L-allerġija!


Meta smajt li qabdietha l-allerġija f’qalbi għedt: U le! Mela din kemm timrad mix-xejn?! U, ħa ngħidilkom, kważi kważi, aqta’ kif kielni ilsieni biex inlissen imqar nofs ta’ kelma! Għax veru ma flaħtx! Sakemm fl-aħħar, iva fl-aħħar, l-allerġija żaret lili wkoll!

U, ħa ngħidilkom, ħabtitni fuq li ħabtitni! Għall-ewwel ħsibt li mhi xejn. U iva! Mhux naqra tqaħqiħa kollox? Għedt jien. Bejni u bejn ruħi! Mingħalija li b’daqshekk kont solvejt il-problema! Imma ħbieb mhux hekk kien! Għax, l-allerġija, bdiet tagħmel tagħha! Donnu bil-magħmul ħbieb imma kif jagħti r-riħ illum mhux le bħalma kien jagħti qabel! Donnu anki r-riħ illum tgħallem it-triq tal-vendikazzjoni. Mgħaddas li hu! Tgħallem ukoll jagħżel it-triq tal-musmar bil-maqlub! Donnu anki r-riħ ħalli lilu nnifsu jinġarr għax tgħallem ifajjar id-daqqiet tal-ponn tiegħu taħt iċ-ċintonrin! Aħħ! X’uġiegħ!

U veru aħħ! X’uġiegħ! Għax dik li filli tkun qed tieħu n-nifs u filli, minfejn tieħu n-nifs, tħossu sarlek ċaflisa waħda, veru tħallik bla dinjità tafux! Dik li, filli tkun qed tieħu n-nifs normali, għall-affari tiegħek, u filli n-nifs jibda’ isaffar u, minn ħin għall-ieħor, tħossok li għandek tisgħol, tassew li ma tiflaħhiex! U kemm sieħbi, meta jibda’ dieħel ir-riħ fis-sider, l-iljieli jidhru li jkunu waqqfu għal kollox! Veru? Ma nafx kif tibda’ tħossok! Donnu l-kunċett tal-ħin jieqaf għal kollox! Jieqaf ħesrem! U la jibqa’ dawl u lanqas dlam! La ħin ix-xogħol u t-taħbit u lanqas ħin il-mistrieħ! U dan kollu minħabba s-sinjorina, jew aħjar, għax hekk jistħoqqilha, il-misħuta influwenza li iġġib magħha l-allerġija!

Hekk kelli nagħmel ħbieb meta, lejl minnhom, jiġifieri t-tieni lejl, li fih kienet imwaħħla miegħi s-sinjorina allerġija, kelli mdaħħal subgħajja t-tnejn f’għajnejja, inqum minn friexi u mmur ħa jarani tabib! L-għaliex ma flaħtx aktar inkun magna taż-żrar! It-tobba bravi tagħna mill-ewwel laqtu l-musmar fuq rasu! Naqra ta’ mistura babaw u s-sinjorina, trid jew ma tridx, kellha tħallini! Mela addijo ittantar u ġbid tal-widnejn fil-għodu, f’nofsinhar, fit-tlieta, u fil-għaxija! Għall-erwieħ!

Kemm kienu mberkin jaħasra dawk iż-żewġ kuċċariniet ta’ mistura fil-għodu, f’nofsinnhar u filgħaxija! Ajma kemm beriktu n-numru sitta li fakkarni fis-sitt ġebliet li bihom, il-gġanta allerġija, bdiet titħaġġar bil-mistura li bdejt nieħu ħa tħallini kwiet! Kos hux! It-tlett mumenti li kont qed nieħu l-mistura kienu qed jaqblu eżatt mal-mumenti li fihom nitolbu l-Angelus lill-Madonna! Bilħaqq, int titolbu l-Angelus? Taf li jekk titolbu f’dawn it-tlett mumenti, fit-tmienja ta’ filgħodu, f’nofsinnhar u fi nżul ix-xemx, tkun diġà qed titlob tlett darbiet fil-ġurnata? Imbagħad, bil-quddiesa, bir-Rużarju u bil-Kurunella tal-Ħniena Divina diġà tkun tlabt SITT DARBIET fil-ġurnata! Qed tara kemm aħna l-Insara nitolbu ħafna fil-ġurnata jekk irridu nitolbu? Intant…

