Ix-xahar ta’ Novembru


Novembru. Ix-xahar tal-mejtin. Jew aħjar il-mument li fih se nfakkru lil dawk li ħallew dan il-Wied tad-Dmugħ.

Kemm tifkiriet! Kemm stejjer! Kemm uġiegħ il-qalb! L-għaliex dawn m’humiex le xi nies imbegħda. Inkella nies li ma jaf bihom ħadd. Jew nies li ma nafux il-bixra ta’ wiċċhom. Le! Dawn huma nies li nafu bihom. Dawn huma nies li ħabbewna! U ħabbejniehom! U forsi għalhekk dik il-weġgħa ta’ qalb. Dak id-dmugħ li dejjem iġelben minn għajnejna. Dak l-uġiegħ li ma jafx tmiem.

L-għaliex, u fil-verità, meta titlef lil xi ħadd, dak ix-xi ħadd li tassew għalik u għalija kien ta’ faraġ u kuraġġ, aqta’ kemm jiddispjaċik għalih u għaliha! U, dik qalbek ħanina, tkun trid iva li tinqasam f’elf biċċa. Tkun trid tinfena għal ma nafx kemm-il darba. Nerġa’ ngħid, l-aktar jekk, ma dak ix-xi ħadd, ikollok relazzjoni. Liema relazzjoni tkun bnejt għal ħafna snin. B’tant sagrifiċċji u kura. U, b’għaraq tad-demm. U anki b’ħafna paċenzja. Imma, u b’qasma ta’ qalb, dan xorta waħda iseħħ. U jseħħ tabilħaqq!

U jibqa’ iseħħ! Anki fi żminijietna! Minkejja tant avvanzi li qed isiru fil-qasam tax-xjenza medika. Imma l-mewt tiġi fuq kulħadd. U jġarrabha kulħadd. Jiġifieri kull min jitwieled. Mhux l-ewwel darba li kien hemm min qalli: Il-mewt hi veru l-unika ħaġa tajba li għamel il-Mulej! Bil-mod għażiż u għażiża! Tiġrix! Isma’ x’jgħallimna San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: Permezz tad-dnub il-mewt (Rum 5:12). Għax il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu (Rum 5:12). Issa fejn daħal il-Mulej f’dan kollu? Tgħid issa se jkollna l-wiċċ inġibuh responsabbli ta’ xi dnub? Hu li, f’Ġesù Kristu Ibnu, b’mod ċar fil-vanġelu, qalilna: Min minnkom jipprova li jien għandi xi dnub? (Ġw 8:46).

Immaġinawh lil Ġesù li qed jagħmel din il-mistoqsija lili u lilek. U aħna x’se nwieġbuh? Mhux, bħal dawk li akkużaw lil dik il-mara li dinbet nispiċċaw nagħmlu? Jiġifieri li nibdew immorru lejn djarna? Li nidħlu fina nfusna? U mela jiena se naffordja nħaqqaqha ma’ Ġesù? Mela ejja naqtugħha ħbieb, darba għal dejjem! Mhux il-Mulej le li ħalaqha l-mewt! Il-mewt ġejja mid-dnub! Mela ġejja direttament mix-xitan! U hija konsegwenza grassa tad-dnub!

Iżda l-Mulej, l-għaliex hu Alla qaddis u kbir, jrid li lilna ifejjaqna. Irid li lill-mewt, li mhix ġejja assolutament minnu, l-għaliex, u kif qalilna Hu stess fil-Kelma setgħana tiegħu, m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! (Mt 22:32), dik l-istess mewt [li] ma għadhiex taħkem fuqu (Rum 6:9), iġibha mirfes taħt riġlej[h] (Salm 110:1). Irid jirbħilha! Ikissirha! Jgħaffeġ fuqha! U dan jagħmlu b’ħajtu li jagħtina. Il-ħajja li ma tispiċċa qatt! U mhux għalhekk li lil Marta qalilha: Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt (Ġw 11:25-26)? Imbagħad għamlilha mistoqsija li qed jagħmel lilna wkoll: Temmnu inti dan? (Ġw 11:26).

Għalhekk, u quddiem dan id-diskors, Novembru huwa tfakkira tajba għalija u għalik li ħajjitna hi rigal. U rigal bil-bosta. U hi rigal, l-ewwel u qabel kollox, għall-oħrajn. U mhux le għalija biss! Waħdi! Sulu u sula! Maqtugħ u maqtugħa mill-oħrajn! Dan l-għaliex Novembru huwa x-xahar fejn, u forsi b’mod mill-aktar serju, jiena nibda’ nifhem li ħajti għal ħaddieħor hi rigal verament ta’ mħabba. Rigal ta’ għotja. Rigal gratwit. U mhux imqanżaħ. Hi rigal li ġej minn qalb tal-għaġeb. Dik l-istess qalb li għandha post għal kulħadd. U tħobb lil dawk l-aktar li huma mwarrbin. L-għaliex ġiet maħluqa minn Dak li, ta’ spiss, jispiċċa mwarrab Hu ukoll! Hu! Li ma jwarrab lil ħadd!

Mela, ix-xahar ta’ Novembru, lili jfakkarni li meta veru nħobb dan jitlob minni li nxammar il-kmiem u mhux imnieħri. Li nagħmel dak li hu possibbli biex inkun ta’ spalla għal min jitlob l-għajnuna tiegħi. Ovvjament mhux b’mod impossibbli għalija. Imma, u kif jgħidilna l-Mulej, kull qattra tgħodd. Basta dik il-qattra tkun ħlewwa fil-baħar tal-imrar li l-ħajja ta’ kuljum tipprovdilna fuq il-platt tagħha.

U forsi hawn ta’ min ifakkar f’xi ħaġa importanti oħra ħbieb: ix-xahar ta’ Novembru jurina kemm hu tabilħaqq importanti li nieħdu ħsieb napprezzaw lil xulxin. In-nies, sakemm għadhom magħna, ġieli ma nagħtuhomx l-apprezzament li jixirqilhom. Forsi, u għal xi raġuni jew oħra, inkunu tant mitlufin f’dak li nkunu qiegħdin nagħmlu li qajla nagħtu kas xi jkun qed jiġri madwarna. U allura jiġrilna li ngħaddsu rasna u nibqgħu għaddejjin. Imma Novembru malajr iġibna f’tagħna. Malajr iġibna f’sensina. Żjara saċ-ċimiterju mill-ewwel turina li ħajjitna tgħaddi malajr. Filgħodu twarrad u tħaddar filwaqt li filgħaxija titbiel u tinxef.

Dik hi ħajjitna! Għalhekk Novembru jgħinna bil-bosta biex ma nitilfu l-ebda opportunità biex f’ħajjitna nitolbu dik il-maħfra bil-kelma aħfirli. L-għaliex, u jien dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed, ilkoll nonqsu. Barra minhekk, ngħidu wkoll dik il-grazzi. Li tant tagħmlilna tajjeb. U, finalment, ngħidu wkoll iva dik il-jekk jogħġbok. U kemm hu sabiħ li dan ngħiduh, fuq kollox, lill-Mulej, bil-quddiesa, bil-qrar u bis-sagramenti u lil xulxin bl-azzjonijiet tagħna?

Hekk, għalija u għalik, Novembru isir esperjenza ta’ mħabba ġenwina. Dik l-imħabba li tiftaħna għall-Mulej, għalina nfusna u għal xulxin! Tgħid hemm tifkira isbaħ minn hekk?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.