Is-sindku qaddis

Print Friendly, PDF & Email

Mhijiex xi ħaġa komunissima li sindku jkun ikkunsidrat qaddis. Madankollu, kif awtorizza Papa Franġisku stess lill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin nhar il-5 ta’ Lulju 2018, fil-każ tas-Sindku Giorgio La Pira, ġew approvati l-virtujiet erojċi tiegħu. Min kien Giorgio La Pira? Dak il-magħruf sindku ta’ Firenze li assuma din il-karigu darbtejn, jiġifieri mill-1951 sal-1958 u mill-1961 sal-1965?

Għalkemm imwieled f’Pozzallo, fi Sqallija, nhar id-9 ta’ Jannar 1904, La Pira għex il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu f’Firenze. Ta’ 20 sena ġarrab esperjenza reliġjuża kbira li bidlietlu ħajtu. F’Firenze, meta kien professur tal-liġi Rumana fl-1934 La Pira beda ilaħħam il-fidi tiegħu fil-prattika. Waqqaf il-Quddiesa ta’ San Procolo f’Badia Fiorentina għall-fqar u dawk bla dar. Wara li Mussolini għadda l-liġijiet razzjali La Pira tant kemm kien sar attivist antifaxxista li kellu jaħrab lejn Ruma biex jevita l-arrest.

Fl-1946 La Pira ġie elett fi ħdan il-Partit Demokristjan fl-Assembleja Konstitwenti. U, bħala membru tal-Kummissjoni tas-75, ikkontribwixxa fit-tfassil tal-kostituzzjoni l-ġdida. Fl-1948, il-Prim Ministru Taljan De Gasperi ħatru sotto-segretarju għax-xogħol fil-kabinett tiegħu flimkien mal-ħabib antik tiegħu Amintore Fanfani.

Meta ġie elett bħala sindku ta’ Firenze, fl-1951, La Pira wiret belt ifflaġellata mill-qagħad u minn nuqqas ta’ housing. Dan ir-raġel qsajjar u ferrieħi ma qatax qalbu. Misjuq mill-prinċipji Nsara La Pira medd għonqu għax-xogħol biex itejjeb il-belt li kienet adottatu. Kemm kienet toqgħodlu d-deskrizzjoni li ta lilu nnifsu “ta’ appostlu ħieles tal-Mulej” u li baqgħet miegħu sakemm miet, jiġifieri sa nhar il-5 ta’ Novembru 1977!

Bil-għan li jwelled mill-ġdid il-Belt ta’ Firenze La Pira adotta programm estensiv ta’ xogħlijiet pubbliċi. Bena mill-ġdid il-pontijiet ta’ Alle Grazie, Vespucci u Santa Trinità li kienu iġġarrfu bil-gwerra. Ħoloq is-subborg żgħir ta’ Isolotto. Kien La Pira li iddiżinja djar low-cost, bena skejjel u fabbrika tal-ħalib, irrestawrja t-teatru muniċipali u għamel il-pavimenti ta’ ħafna mit-toroq ta’ Firenze. La Pira ħa f’idejh ukoll villel vojta u fihom poġġa lill-fqar u lil dawk bla dar. L-għaliex kien jemmen li kull persuna kellha l-jedd għax-xogħol, għad-dar u għall-mużika, ħa f’idejh fabbriki falluti biex iħares ix-xogħlijiet tal-ħaddiema. L-intervent tiegħu biex isalva l-fabbrika Pignone u jippreveni t-tkeċċija ta’ 1,750 ħaddiem jibqa’ jissemma. Anki quddiem din il-wirja ta’ qlubija xi avversarji politiċi tiegħu u saħansitra xi membri tal-partit tiegħu stess akkużawh bi statiżmu u Marksiżmu falz.

Fuq il-livell internazzjonali, La Pira ħabbrek kemm felaħ biex jippromovi lil Firenze fuq il-pjattaforma mondjali. Bħala l-ewwel ċittadin tagħha l-għan tiegħu kien li jkun l-ambaxxatur tal-paċi. Għalhekk waqqaf relazzjonijiet fraterni mal-ibliet ta’ Filadelfja, Kiev, Kyoto, Fez u Rheims. Kien La Pira li għamel ċittadini onorarji ta’ Firenze lis-segretarju ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Maha Thray Sithu U Thant u l-arkittet Franċiż Charles-Edouard Jeanneret. Bejn l-1952 u l-1956 La Pira laqqa ħames Konferenzi għall-Paċi u għaċ-Ċivilizzazzjoni Nisranija f’Palazzo Vecchio b’parteċipanti mill-erbat irjieħ tad-dinja.

