Għabbilu!


Dan l-aħħar, waqt li kont qed inqaddes, innutajt b’dettall sabiħ u li jinsab fit-tielet talba Ewkaristika tal-Quddiesa. U, dan id-dettall, meta l-Mulej, bl-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu, niżżilni fih, kemm fetaħli orizzonti kbar ta’ fejqan f’ħajti! Liema orizzonti, l-għaliex tant għamluli ġid, illum nixtieq naqsamhom ukoll magħkom.

F’din it-talba liturġika tal-Knisja, it-talba Ewkaristika, tassew sabiħa l-għaliex mimlija tifsiriet mill-aktar kbar u li huma relevantissimi għal ħajjitna ta’ kuljum, niltaqgħu mal-kelma Vittma. Din il-kelma, li ilkoll nafu xi tfisser, hi miktuba bl-ittra kapitali V. U qatt bl-ittra v. Dan l-għaliex, kif jgħallimna t-test ta’ din it-talba liturġika, din il-kelma qed tirreferi mhux għall-bniedem tad-demm u l-laħam. Jiġifieri għal dak il-bniedem li, ħafna drabi, aħna nirreferu għalih u għaliha din il-kelma. Bħalma nirreferuha wkoll għalina nfusna. Le! Din kelma Vittma qed tirreferi għal Alla magħmul bniedem. Fi kliem ieħor, għal Ġesù Kristu Sidna. Li, fil-quddiesa, fis-sagrifiċċju tas-sagrifiċċji, huwa l-istess Altar, Vittma u Qassis.

Fil-ktieb tal-Profeta Iżaija l-Kelma ta’ Alla tirrappreżentalna lil Ġesù bħala l-Vittma. Huwa hu li jieħu fuqu dak kollu li jkisser lili u lilek bħala bnedmin. Huwa hu, Ġesù, il-qaddej ta’ Jahweh, li jagħżel li jieħu fuqu dak kollu li lilna jitfagħna mitt sena lura. Li jisħaq id-dinjità tagħna bħa bnedmin. Iva. F’dan it-test Ġesù jieħu fuqu dak kollu li, jekk ma narawx kif ħa ninħelsu minnu, jiġġamjana. Jiffriżana. U, iva, ma jħalliniex niffunzjonaw kif tant jixtieqna li niffunzjonaw Hu, Alla-bniedem, għalina. Hawn hu t-test ta’ Iżaija:

Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu. Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortieh? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu. Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin (Iż 53:3-12).

It-test stess isemmi kif Ġesù ħa fuqu l-iżolament, ir-rifjut mill-oħrajn, il-mard, il-mistħija, l-għajb, iż-żeblieħ, in-niket, il-malafama, id-dnub, il-ħżunija tal-bnedmin, il-weġgħat, il-kastig, l-egoiżmu, il-moħqrija, l-akkużi, il-vjolenza, il-ħruxija, il-mewt, l-inġustizzja, u l-bqija tal-ħażen kollu li jeżiżti fina u madwarna. Ġesù dan kollu ħadu fuqu! U ħadu biex il-Vittma jkun Hu u qatt int u jien! Għax hu Alla hu bniedem. Mhux bħali u bħalek, li aħna sempliċi bnedmin. Għalhekk Hu biss jiflaħ għal dan il-ħażen kollu. Hu ndaħal għalija u għalik quddiem il-Missier biex il-Vittma jibqa’ jkun dejjem Hu u qatt u qatt jiena u int, bnedmin limitati. Hekk, Ġesù, jieħu fuqu, anki illum, dak kollu li jkissirna, biex isir Vittma Hu u int u jien ngħixu l-milja ta’ ħajjittna.
Mulej, int li int il-Vittma, nagħtik dak kollu li jkissirni. Nitlaq f’idejk dan kollu għax int il-Vittma Mulej u mhux jien. Għalhekk agħtini Ġesù l-ferħ, il-ħelsien u l-paċi tiegħek ġewwa fija. Amen.

Jekk int imtaqqal u imtaqqla għabbi lil Ġesù, il-Vittma, bit-toqol tiegħek. Hekk tgħix fil-ferħ, fil-ħelsien u fil-paċi.

Għabbilu!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.