Is-suq ta’ Birkirkara


Meta ninżel Birkirkara, u ngħaddi, ferħan ferħan, minn ħdejn il-Bażilika iddedikata lill-Imperatriċi Awgusta, Santa Liena, ma nafx l-għaliex imma taħrabli hi. Il-famuża u l-imbierka tbissima li tgħiduli biha intom!

U, nsejħilha iva famuża u mbierka dik it-tbissima l-għaliex, u fil-verità, dik it-tbissima mhix tiegħi. Inkella, jekk ngħid jew nisħaq li hi tiegħi, inkun ħalliel prim! Għas-sempliċi raġuni li inkun ħaddtha u sraqtha minn id Dak li, bi grazzja u b’ġenerożità kbira tiegħu, għoġbu jagħtihieli. Imma tani kuxjenza! U, bil-grazzja tiegħu, għandi. Għalhekk le ħbieb! Dik it-tbissima hi tiegħU! It-tbissima ta’ Dak li jidħak l-aħħar. U, l-għaliex jidħak dejjem l-aħħar, huwa Dak li dejjem u f’kull waqt, anki meta l-maltemp jidher li jkun qed jaħkem hu, jidħak l-aħjar! Mela, Grazzi O Mulej Ġesù Sidi! U, ta’ dan kollu, nadurak minn qalbi O Ġesù Sidi!

O kemm dik it-tbissima fiha hemm mistura ħemel tifkiriet! Dawk l-għeżież tifkiriet li, għalkemm iż-żmien għadda bil-kbir minn fuqhom, baqgħu tant friski f’qalbi! F’moħħi! U f’dak kollu li jagħmilni tabilħaqq jien! U kemm, fis-sewwa kollu, dawn il-ħsibijiet għadhom tarin fija! Għax dik it-tbissima li, għalkemm l-art u s-sema jgħaddu minn fuqha lejl u nhar u xahar wara l-ieħor, Min żejjinni biha, (u ngħid hekk l-għaliex jien ma jistħoqqlix li nirċevieha għax midneb), tibqa’ titliegħeb fuq wiċċi biex issaħħani bl-imħabba tiegħU. Dik l-imħabba li nħossha tgħix u taħdem fija u bija!

U mela xi tfakkarni dik it-tbissima ħuti? Tfakkarni f’baħar ta’ tifkiriet ħelwin. L-ewwel nett, fil-mixja li kont nagħmel mal-għażiża ommi. Bil-carrier. Minn fejn konna noqgħodu għal Birkirkara. U dejjem għan-niżla. Għax, fejn konna noqgħodu, kien filgħoli. Donnu bħall-belt t’Assisi li minnha ħarġu Franġisku u Kjara! Hekk sbieħ, leqqiena, għax mimlija bl-umiltà u bis-sempliċità tal-vanġelu! Li jien għadni nittrombja għalihom!

U, fin-niżla, dejjem b’xi avventura! Daqqa xi żrara li tiġi eżattament taħt ir-rota tal-carrier. U, il-carrier, kellu jagħmel dak li ma jridx. Jiġifieri li jaqbeż dik iż-żrara. U, għall-mument, jiġi bħal karozza li min jaf kemm kienu jirkbu fiha z-zio Jesse u Daisy ta’ Hazzard. Tiftakruh?

Imbagħad, la nitilgħu dik it-telgħa, żgħira żgħira, konnu niġu wiċċ imbwiċċ mal-kappella tal-Mużew. Fejn, għal ħafna snin, jien kont nitgħallem id-duttrina. Kif qatt nista’ ninsa waħda mill-Erbgħat li fihom konna neżlin għal Birkirkara? Nagħmlu x-xirja? Iva! Darba minnhom, eżatt bħalma kien ġralu Franġisku t’Assisi, tant sekli qabel, hekk kien ġrali jien. Kif konna għaddejjin minfejn il-kappella tal-Mużew ħassejt leħen ġewwieni jistedinni biex nibda’ immur il-Mużew. Jien qatt ma kont mort il-Mużew. Imma, il-leħen irqajjaq minn ġo fija, qalli biex nibda’ immur. U, meta l-leħen irqajjaq jgħidli xi ħaġa, jista’ ikolli min ikolli quddiemi l-għaliex lilu u minnu rrid nisma’. Illum ngħid mnalla mort! Imnalla smajt minnu dan il-leħen! Imnalla ċedejt! Inkella u li kieku, min jaf x’kien isir minni!