U hekk, wara li bdejt nieħu l-mistura, bdejt inħossni liberu mill-ġdid. Le! Il-jum issa beda jerġa’ jieħu postu u jsir jum. Filwaqt li l-lejl beda ikun aktar dinjituż u ta’ dekor! Għax issa stajt nibda’ norqod mill-ġdid bħal qabel. Grazzi Mulej u grazzi tabib! Għax ħa ngħidlek sur tabib, imnalla ġejt għandek biex tikkurali t-taqlib li kont għaddej minnu!

Issa din il-biċċa esperjenza ta’ l-allerġija lili għallmittni ħaġa tad-deheb: ilkoll taħt sema waħda qiegħdin! Mela illum qabad lilek u għada lilek! Għalhekk mela nieħu gost immens niġi sa ħdejk fl-isptar meta tkun fil-kafeterija u nieħdu dak il-cappuccino flimkien! Kos hux! Lilna l-Kapuċċini anki f’kull kafeterija issibna! L-għaliex, u propjru, postna li nkunu magħkom! Man-nies! L-aktar fl-Isptar! Fit-tbatija!
Għax hemm, bejn boqqa u oħra tal-kafè, iseħħ il-kliem tal-kanzunetta fuq il-Kapuċċin: U int Kapuċċin! Sibt il-ħin li tismagħni! Awċ! X’tagħlima dik Patri Mar! Kemm qed issib ħin għalija ħi biex tismagħni? Ħeqq! L-allerġija ma tantx ħallietni dan l-aħħar! Imma issa li, permezz tal-Mulej u tat-tabib, u tal-għażiża misturina, reġa’ ħariġni mill-gabjetta tas-sinjorina allerġija, hekk li erġajt bdejt nimrah mill-ġdid, kemm ħa issibni miegħek biex nisimgħek? U, fin-naqra tiegħi, tisma’ lili wkoll?!

Sabiħa li nisimgħu lil xulxin! Veru? Sabiħa li nwarrbu naqra d-dar u l-kunvent fil-ġenb ħa niltaqgħu flimkien fil-beraħ tal-ġenna fuq l-art, fl-isptar. Fejn, għalkemm fit-tbatija, is-smiegħ ta’ xulxin tant jagħmlilna tajjeb! Għax iħejjijna għall-aqwa mument, dak tas-smiegħ etern, fil-ġenna! U mela illum, jien, ma nħossnix iva fil-ġenna għax sibt min jismagħni? Għax sibt lil min jidħol fiż-żarbuna tiegħi u jagħtini dik il-mistura biex jeħlisni minn dak it-tisfir tal-pulmun mimli biż-żlieq tal-imbarazz?

Nibqgħu niġġieldulha l-allerġija li hawn iddur f’nofsna ħbieb! Jiġifieri dik l-allerġija li nfittex li jaqbilli u hekk inħalli n-nies li qed ibatu u għandhom bżonn l-għajnuna u s-smiegħ tiegħi jifgaw fiż-żlieq tagħhom tal-problemi! Le! Ejjew inkunu bħal dak it-tabib bla ħin! Li rani kmieni filgħodu! Li tani l-mistura! U hekk illum nista’ naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet bit-tbissima fuq wiċċi!

Ġesù fil-morda O Patri qed jistenniek bil-ħerqa li taqdih! Mela ħallik mill-allerġija tal-kumdità personali tiegħek! Aqdih! Aqsam ħajtek miegħu! Ħa tibda’ tassew tieħu n-nifs ċar u safi! Mingħajr iż-żarżir tal-egoiżmu li jagħmlek platt iċekċek!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.