Għas-servizz tal-Mulej fil-proxxmu permezz tal-mediċina


Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru ċċelebrajna l-festa għażiża ta’ San Giuseppe Moscati, il-qaddis tabib ta’ Napli.

Wara 91 sena minn mindu mar għand il-Missier, il-figura ta’ Moscati tibqa’ taffaxxina lil ħafna nies.

Dan l-innovatur kbir fil-qasam mediku ġiet ipproklamat qaddis f’Novembru tal-1987 minn San Ġwann Pawlu II fis-sena iddedikata għall-lajċi. U, b’din il-kanonizzazzjoni, ried li jitwassal il-messaġġ li Giuseppe Moscati wera mhux biss il-kuraġġ tiegħu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, bħal meta żbroffa l-Vessuvju, inkella fl-epidemija tal-kolera li ifflaġellat bil-kbir lill-belt ta’ Napli fl-1911. Imma, u fuq kollox, din il-kanonizzazzjoni tat-tabib Moscati riedet twassal il-messaġġ li l-impenn ta’ kuljum u diżinteressat mogħti b’risq il-morda u l-fqar huwa t-triq għall-qdusija vera.

L-impenn kbir lejn il-morda li kien juri Giuseppe Moscati ma begħdux milli jiddedika wkoll ħafna ħin għar-riċerka medika. Fil-fatt, il-ġenju tal-qdusija ta’ dan it-tabib kbir kien fil-fatt li seħħlu jsib il-bilanċ bejn ix-xjenza u l-istudju. U, biex seta’ tabilħaqq jgħix dan il-bilanċ perfett bejn ix-xogħol tiegħu fl-isptar tar-riċerka u billi joqgħod ħdejn is-sodda tal-morda, li magħhom tant kien marbut, Moscati kellu l-kuraġġ li jiċħad il-kattedra univeristarja billi ċedieha lil ħabib tiegħu, il-professur Gaetano Quagliariello.

Ix-xogħol tiegħu fil-qasam tar-riċerka jibqa’ msemmi kemm fir-rivisti Taljani u anki dawk internazzjonali. Fosthom insemmu l-istudju tiegħu dwar ir-rejazzjonijiet kimiċi tal-¬glucose, liema studji huma ikkunsidrati pijunieri f’dan il-qasam. Wara 46 sena ta’ ħajja, Moscati miet f’radda ta’ salib fuq il-pultruna ta’ daru stess. Kien it-12 t’April 1927. Illum Napli tilfet tabib kbir imma l-fqar tilfu kollox. Hekk ġiet imħabbra l-aħbar ta’ mewt dan it-tabib li kien iddestinat li jibqa’ tabilħaqq imfakkar għall-eternità.

Ħafna aktar minn kull ħaġa oħra dan it-tabib mhux tas-soltu ħalla impressjoni kbira f’dawk kollha li kellhom il-grazzja li jiltaqgħu miegħu. Dan l-għaliex ħajtu kienet koerenti u ċara minħabba li kienet mimlija bil-fidi u bil-karità lejn il-Mulej f’ħutu l-bnedmin. Moscati kien xjentist prim. Madankollu, dan il-fatt ma impedihx milli jara l-fidi u x-xjenza b’mod armonjuż. Bħala riċerkatur Moscati kien għas-servizz tal-verità. U l-verità m’hija qatt f’kontradizzjoni magħha nnifisha, u, wisq anqas, ma’ dak kollu li l-Verità eterna irrivelatilna.

