Ħsibijiet waqt il-mixja


Il-ġurnata niftakarha tajjeb! Għax aqta’ kif kien is-sema! Bħalma jaf jagħmel jum tal-ħarifa, imsaħħab u bix-xita wara kollox!

Għalkemm fuq il-karta kont bil-frank mix-xogħol tal-isptar fil-verità, u għal min irid jaħdem, mela jien l-ewwel wieħed, il-Patri qatt ma jkun bil-frank. Mhux hekk qalilna Papa Franġisku? Jiġifieri li s-saċerdot m’għandux il-ħinijiet tal-uffiċċju? Inkella x’differenza tgħaddi bejnu u bejn sempliċi amministratur? Mela, u eżattament, bħalma nkun fl-isptar: Dejjem on-call! U allura barra mill-ħinijiet tax-xift tiegħi! Għax in-nies, kull meta jaraw iċ-ċoqqa tal-Patri, jħossu li jridu jitħaddtu miegħu! U min lil dawn ħutna se jazzarda jagħtihom xi tort? Daqskemm hawn tbatija fostna ta’ mard u wġiegħ il-qalb? U din it-tbatija min tridu jismagħha jekk mhux il-Patri? Is-saċerdot?

Sa minn qabel ħriġt mill-isptar ħassejt li kelli nieħu miegħi lis-sinjorina umbrella. Miskina! Kieku minn daqshekk m’għandix xi ngħid fiha tafux! Għax, u għal daqshekk, hemm sitbtha. Tistennieni! Kemm hi fidila! Terġa’ u tgħid dak li kelli nagħmel tafux! Jekk, u sintendi, ma ridtx li nixxarrab xi tixriba nobis! U għall-festi kmandanti! Ajma! Patri mxarrab għasra issa jonqos! Mur arani! Għalkemm għal xi wħud naf inservi daħka mill-kbar nett! Imma ara taħsbu li hi xi esperjenza sabiħa tafux!

Issa, min juża l-paqqa, sew jekk hi tiegħu personali, dik li tiġi bil-barka tas-superjuri tiegħu u dik li fiha jkollu l-imħallas xuffier li jaqdih mill-koxxa, jew inkella jekk jinqeda minn diversi xuffiera li jagħtuh il-lifts (bħalma jiġri spiss lili minn żmien għal ieħor), aqta’ kemm jimmissja affarijiet! Għax il-karozza privata taqtagħna minnkom ħbieb! Tgħid forsi għalhekk li, Mons. Jorge Mario Bergoglio, meta kien arċisqof-kardinal ta’ Buenos Aires, kien juża t-trasport pubbliku u mhux xi paqqa personali tiegħu? Forsi ried iwassal il-messaġġ li r-ragħaj għandu jkun parti mill-poplu ta’ Alla anki fil-mod kif jivvjaġġa?

Insomma! Issa ħallina minn Bergoglio, għalkemm l-eżempju li jkaxkar tiegħu dejjem jibqa’ ż-żrara fiż-żarbuna għal min irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi wara Ġesù, u nikkonċentraw ftit fuq il-mixja fix-xita. Dejjem taħt l-umbrella s-sewda! L-ewwel ħsieb. Kemm-il karozza għaddiet tħaxwex fuq l-ilma bit-tarmak. Imma, u f’din l-imbierka triq, kien hemm ħofra żgħira mimlija bl-ilma. Erba’ karozzi, waħda wara l-oħra, baqgħu għaddejjin sfraxxnati minn fuq din il-ħofra. U, ix-xuffiera tagħhom, ilkoll kemm huma, baqgħu qishom statwa tal-irħam. Mingħajr l-ebda emozzjoni ta’ xejn. Aħseb u ara mela kemm qagħdu jagħtu każ jekk bis-sewqan tagħhom kienux se jxarrbu lilna, aħna li konna mexjin għall-affari tagħna minn fuq il-bankina. Issa dan sew ħbieb? Inħalli għalikom li taħsbu! Biss, u f’dan il-kuntest, ħaġa waħda ngħid: ma nkunx qed nagħmel xi dnub mejjet jekk, meta nara xi ħofra bl-ilma fit-triq, innaqqas naqra mill-ispeed tal-karozza. Ejja niftakar li jien bniedem u bniedma. U, fuq dik il-bankina, hemm bniedem u bniedma bħali! Naqra rispett ħbieb!

