Daj mi ruku!


Dan l-aħħar il-Mulej tani grazzja kbira li mmur Medjugorje. Ħafna jafu xi jfisser l-isem Medjugorje. Sintendi, Medjugorje mhux sempliċiment xi raħal bejn il-muntanji. Għal min imur Medjugorje b’fidi u mhux b’xi arja ta’ kurżità inkella biex jiżżuffjetta dwar il-qawwa tal-Mulej kif toħroġ minn dan ir-raħal fuq id-dinja, meta u fi xi ħin irid jeżerċitaha u fuq min jiddeċiedi Hu u mhux aħna, Medjugorje jaf ikun mument ta’ bidla kbira fil-qalb, fil-moħħ u fl-ispirtu tal-persuna.

Jiena u sejjer minn Dubrovnik għal Medjugorje kanzunetta li smajt matul il-vjaġġ kienet Daj mi ruku. Jew, bi lsienna, Tini idejk. Kulħadd għadu jiftakar fil-kanzunetta mill-isbaħ ta’ David Azzopardi Tini jdejk. Anki Daj mi ruku, ta’ Ivan Puljić, hija kanzunetta mill-isbaħ u fl-istess ħin timxi fid-direzzjoni ta’ dik komposta minn David Azzopardi.

Tini idejk, nimxu flimkien. Ħa nagħmluha aktar ħafifa u aktar iebsa għalina. Hekk jgħid l-ewwel vers tal-kanzunetta. Li nkunu flimkien (il-kelma Kroata hi skupa), tfisser li nimxu flimkien. U, meta nimxu flimkien, nistgħu iva nħaffu ħajjitna. Dan imqar jekk nistaqsi lil xi ħadd għal xi parir. Il-fatt li staqsejt għall-għajnuna diġà hu biżżejjed għalija biex ninfetaħ għal idejat oħra. M’għandniex xi ngħidu, li nimxu flimkien m’hix ħafifa. Hemm il-mument fejn jien irrid immut għalija nnifsi. Għall-egoiżmu tiegħi. Għal dak li lili tabilħaqq itaqqalni. Imma kuraġġ! Ejja ma niddisprax! Ejja nħares ‘il quddiem. Daj mi ruku!

Il-benefiċċju li tagħtini jdejk u li nagħtik idejja huwa kbir tassew! Għax, kif ikanta tajjeb Puljić, huwa meta nagħti idejja li jien ngħaddi lil hinn mit-triqat u mmiss il-kwiekeb. Prosit għażiż Puljić! X’waħda qed tgħallimni bid-Daj mi ruku! Qed tgħallimni li biex nirbaħ l-isfidi tal-ħajja jiena irrid nagħti jdejja. Biex nitla’ filgħoli, mhux neċċessarjament fil-kariga imma lejn il-Mulej, jiena irrid nagħti jdejja. U dan l-att, daqshekk sempliċi u, fl-istess ħin, diffiċli, aqta’ kemm jagħmel sens! U mhux l-umiltà ħbieb li tassew tiftaħ beraħ għalina l-qalb tal-Mulej?

Mela x’inhu s-sigriet li wieħed jagħti jdejh? Hu, kif jgħidilna Ivan Puljić, li nimxu flimkien. Għax meta nimxu flimkien, int u jien, nistgħu indawwlu lil xulxin. Nistgħu intiru lejn is-smewwiet. U allura, ngħid jien, x’qiegħdin tabilħaqq nistennew għajr li nagħtu widen għall-kelma tal-Mulej permezz ta’ Daj mi ruku? X’qegħdin nistennew għajr li, kif ifakkarna tant tajjeb Puljić, mmorru fid-dawl? Ejjew immorru fid-dawl! Ħa ntiru ‘l fuq!

Mhux li kien jaħasra li din il-kanzunetta ssir parti mir-repertorju eżiżtenzjali ta’ ħajti u ħajtek! Mhux li kien li din il-kanzunetta issir l-istess ħajjitna! Għax min jista’ tabilħaqq jgħallimha fil-ħajja? Ġieli rajt players kbar tal-ballun li ippruvaw jgħallmuha u xi ġralhom? Mhux ovvja! L-attakkant avversarju ħadlu l-ballun u GOOOAAALLL! Ajma ħej x’disfatta dik!

Le ħbieb! Ejjew nieqfu ngħallmuha! Ejjew nieqfu kulħadd irid jilgħabha tal-professur u l-professura! Ejjew nieqfu nitilgħu fuq il-podju! Ejjew nieqfu nġagħlu lill-Mulej jgħir għalina! Iva! Sewwa għidt! Nieqfu inwaqqfu lill-Mulej jgħir għalina! Dan l-ego issa xebba’ lil kulħadd! L-ego ta’ min irid juri kemm hu buli! L-ego ta’ min irid juri kemm hu qaddis u l-oħrajn kemm huma midinbin ħdejh! L-ego ta’ min, biex ikampa mad-dwejjaq tiegħu, isimgħu jwaqqa’ lil ħaddieħor għaċ-ċajt! Le ħbieb! Ejjew nidħlu daħla fina nfusna u nibdew nirrispettaw lil xulxin! U dan iseħħ biss jekk il-Mulej, u mhux aħna, persuni jew oġġetti oħra, isir l’Alla ta’ ħajjitna!

Għax min veru jaf? Min jaf veru jmexxi? Min tassew jaf isib tarf il-problemi? Fil-verità, ħadd u kulħadd! Ħadd. L-għaliex kollha għandna bżonn lill-Mulej. Mingħajru m’aħna xejn. Mingħajru aqta’ x’kull tgħassida nagħmlu! U kulħadd. Għax kulħadd għandu x’jikkontribwixxi. Mela ejja mmorru għall-parir dejjiemi ta’ San Pawlinu ta’ Nola, li l-Ispirtu s-Santu jitħaddet bil-fomm tal-Insara kollha!

Meta jkollok ċans idħol daħla sa YOU TUBE u tgħaxxaq isma’ l-kanzunetta ta’ Ivan Puljić, Daj mi ruku. Tibżax! Għax din il-kanzunetta tgħinek tara lil kulħadd b’ħuk u b’oħtok u qatt l-avversarju tiegħek. Mela serraħ rasek u, illum, almenu illum, orqod fil-paċi!

Daj mi ruku!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.