Togħġobni l-ideja ta’ Malta kożmoplitana. Għax, fejn għandek it-taħlit, hemm arrikkiment. Sintendi, filwaqt li nżommu dak li hu tagħna u ngħadduh nitgħallmu u napprezzaw dak li hu ta’ ħaddieħor. Wara kollox, irridu jew ma rridux, naqblu jew ma naqblux, dan huwa l-mod ta’ kif id-dinja qed tintiseġ. Veru?
Fil-kuntest ta’ din ir-rejaltà tabilħaqq interessanti niltaqa,’ xi ftit taż-żmien ilu, ma’ Taljan. Bħalissa f’Malta għandna ħafna minnhom. U, waqt li konna qiegħdin nitħaddtu fuq l-isfidi tal-ħajja, li m’għandhomx kuluri, it-Taljan u jien il-Mulej wassallna għal din is-soluzzjoni: P-P-P.
Naf! Bħalissa hawn min qed jitbissem. Jew jidħak ukoll! Attent u attenta jekk għandek xi biċċa ħobż mixwija f’ħalqek dalgħodu li ma jmurx, Alla ħares qatt …. Aħjar ma nsemmux. Veru sieħbi? Mela isma’ minni u, qabel tkompli taqra dawn il-kelmtejn, tagħmel tajjeb jekk tieħu bela’ tè jew kafè. Dejjem skont l-għażla tiegħek. Xejn xejn ħa xxarrab griżmejk ħa jiżolqu!
Il-P-P-P tfisser hekk (u min jaf bħalissa x’timsaħ l-għaraq l-għaliex qed tgħid: ‘Fl-aħħar il-Patri qalagħha!’): Preghiera, Pazienza u Perseveranza. Ħbieb, u dan tgħallimulna oħtna l-kbira l-ħajja, fil-ħajja l-majnati nieħduhom tafux! Ġieli lanqas nafu kif, biex u meta. L-għaliex il-ħajja hekk: kollha sfidi. Mhux l-ewwel darba li tagħmel għall-ġid. U x’jiġri? Donnu jinqala’ l-Grigal kollu u jkisser dak li tkun ilek tipprova tibni. U nifhmek sieħbi jekk tinħaraq! Għax kollu santu ċajt: jiddispjaċik! Bħal meta jiddispjaċik meta tkun fdajt kelma u mingħalik qed tafdaha ma’ nies li għalik huma raġel u mara. Biex imbagħad wara ssib li tarbija ta’ sena u nofs tkun aħjar minnhom. Kważi kważi kien qabillek tmur mill-ewwel online u tgħid dak li għandek tgħid bil-camera mixgħula fuqek ħa jarak u jisimgħek kulħadd.
Waqt mumenti diffiċli bħal dawn faċli ħafna li wieħed jarma l-kanuni ħa jibda’ jispara bla ħniena fuq min ġie ġie. Għaliex ir-rabja tkun hemm. U minfejn tkun ġiet din ir-rabja jekk mhux mill-weġgħa li tkun għamiltli jew inkun għamiltlek? Imma, u issa ejjew inkunu rġiel u nisa għal darb’oħra, b’daqshekk se nsolvu xi ħaġa? Se nsolvi xi ħaġa jien meta, u l-għaliex ġejt imweġġa,’ ningħalaq fija nnifsi u, mingħalija, se nsib l-irdoss hemm? Illum ngħidlek li jekk nagħmel hekk inkun qed nagħmel kawlata mill-kbar nett. U l-kawlata inkun qed nagħmilha l-għaliex jien maħluq u maħluqa minn Alla Trinità. Jiġifieri minn dak Alla li l-Missier jitħaddet u jiftaħ qalbu mal-Iben u l-Iben mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu mal-Missier u mal-Iben, kif jagħmlu huma miegħu. Issa jekk jien ġejt maħluq minn dan it-tip ta’ Alla li jikkomunika miegħu nnifsu u mal-oħrajn kif nista’ ngħix maqtugħ mill-oħrajn? Ma nkunx b’daqshekk qed indgħajjef is-saħħa mentali tiegħi?
Veru li ġieli ħuti l-bnedmin m’humiex miftuħin għaliha din il-ħaġa. Allura x’ħa naqbad nagħmel?” U hawn hu l-għerf tal-kelma preghiera. Jiġifieri t-talb. Itlob! Tkellem ma’ dan Alla Trinità. Kellmu! U jwieġbek. Tista’ tkellmu personalment. Mingħajr appuntament jew ħlas tas-siġġu. Imma dak l-ewwel pass sieħbi. Imbagħad isimgħu. Ara x’jgħidlek. U jkellmek f’qalbek, bin-nies ta’ madwarek u bil-ġrajjiet ta’ ħajtek. Imma lanqas b’hekk ma jkun kellmek biżżejjed. Ikellmek ħafna u ħafna bil-quddiesa tal-Ħadd għax tirċevieh fil-Kelma setgħana tiegħu. Imbagħad tirċevieh b’Ġismu, b’Demmu, b’Ruħu u bid-Divinità kollha tiegħu fit-tqarbina. Mela tirċevieh PERSONALMENT. Xi trid aktar minhekk? U jkellmek ukoll bil-qrar. Tindifa tajba dejjem ħa nisimgħu aħjar. U, fl-aħħar, ikellmek ukoll bir-Rużarju, bil-Ħniena Divina u b’talb ieħor.
It-talb irid ikun msieħeb bit-tieni P. Pazienza. Il-paċenzja! Iva sieħbi rridu nikbru fiha din. L-għaliex meta nikbrux fiha huwa aħna li jiddispjaċina. U jiddispjaċina bil-bosta! Fil-ħajja kollox għandu l-paċenzja tiegħu. Biss il-paċenzja fiha qliegħ kbir, kbir u kbir! L-għaliex, wara li l-burraxka tkun għaddiet, ma tistax ma tirringrazzjax lill-Mulej ta’ dak kollu li jkun għamel miegħek! Bis-sabar! Ma ninsewx fil-parir għaqli li tagħtina l-Bibbja: Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor; (Salm 84:11). Jiġifieri għall-Mulej jum wieħed huwa elf jum u elf jum jum wieħed!
L-aħħar P li għandna quddiemna, sula sula miskina, hi l-perseveranza. Jiġifieri li nibqgħu nipperserveraw. Mhux ta’ b’xejn li San Ġorġ Preca kien jitlob għad-don tal-perseveranza. F’kelma waħda li jibqa’ sewwa sal-aħħar. X’jgħidilna Ġesù? U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva (Mt 10:22). Anki jekk dan iffisser ukoll li jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra (Mt 10:23).
Ġorġ, l-Għannej tal-Mulej, jgħanni hekk: Fl-inkwiet u fiċ-ċaqliq li tħobb l’Alla l-isbaħ triq. Jekk ngħixu l-P-P-P it-taqbila ta’ Ġorġ ikunu qegħdin ngħixuha fil-milja tagħha!
Bongu proset kbira ghal gid kollhu li qeghdin titrassmettu.Il-Mulej jieqaf dejjem maghkom u mal-familji taghkom.Nibqa nitlob ghalikom biex il -Mulej jibqa jixhedt il -barka tiegHU fuqkom.God bless you.