Imbagħad ridt insemmi punt ieħor dwar il-biċċa tal-bankina. Kien hemm min offrieli ngħaddi qablu u qabilha. Grazzi ħbieb! Intom tassew ġentlomi! Anki jien ħassejt li kelli nagħtikom id-dritta lilkom ukoll. L-għaliex, aħna ta’ fuq il-bankina, għandna dritt ukoll. Almenu li naħslu b’rasna fuq għonqna fejn għandna naslu. U, għall-grazzja tal-argument, ma naslux flieles l-għaliex xi sewwieqa ħadu gost jaħsluna u jġibuna għasra.

Il-mixja tiegħi fuq il-bankina urienti kwadru ieħor mill-ħajja tat-triq. Kemm hawn min hu bla paċenzja. Jeżiżtu ċertu sewwieqa li l-kelma paċenzja ma jafux xi tfisser. Hawnhekk minix insemmi l-puriċissjoni ta’ ħornijiet li twaħħaxxni meta nismagħha għaddejja minn quddiemi wiċċi. U, dan id-daqq kollu, l-għaliex kien hemm xi ħadd li kellu bżonn jieqaf ftit biex iniżżel xi anzjan jew anzjana. Inkella biex iniżżel xi xogħol minn xi van l-għaliex ma sabx fejn jipparkja. Le! Hawnhekk qed nitħaddtu minn dawk li jagħmlu t-triq tagħhom. U għalhekk arahom jaqbdu u joħorġu bl-addoċċ. Mingħajr sinjal ta’ xejn!

Issuktajt nimxi fix-xita, għalkemm taħt l-umbrella, walking in the rain, meta rajt, fuq post imsaqqaf għall-konkos, bennej u perita liebsa l-helmet tax-xogħol. Ikolli nammetti li kienet l-ewwel darba li rajt perita fuq il-post tax-xogħol. Kos hux! Kemm jgħaddi ż-żmien! Fi żmien, Alla jaħfirlu, meta kien jibni missieri, qatt ma rajt perita fuq ix-xogħol. Għalhekk, id-dehra tagħha, żgħażugħa-esperta, ġagħlitni nirringrazzja lill-Mulej safejn waslet l-emanċipazzjoni tal-mara f’pajjiżna! Għax in-nisa, jekk jingħatalhom l-spazzju, kapaċi daqsna l-irġiel. U mhux għalhekk hija sabiħa l-kumplimentarjetà bejn ir-raġel u l-mara? Mela viva l-ktieb tal-Ġenesi li jxandar dan b’qawwa kbira!

Issuktajt miexi u ltqajt ma’ dawk. Iva dawk! Li soltu nieqaf u nberikom. Anki din id-darba, għalkemm kienet ix-xita, ma qagħdux jiddejqu jgħajtuli. Mhux biss biex ikellmuni imma wkoll biex nagħmlilhom xi ħaġa li huma tant iħobbu li nagħmlilhom. Fil-fatt, meta rawni għaddej mix-xita u taħt l-umbrella, qaluli: Ħsibniek insejt! Ħadtu l-messaġġ l-għaliex dlonk weġithom: Le! Le ħbieb! Ma nsejtx! Ejjew ħa nidlikkom biż-żejt tal-paċi! U hekk għamilt. Ħriġt iż-żejt tal-paċi, il-Mir, (u mhux iż-żejt tas-sagrament tad-Dilka tal-Morda), u dliktom bih u tlabt anki fuqhom. Kemm dehret tiġri t-tbissima fuq fommhom ħbieb! L-għaliex issa ħadu l-barka! Il-barka tal-Ispirtu s-Santu! Il-barka tal-paċi! Għax min m’għandux bżonn il-paċi?

Hemm ħuti l-istorja. Dawn kienu l-ħsibijiet li ġewni f’din il-mixja. Li, u grazzi Mulej, wasalt fejn kelli nasal b’wiċċ il-ġid. Mir-rakkont ta’ din l-esperjenza ma tantx dehru li kienu ħsibijiet teoretiċi, fis-sħab. Imma prattiċi għall-aħħar. Għax, fejn issaltan l-imħabba ta’ Ġesù, barka ħbieb ikun hemm! U barka bil-kotra!

Mela jalla ħajti u ħajtek tkun mixja ta’ barkiet bil-ħniena tal-Mulej li nħallu toħroġ minn ġo moħħna, fommna u mġibietna għall-proxxmu kollu tagħna! Tibżgħux! Anki jekk it-temp ikun imsaħħab imma Hu, fina, ikun xemx dejjem tiżreġ ta’ mħabba mill-aktar ħanina!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.