L-ilqugħ tiegħu tal-Kelma ta’ Alla ma kienx għalih sempliċiment xi att intelletwali, astratt u teoretiku. Għal Moscati l-fidi hi l-għajn ta’ ħajtu kollha. Il-fidi hi l-ilqugħ mingħajr riservi. Hija fidi ħajja u entużjażta tar-rejaltà tal-Mulej li hu personali u tar-relazzjoni tagħna miegħu. Fil-pazjenti tiegħu Moscati ra lil Kristu li qed ibati. Fihom Moscati ħabbu u qdieh. U hija din il-qawwa ta’ mħabba ġeneruża li kienet timbuttah biex jingħata kollu kemm hu għal min kien qed ibati. Kienet din il-qawwa li wasslietu biex ma joqgħodx jistenna li l-morda jiġu għandu imma li jmur jfittixhom hu fil-kwartieri l-aktar foqra u abbandunati ta’ Napli biex jikkurahom mingħajr ħlas. Anzi, kien jieqaf magħhom minn dak kollu li kien jiggwadanja. U l-morda, l-aktar dawk li kienu jgħixu fl-akbar miżerja, milquta mill-qawwa divina li mexxiet lill-benefattur tagħhom, intebħu bl-imħabba kbira u diżinteressata tiegħu għalihom.

Hekk Moscati sar l-appostlu ta’ Ġesù. U sar dan mingħajr il-bżonn ta’ ħafna priedki. Biss, u bħal San Franġisk t’Assisi, Taljan ieħor bħalu li għex sekli sħaħ qablu, bl-eżempju tiegħu Moscati wassal lil Ġesù lin-nies morda u batuti, li hu, minn qiegħ qalbu, kien jaqdi. Il-karità kbira li kellu lejhom kienet toħroġ fil-mod li bih kien jgħix u jħaddem il-professjoni tiegħu ta’ tabib. Fit-tabib Moscati l-morda setgħu iva jilmħu lir-Ragħaj it-Tajjeb li jirgħa lill-bnedmin. L-aktar lil dawk li kienu maħqura u għatxana għall-verità u għat-tjubija tiegħu. Interessanti li aktar mas-snin bdew għaddejjin minn fuq Giuseppe Moscati aktar in-nar tal-imħabba kien qiegħed tabilħaqq jikkunsmah. L-attività esterna tiegħu kienet qed tikber b’mod kostanti. Iżda daqshekk ieħor kienu qiegħdin jikbru s-sigħat tiegħu ta’ talb. Il-laqgħat tiegħu ma’ Ġesù sagramentat kibru fuq li kibru fl-intimità.

Il-Papa San Pawlu VI, il-Papa li bbeatifikah, hekk qal fuqu: “Min hu dan li qed jiġi propost illum għall-imitazzjoni u l-venerazzjoni ta’ kulħadd? Huwa lajk li għamel minn ħajtu missjoni mgħixa b’awtentiċità evanġelika… Huwa tabib, li għamel mill-professjoni tiegħu ġinnażju ta’ appostolat, missjoni ta’ karità… Huwa Professur tal-università li ħalla qalb l-istudenti tiegħu eżempju ta’ ammirazzjoni profonda … Huwa Xjenzat ta’ skola kbira, magħruf għall-kontribuzzjonijiet xjentifiċi tiegħu ta’ livell internazzjonali… Ħajtu qiegħdha kollha hawn…”

Il-Papa San Ġwann Pawlu II li ikkanonizzah, fakkru b’dan il-mod: “Il-bniedem li, millum ‘il quddiem, ħa nsejħulu bħala Qaddis tal-Knisja universali, qed jippreżenta ruħu lilna bħala temmija konkreta tal-idejal lajk nisrani. Giuseppe Moscati, tabib u Primarju fl-isptar, riċerkatur magħruf, għalliem universitarju tal-fiżjoloġija umana u kimika fiżjoloġika, għex il-ħafna dmirijiet li kellu bl-akbar impenn u serjetà li l-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet delikati lajkali jitlob”.

Kien sewwasew minn dan l-angolu li, skont il-Papa qaddis Polakk, Moscati huwa ta’ eżempju mhux biss li wieħed għandu jammira imma wkoll li jimita. Aktar u aktar għalina li naħdmu fil-qasam tas-saħħa. San Giuseppe Moscati huwa ta’ eżempju anki għal dawk li ma jħaddnux l-istess fidi tiegħu.

San Giuseppe Moscati, fakkarna u għinna ngħixu dak li għext int: jiġifieri, li mhux ix-xjenza imma l-karità li biddlet lid-dinja. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.