Evanġelju tal-Ħadd 18 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 13, 24-32

Ħadd ma jaf mela inutli nippruvaw naqtgħu. Minkejja kull żvilupp tax-xjenza fit-tbassir ta’ tmiem id-dinja, l-univers u l-kosmos, minkejja l-ħafna tamiet li bihom il-bniedem jipprova jimla’ qalbu biex jgħix kemm jista’ jkun tajjen u kuntent, hemm żewġ rejaltajiet li kull bniedem, u jidher li kull bniedem li b’xi mod jew ieħor ħallilna tifkira tiegħu, hu konxju tagħhom: ir-rejaltà tal-mewt tiegħu bħala bniedem u r-rejaltà li kull bidu għandu tmiem, anke d-dinja, anke l-univers, anke il-kosmos. Ir-rejaltà tal-mewt jitgħallima mill-esperjenza ta’ dawk li jara jmutu u jħossha toqrob met al-ġisem jiddgħajjef u s-saħħa tibda tgħib u r-rejaltà tat-tmiem ta’ kollox donna hija sensazzjoni istintiva dak li bl-ingliż jgħidulu ‘gut feeling’, xi ħaġa li tħossha imma ma tafx eżatt x’inhi u xi tfisser.

F’din l-aħħar silta li qed naqraw mill-Evanġelju ta’ Marku fil-ħdud tas-sena liturġika, Ġesù, anke xi ftit b’mod apokalittiku, kif naqraw ukoll illum fl-ewwel qari mill-profeta Danjel, jitkellem dwar dan it-tmiem, li għal Marku u l-insara ta’ żmienu kien dalwaqt, imminenti. Iżda Ġesù mhux jagħtina deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li se jiġri, qiegħed jgħidilna li se jiġri żgur billi jisselelf tixbiħat u simboli mit-Testment il-Qadim. Ix-xemx u l-qamar jiddalmu; dak li l-bnedmin jafdaw fuqhom biex ikollhom id-dawl, jitilfu l-qawwa tagħhom; il-kwiekeb jaqgħu u l-bniedem jisfa bla triq u bla direzzjoni.

Mela mhux biss ma jafx fejn hu imma lanqas jaf fejn hu sejjer. Minkejja l-pjanijiet kollha tiegħu għal għada u għall-għada ta’ warajh, jasal żmien fil-ħajja ta’ kull bniedem u fil-ħajja tal-bnedmin meta x-xemx ma turix iktar u l-qamar ma jdawwalx u l-bniedem jerġa jintilef fit-taħwid u l-baħħ ta’ qabel l-ordni miġjub minn Alla mal-ħolqien tad-dinja. Ma nafux fejn aħna, ma nafux minn huma dawk ta’ madwarna, ma nafux min aħna, ma nafux iż-żmien li qegħdin fih, jekk hu xil-bidu jekk hux it-tmiem.

Il-kwieke jaqgħu; dawk li huma sodi fis-sema li bil-mixi tagħhom jagħtu direzzjon lil min jimxi fuq l-art, jitilfu l-istabiltà tagħhom u l-bniedem li għandu bżonnhom biex jimxi jispiċċa jdur fil-vojt għax m’għandux iktar kif jippjana mixjietu; jitlef, kif ngħidu, il-boxxla.

Ġesù ġie u jerġa’ jiġi. Kif nagħrfu li ġej is-sajf mir-rimi tal-weraq irqiq maz-zkuk niexfa tas-siġra tat-tin, jeħtieġ li nkunu għarfa biżżejjed li nindunaw meta aħna mitlufa u ma nafux fejn sejrin, meta tant inkunu aljenati bina nfusna li niskru fl-illużjonijiet li nfaslsu għalina nfusna, li nħossuhom komdi u jiġuna tajjeb.

Mhix biss kwistjoni ta’ sitwazzjonijiet individwali. Hemm l-isturdament kollettiv u soċjali li minnu nagħmlu parti u nikkonvinċu lil xulxin li d-dlam sar dawl. Sakemm ħadd ma jiftħilna għajnejna m’għandniex għalfejn ninkwetaw: hekk naħsbu.

Iżda r-rejaltà, ma jibdilha ħadd. Hemm hi u hemm tkun u għal kulħadd.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.