Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fl-2019


Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fl-2019 – Aktar minn 1,450 post vakanti għall-istudenti.

curia-file-photo.jpg

Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2019 ‑ 2020 ġew ippubblikati fuq il-paġna tal-iskejjel tal-Knisja fuq il‑websajt tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. B’kollox ser ikun hemm 1,457 post vakanti għall-istudenti. L‑applikazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn jew f’xi wħud mill‑iskejjel tal‑Knisja kif indikat fir‑regolamenti. L‑applikazzjonijiet tal‑ewwel kriterju jsiru f’Novembru 2018, l‑applikanti l‑oħra f’Jannar u Frar 2019.

L‑applikazzjonijiet tal‑ewwel kriterju jinkludu tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir‑regolamenti li jinsabu onlajn.

Minn din is‑sena qed jitwessa’ l‑kriterju tat‑tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja u tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, biex jilħaq it‑tfal subien u bniet ta’ dawn l‑impjegati. Dan ifisser li tfal li ma jistgħux jattendu l‑istess skola tal‑ġenituri issa jistgħu japplikaw għal skola oħra tal‑Knisja.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal refuġjati. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra.

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2019 ‑ 2020 huwa kif ġej:

Capture

Għas‑sena skolastika li għadha kif bdiet (2018 ‑ 2019), fl‑iskejjel tal‑Knisja applikaw 3,676 student li minnhom ġew milqugħa 1,680 fid‑diversi livelli. Għal darb’oħra, it‑talba kienet aktar mid‑doppju tal‑postijiet disponibbli fl‑iskejjel tal‑Knisja.