-Qrar, fiż-Żejt Imqaddes, fl-Ilma mbierek, fir-Rużarju, fil-Kurunella tal-Ħniena Divina, fil-Maħfra, fil-Għaqal, fl-Għarfien, fl-Umiltà, fil-Fedeltà u l-bqija. Insomma, f’dan kollu u ħafna aktar!

Sieħbi, ibqa’ ħabbat il-bieb tal-Knisja. Ħabtu! U ħu gost biż-żaqżieqa tiegħu! Għax, iż-żaqżieqa tiegħu twasslek, bħalma twassal lili, biex nitgħallmu nħobbu! U taf x’hemm tajjeb: li l-Knisja hi int u jien! Mela aħna! Eżatt bħalma t-Trinità hi aħna! U la t-Trinità hi AĦNA ILKOLL!, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, anki l-Knisja hi AĦNA ILKOLL! U la int u jien ġejna maħluqa, salvati u mqaddsa mill-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, mela t-Trinità, bir-raġun li tgħidilna: INT TAGĦNA ILKOLL! U la l-Knisja hi tat-Trinità, ħallieha tgħidlek u tgħidli minn bibien il-Knisja: INT TAGĦNA ILKOLL!

Qtajtha ż-żarda! Minn issa ħa nħabbat bieb il-Knisja! U ma nieqafx inħabbtu!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.