Konna naqbdu dik it-triq tal-fabbriki. L-ewwel kienet tiġi quddiemi l-batterija ta’ Ċensu Brared. Imbagħad, ftit aktar ‘il fuq, kien hemm il-lapida fejn kien miet wieħed li kien qed iħaffer bir u waqgħet fuqu ġebla daqshiex u għamlietu rmied. U, sewwasew kif konna ngħaddu minn quddiem imkien l-inċident, kont nisma’ lil għażiża ommi tgħidli: Ejja Mar ngħidu talba għar-ruħu miskin! U, bil-ħoss tal-carrier li, miskin, la beda issa ma kellux jieqaf, konna nitolbu għal dan l-imsejken raġel li ħalliena hekk, ħabta u sabta.

Ftit metri ‘l bogħod konna naraw mafkar ieħor. Kemm qaxxrietu l-kanzunetta! Rajt ma rajtx, smajt ma smajtx. Din hija t-twissija li hemm miktuba fuq il-ħajt. Tara x’tara u tisma’ x’tisma’, titkellem xejn ma’ ħadd. Issa kien imiss li ngħidu t-tieni talba għal ruħu. Jiġifieri għal dak li, minn fuq informazzjoni mhux meqjusa ta’ ħaddieħor, nifduh u ħallewh jgħum f’għadira demm.

Konna nibqgħu mejxin. Imbagħad konna naslu ħdejn l-oratorju. B’dak il-ground miegħu. U fejn, ta’ tifel ċkejken, kont niġġennen meta jiġi Ġunju. Sintendi! Minħabba l-magħruf festival tal-birra. Kos hux! Darba kien hemm min xorob litru birra f’ħin ta’ 4.3 sekondi! X’waħdadin! Kemm kien bil-għatx!

Lejn l-aħħar ta’ mixjietna konna naqbdu t-triq li twassalna ħdejn Santu Rokku. Niftakar lil ommi tinkina quddiem il-kappella u minn hemm konna nidħlu s-suq. Hemm arahom il-bejjiegħa! Wieħed wieħed! Ismagħhom x’jgħajtu! Ibda’ bir-raġel il-ġinġer u b’żaqq daqshiex u li kien ibiegħ il-ħaxix. Imbagħad iż-żgħażugħ ta’ xagħru innuklat. Warajh jiġi dak li kien ibiegħ id-drappijiet. U mbagħad jiftaċċa l-ieħor tal-fajjenza. U, fl-istorja, tidħol dik tal-kappar. U, ftit aktar l’isfel, bl-għajta karatteristika tiegħu ħajjin! ħajjin! hemm seħibna tal-ħut.

Kollha niftakarhom! Daqkemm ma niftakarx lin-nies li kienu jiġu jifirħu bl-għażiża ommi! Ara Maria! Ara Maria! Uħud minnhom raqdu. Oħrajn għadhom magħna. Imma, lil dawn in-nies kollha, nibqa’ niftakarhom u ngħożżhom f’qalbi u f’talbi! Daqskemm ma niftakarx f’talbi dak tal-pastizzi u tal-pasti! Kemm ferraħtni sieħbi b’dak li tmajtni!

Għalija s-suq ta’ Birkirkara jibqa’ f’qalbi! L-għaliex ifisser sempliċità, ġenerożità, ċelebrazzjoni, ħajja, u ħajja bil-kotra. Fl-għejxien mimli ferħ tal-jum!

F’qalbi u f’talbi tibqa’ għal dejjem ja suq ta’ Birkirkara!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.