Wiċċ miġbud


Bonġu wiċċ! Kif int dalgħodu! Kemm tidher ħosbien? Jaqaw dan illejl ma stajtx torqod? Irqadt mikxuf? Iva x’ġaralek? Emminni li qed tħassibni tafx! Ma nafx kif qed narak!

Imma, u safejn naf jien, kellek il-maskara le! U anki l-moisterizer. Almeu sal-bieraħ. U dejjem safejn naf jien. Ma nafx! U forsi żbaljat u żbaljata. Imma, u dejjem jekk jidhirli sewwa, int din il-ġimgħa ma mortx għall-facial? Għand il-beautician? Tiftakar kemm ħadietek bil-ħlewwa u qagħdet taħdem fuqek bl-akbar delikatezza? Tiftakar ja wiċċ kemm ħriġt sabiħ? Iva xi ġralek ħi? Kif tkerraħtli daqshekk f’daqqa waħda?

Int taf kemm inħobbok! U kemm nonfoq flus fuqek! Taf li dejjem nieħu ħsiebek. U, anki jekk ġieli ma jkollix għaxja ta’ lejla, kuntent u kuntenta inpaxxi lilek! Ħalli jien noqgħod bil-ġuħ. Bħalma ġieli ħallejt lil uliedi wkoll nieqsa minn ħobżhom. Għax int, għalija, tiġi l-ewwel! Mela għax qed tagħmilli hekk? Għalfejn int daqshekk miġbud? Għalfejn qed torħoġni ta’ qorqa? U għalfejn int daqshekk fit-tul? Ommi Mà kemm int miġbud! Tagħmillix hekk ħi! Mintix qed iġġagħlni nħossni sew! X’kull waħda tnejn!

Imma jien għalfejn għandi nagħtik tort għażiż wiċċi? Għalfejn int għandek teħel ma’ rasi? Int vittma tafx! U mela! Int, bħalma dejjem għallmuni, il-mera ta’ qalbi. Iva! Dik! Dik qalbi li tant rrid naħrab minnha! L-għaliex, u issa ħa ngħidhielek, lili tant iġġagħlni ngħix skomdu u skomda! Ilni żmien li qtajtha li ngħix f’moħħi u mhux f’qalbi. Ma rridx inbati aktar! Ma rridx li ninħakem minn dak l-uġiegħ li għandi jgħum f’qalbi!

Madankollu, minkejja daqshekk ġiri u ħarbiet minn qalbi, issa wasal il-mument li nagħmel dak li ma rridx. Li naqbad il-vjaġġ li dejjem fittxejt li naħrab. Daqskemm hu skomdu għalija! U, la qaluli, li int il-mera ta’ qalbi, ma fadalli l-ebda trid oħra għajr li nibda’ dan l-imbierek vjaġġ. Vjaġġ mimli skossi u ħotob. Vjaġġ li m’għandux aktar it-tarmak sabiħ li għandu moħħi. Li aqta’ kemm jiffantastika! Aqta’ kemm ineffaħ ir-rejaltà! Aqta’ kemm joħloq affarijiet li, jaħasra, ma jeżiżtux! Biex imbagħad jispiċċa li r-rejaltà, bħall-bużżieqa, tinfaqa’ f’wiċċu! U jispiċċa sew għall-ħdud u l-festi! Miskin! Le ta! Illum qtajtha li naqbad dan il-vjaġġ. Lejn qalbi!…

U bdejt miexi! Miexja! Ajma! Xi sħana qed inħoss! Mhux is-sħana tas-sajf li tikkwini. Imma qed inħoss il-ħmura tal-ġrieħi li għandi f’qalbi! Għax, minfejn jien, nista’ nara, u nara sewwa, il-ħmura u t-tbenġil li għandi f’qalbi. Issa dawn ġew mhux l-għaliex għamilt il-ġid u swieli deni. Le ħi! Li kieku kien hekk it-tbenġila kienet tkun differenti. Din it-tbenġila li għandi f’qalbi ġejja mill-fatt li l-għira kilitni! Ma niflaħx nara t-talent ta’ ħaddieħor! U, jaħasra għalija, donni ma nistrieħx jekk ma narax kif nagħmel biex neqridulu! Neqridulha! Daqskemm jien għajjur! U għajjura!

X’ironija hemm fija! Jien li, aktar ma nitgħallem mill-kotba, min-nies, u, fuq kollox, mit-tgħaffiġ ta’ ħajti stess, aktar suppost li din il-problema ħlist minnha. Imma xi ħlist ħlist! Aktar ma nikber aktar inħossni qed ngħum fiha! L-għaliex mhux qed jirnexxieli ngħix fil-paċi! Dejjem moħħni f’ħaddieħor! Dejjem irrid li ħaddieħor jaqdi lili! Akkost li nirrumblah! U nirrumblaha! Imma, u b’daqshekk, fejn wasalt?

Ma wasalt imkien! U, jaħasra, l-isem sabiħ li tawni l-għeżież ommi u missieri, malajr warrabtu u minflok bdejt insemmi lili nnifsi Narċisju u Narċisja! Jaqq! Xi kruha ta’ isem! U mela jiena nlħaqt biex ngħaddi ħajti nitpaxxa nħares lejja nnifsi jew! Inkella li npoġġi lili nnifsi fuq pedistall! Sew bit-theżżiż tas-snien inkella billi nippreżenta ruħi bħala l-miskin u l-miskina? Il-vittma? Akkost li nkisser il-ħajjiet ta’ dawk ta’ madwari? Biex nieħu dak li rrid?

Le ħbieb! Dan mhux lant tafux! Illum irrid li int, għażiż wiċċi, tibda’ titbissem. U tieħu r-ruħ! Illum iva se nibda’ nieħu gost bil-ġid ta’ ħaddieħor! U nħalli lil ħaddieħor jgħix fil-kwiet. U jien, forsi għall-ewwel darba f’ħajti, se ninżel f’qalbi u fiha lill-Mulej se ngħidlu: Grazzi li tajtni qalb Mulej! Jekk jogħġbok ibdel lil qalbi f’qalbeK!

Awċ x’gost! X’talba din! Arah! Isimgħu! Qed ikellimni f’qalbi! Qed jgħidli: Aqdi lil dak! Aqdi lil dik! Lili ssir tafni billi taqdini fil-marid u f’min qed ibati. Mur! Oħroġ minnek innifsek! Inħeles minn moħħok! U idħol f’moħħi u f’qalbi! Dan hu l-veru kors u l-ktieb li għandek tabilħaqq tistudja: L-imħabba tiegħi!

Oh għażiż wiċċi! Kemm issa qed narak sabiħ! Kemm tidher li int wiċċi! Kemm qed narak titbissem! L-għaliex, u fl-aħħar, qed issir sinjur f’qalbek! U mhux biss f’moħħok! Qed issir sabiħ f’ruħek u mhux sempliċiment l-għaliex għandek memorja tajba biex twieġeb jew tikteb sewwa għall-eżamijiet! Wiċċ, ibqa’ intefaħ għall-WIĊĊ IS-SINJUR! U hekk int tisbieħ! L-għaliex qalbek, bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, issa saret sinjura!

Xi ġmiel ta’ wiċċ għandek!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.