L-imħabba fil-qalb tal-Knisja


Dan l-aħħar, fuq il-kaxxa tal-kartun tal-kalċi, xi ħadd ħallieli xi informazzjoni dwar il-Beata Maria Crocifissa Curcio. Min hi l-Beata Maria Crocifissa?

Twieldet nhar it-30 ta’ Jannar tal-1877 f’Ispica ġewwa Ragusa. Kif twieldet ingħatat l-isem ta’ Rosa. Wara li temmet is-sitt sena fl-iskola Primarja missierha bagħatha taħdem u tgħin lil ommha. Għatxana għat-tagħlim Rosa kienet issib l-hena tagħha tqalleb il-kotba tal-librerija tal-familja. Kien f’din il-librerija fejn, bi grazzja tassew kbira mill-Mulej, Rosa qrat il-ktieb tal-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Aktar ma bdiet tinżel fil-fond f’dan il-qari aktar bdiet tinbet fiha l-imħabba lejn il-Karmelu. Kienet din l-imħabba lejn il-Karmelu li kienet isserħilha qalbha u timlieha b’ferħ kbir u li ma jitfissirx.

Fl-età ta’ tlettax-il sena Rosa Curcio saret membru tat-Terz Ordni Karmelitan. Aktar ma bdiet tiġi f’kuntatt mal-ispiritwalità Karmelitana aktar bdiet tifhem x’kien qiegħed iħejji l-Mulej għaliha. Minn Marija, l-Omm tal-Karmelu, Rosa ħasset li kienet irċeviet il-missjoni biex ixxerred il-Karmelu mhux biss f’pajjiżha imma wkoll f’artijiet oħra mbiegħda. Kienet lesta li toffri saħansitra lilha nnifisha biex l-umanità kollha terġa’ lura lejn il-Mulej Alla tagħha.

Nhar is-17 ta’ Mejju 1925 Rosa marret Ruma għall-okkażjoni ferm sabiħa tal-kanonizzazzjoni ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. L-għada, flimkien ma’ Patri Lorenzo van den Eerembeemt, Karmelitan, li kien ukoll imżejjen bl-istess spiritu missjunarju li kellha Rosa, żaret Santa Marinella fit-tramuntana ta’ Ruma. Kien hawnhekk fejn Rosa bdiet tabilħaqq tara dak li l-Mulej tassew ried minnha.

Nhar it-3 ta’ Lulju Rosa bdiet tgħix hemm flimkien ma’ xi xebbiet oħrajn. U fis-16 ta’ Lulju irċeviet il-konferma ta’ l-affiljazzjoni fl-Ordni Karmelitan. Fl-1930, wara bosta tbatija u qtiegħ il-qalb, dan l-ewwel grupp ta’ sorijiet kiseb l-għarfien uffiċjali tal-Knisja. Din seħħet bl-approvazzjoni tal-Isqof ta’ Porto S. Rufina. L-għan ewlieni ta’ Madre Maria Crocifissa kien li tressaq il-bnedmin lejn il-Mulej. Kien dan l-idejal qaddis li issokta jħeġġiġha biex tiftaħ djar oħrajn fl-Italja.

L-imħabba tagħha għas-salvazzjoni tal-erwieħ għenitha biex titfa’ ħaristha lejn il-kontinent Sud-Amerikan. Kien sewwasew fl-1947, lejn tmiem it-tieni Gwerra dinjija, meta Madre Maria Crocifissa bagħtet l-ewwel erba’ missjunarji fil-Brażil bil-għan li tissokta tkompli tkabbar il-Karmelu missjunarju.

Anki Gżiritna gawdew mill-benna kbira li ħarġet mill-kariżma tagħha. Fi Frar tal-1957, Madre Maria Crocifissa bagħtet l-ewwel sorijiet Maltin biex jiftħu dar f’Għawdex. Kien f’Lulju tal-istess sena meta Madre Maria Croficissa, wara ħajja mogħtija kompletament lill-Mulej fil-qadi tiegħU f’għajra, ittajret lejn is-sema biex tingħaqad miegħu, il-maħbub tagħha, għal dejjem. Nhar it-12 ta’ Frar 1989, l-Isqof ta’ Porto S. Rufina fetaħ il-proċess tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tagħha. Dan wassal biex, nhar il-Ħadd 24 t’April 2005, San Ġwanni Pawlu II iddikjara lil Madre Maria Croficissa Curcio Beata.

L-ispiritwalità u l-kariżma tagħha huwa tabilħaqq sbieħ. Fit-talb ta’ Madre Maria Crocifissa nilmħu d-djalogu kontinwu u profond fl-Ispirtu ma’ Ġesù, mal-Missier u mal-Qaddisin kollha. Talbha hu ispirat minn kunfidenza kbira ta’ bint f’Missierha tas-Sema u mimli b’sentimenti ta’ gratitudni, mħabba, tifħir, adorazzjoni u reparazzjoni. Maria Crocifissa kienet imwaħħda ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, il-Priġunier ta’ l-Imħabba.
Ħajjitha kienet talba ta’ maħfra. Kemm xtaqet taqsam mat-tbatijiet u n-niket tal-bnedmin, li tisma’ u tagħti widen għal kull karba, tagħti vuċi lil min m’għandux, ixxerred l-imħabba u li tara wiċċ l-Imsallab f’dawk li qiegħdin ibatu! Għalhekk il-post tagħha fil-Knisja u fil-Karmelu huwa mmarkat mill-missjoni triplika tagħha għall-Evanġelizzazzjoni. Jiġifieri, li teduka liż-żgħażagħ fl-ispirtu ta’ Kristu, b’attenzjoni speċjali lejn il-foqra u l-batuti; li tressaq għall-indiema lill-bnedmin li ma jafux u ma jħobbux lill-Mulej; u li ixxerred il-Kelma ta’ Alla fil-familji.

Maria Crocifissa Curcio xorbot mill-għejjun ta’ l-ispiritwalità Karmelitana, fosthom ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Sa mill-bidu nett hi afdat l-ideal u l-proġett missjunarju tagħha f’idejn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. L-għażliet kollha tagħha kienu mmexxijin mill-ispiritwalità Marjana. Fl-esperjenza intima tagħha mal-Mulej kienet il-Verġni Marija li mexxietha lejn ix-xirka tal-qaddisin u fil-preżenza tat-Trinità. Id-devozzjoni tagħha lejn Marija ma kinitx limitata biss għal ġrajjiet. Maria Crocifissa kienet tgħożż il-preżenza maħbuba ta’ Marija f’ħajjitha. Magħha hi kellha relazzjoni kontinwa ta’ mħabba ta’ bint l-aktar maħbuba. Hi kienet tiddedika u tafda lilha nnifisha f’Marija. Imbagħad, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, kienet tikkonforma ħajjitha ma’ dik ta’ Marija. Fil-fatt, kienet tipparteċipa ma’ Marija fil-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù. Marija kienet turieha l-ħniena materna u l-femminità tagħha. Għax, minn Marija, kienet titgħallem kif tkun omm ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn.

Fil-ħajja ta’ kuljum is-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù jfittxu jkunu l-imħabba fil-qalb tal-Knisja. Imġedda, permezz tal-Bxara t-Tajba, huma jfittxu jagħtu lura lill-bniedem mifdi, bid-demm ta’ Kristu, id-dinjità ta’ xbieha ta’ Alla. Huma jgħixu kuljum l-għaqda tal-ħajja u l-fidi bħal Marta u Marija. Isibu l-ferħ billi jwettqu d-dmirijiet tagħhom bil-kuraġġ, bl-onestà, bl-imħabba u bis-sagrifiċċju. Anki fl-affarijiet iż-żgħar. Għalhekk, huma jgħixu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom bl-umiltà u bis-sempliċità, bil-prudenza u bil-ħlewwa. B’hekk jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom b’delikatezza u determinazzjoni.

Trinità Qaddisa, inroddulek ħajr għad-doni li bihom għoġbok tfawwar lill-Beata Maria Crocifissa, li bil-kontemplazzjoni tal-Kelma u ta’ l-Ewkaristija, saret missjunarja tal-fqar u taż-żgħar. Għinna nimxu fuq l-eżempju tagħha u nkunu dejjem iżjed attenti għall-ħtiġijiet ta’ ħutna. Agħtina, bit-talb tagħha, il-grazzji li bl-umiltà qiegħdin nitolbu. Amen.

Min jaqla’ xi grazzja jista’ jikkuntattja lis-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù fuq 21556347.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.