Fl-1955 organizza l-Konferenza tas-Sindki tal-Ibliet Kapitali. U bejn l-1958 u l-1964 laqqa erba’ Colloquia Mediterranji li, qalb ħwejjeġ oħra, poġġew is-sisien tal-paċi bejn Franza u l-Alġerija. Fl-1959 żar ir-Russja u fl-1965 mar il-Vietnam fejn iltaqa’ ma’ Ho Chi Min. Hawnhekk La Pira ippreżenta pjan għall-paċi li, b’qasma ta’ qalb, safa miċħud għal tmien snin u wara tant tixrid ta’ demm. Madankollu, aktar tard, il-pjan ta’ La Pira sar is-sies għall-ftehim li temm il-gwerra tal-Vjetnam. Fl-1967 La Pira ġie elett president tal-Federazzjoni Dinjija tal-Ibliet Maqgħuda.

Il-ġuvni La Pira għex f’ċella ta’ monasteru fil-Bażilika ta’ San Marco. U meta kien ikun il-ksieħ kien jgħix fl-uffiċċju tat-tabib ħabibu. Iċ-ċittadini ta’ Firenze kienu jsejħulu “l-Qaddis”. Mhux biss kien jattendi kuljum għall-quddiesa kull filgħodu imma, bħal San Franġisk, kien jagħti l-ikel, il-ħwejjeġ u ħafna mis-salarju tiegħu lill-fqar. L-għaliex kien daqshekk ġeneruż mill-flus tal-kunsill, li kważi kien żamm il-fond f’xifer falliment, ġieli insultawh billi sejħulu La Pirata (Il-pirata). Kif kien mistenni kienet din il-ġenerożità li swietlu l-kariga tiegħu ta’ sindku.

Madankollu, il-popolarità ta’ La Pira f’Firenze qatt ma naqset. Fil-fatt, meta Matteo Renzi safa elett sindku ta’ Firenze, f’Ġunju tal-2009, l-ewwel viżta uffiċċjali tiegħu bħala sindku għamilha fuq il-qabar ta’ La Pira, fiċ-ċimiterju ta’ Rifredi. Lampa li ġiet mogħtija mit-tfal Fjorentini, Iżraeljani u Palestinjani qed iżżejjen il-qabar ta’ dan il-politiku kbir bil-kliem: Paċi, Shalom, Salam. Din il-kitba hi xhieda miktuba tal-għan li wieżen il-ħajja ta’ La Pira.

Wara mewtu nħass il-bżonn li jibqa’ jinżamm l-ispirtu li mmotiva dan is-sindku kbir biex jissokta jwassal il-messaġġ qawwi ta’ Kristu permezz tal-politika. Dan insibuh fil-bini taċ-Centro Internazionale Studenti ‘Giorgio La Pira’). Dan iċ-ċentru ġie mwaqqaf mill-Knisja Kattolika fl-1978 f’Firenze, eżattament wara l-mewt ta’ Giorgio La Pira. L-għan tiegħu hu li jilqa’ u jintegra b’mod soċjali minoritajiet etniċi, migranti, refuġjati politiċi u li jippromovi ħbiberija, għarfien reċiproku u djalogu bejn il-popli. Minbarra li jorganizza seminars u konferenzi ċ-ċentru jistimola proġetti li jippromovu koperazzjoni internazzjonali. L-għaliex wieħed mill-għanijiet tiegħu hu l-edukazzjoni dan iċ-ċentru jorganizza korsijiet fl-Ilsien Taljan u anki korsijiet fl-istorja tal-arti. Dan iċ-ċentru jissapporjta wkoll skambji interkulturali u jorganizza klassijiet ta’ mużika etnika u taż-żfin biex iressaq lin-nies ta’ kulturi differenti flimkien.

Il-ħajja tal-qaddej t’Alla Giorgio La Pira hi messaġġ f’waqtu għad-dinja u għas-soċjetà li qed ngħixu fiha.

Leave a Reply

%d bloggers like this: