Għaqli naħsbu fit-tmiem

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 27 ta’ Novembru 2018. Kif se jkun it-tmiem tiegħi? Kif nixtieq li jsibni l-Mulej meta jsejjaħli? Huwa għaqli li naħsbu dwar it-tmiem.  Jgħinna nimxu ‘l quddiem, jgħinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar x’inhu dak li għandi nirranġa u x’irrid inżomm għax hu tajjeb.

Il-Papa Franġisku ddedika l-omelija li għamel illum, fil-kappella tad-dar Santa Marta, għat-tmiem tad-dinja u tal-ħajja personali, għax tul din l-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika l-Knisja tridna nirriflettu dwar dan. Din hija grazzja, ikkummenta l-Papa, għax aħna ma tantx inħobbu naħsbu dwar it-tmiem, dal-ħsieb dejjem inħalluh għal għada.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Apokalissi, San Ġwann jitkellem dwar l-aħħar tad-dinja bil-metafora tal-ħsad, bi Kristu u l-Anġlu armati bil-minġel. Meta tasal is-siegħa tagħna nkunu rridu nuru l-kwalità tal-qamħ tagħna, il-kwalità ta’ ħajjitna. Forsi xi ħadd minnkom jgħidli: Tkunx daqshekk makabru, dawn l-affarijiet ma jogħġbuniex… imma din hi l-verità, insista l-Papa Franġisku.

Ikun żmien il-hsad fejn kulħadd jiltaqa’ mal-Mulej. Tkun laqgħa fejn kull wieħed u waħda minna jgħid lill-Mulej: ‘Din hi ħajti. Dan hu l-qamħ tiegħi. Din kienet il-kwalità ta’ ħajti. Żbaljajt’ – ilkoll irridu ngħidu dil-kelma għax kulħadd jiżbalja – ‘imma għamilt affarijiet tajbin.’ Għax kulħadd jagħmel affarijiet tajbin u xi ftit jew wisq nuru l-qamħ tagħna lill-Mulej.

Kieku l-Mulej isejjaħli llum, x’se ngħidlu? Ngħidlu, ‘Kont aljenat u ma ndunajtx’? Ma jiswa xejn li int żagħżugħ: ara kemm żgħażagħ jitilqu, ikunu msejħin. Ħajjet ħadd mhi inxurjata. Imma huwa żgur li kulħadd jasal fit-tmiem. Meta? Alla biss jaf.

Matul dil-ġimgħa, issokta Franġisku, jagħmlilna tajjeb naħsbu ftit fit-tmiem. Jekk il-Mulej isejjaħli llum, x’se nagħmel? X’se ngħid? Liema qamħ se nurih? Il-ħsieb tat-tmiem jgħinna nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Dan mhux ħsieb statiku; huwa ħsieb li jterraq ‘il quddiem bis-saħħa tal-virtù, bis-saħħa tat-tama.

Se jkun hemm it-tmiem u dak se jkun laqgħa mal-Mulej: inkunu rridu nagħtu kont ta’ dak li għamilna.  Imma tkun ukoll laqgħa mal-ħniena, mal-ferħ, mal-hena. Li naħsbu dwar it-tmiem tal-ħolqien, tal-ħajja tagħna, huwa għaqal: l-għaqlin hekk jagħmlu.

Għalhekk, matul dil-ġimgħa l-Knisja tistedinna biex nistaqsu lilna nfusna: Kif se jkun it-tmiem tiegħi? Kif nixtieq li jsibni l-Mulej meta jsejjaħli, żied jgħid il-Papa. Hemm bżonn li nagħmel eżami tal-kuxjenza u niżen x’għandi nikkoreġi għax mhux sejjer tajjeb! X’irrid inżomm għax hu tajjeb? Kull wieħed u waħda minna għandna t-tajjeb tagħna. U f’dal-ħsieb m’aħniex waħedna għax megħjunin mill-Ispirtu s-Santu.

Matul dil-ġimgħa, temm Franġisku, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-għaqal taż-żmien, l-għaqal tat-tmiem, l-għaqal tal-qawmien, l-għaqal tal-laqgħa eterna ma’ Ġesù. NitolbuH biex jgħinna nifhmu dan l-għaqal li jinsab fil-fidi tagħna. Ikun jum ta’ ferh, jum il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Nitolbu biex il-Mulej iħejjina. U dil-ġimgħa kull wieħed u waħda minna għandu jtemmha bi ħsiebu fit-tmiem: Jien se nintemm. Miniex se nibqa’ hawn għal dejjem. Kif nixtieq nispiċċa?

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading