Avvent ma’ Marija – L-Ewwel Ġimgħa – Il-Ħamis

Print Friendly, PDF & Email

AFDA

“Tibżax”. – Luqa 1:30

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/539613198″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

1 HamisBħala l-messaġġier ta’ Alla, l-anġlu Gabrijel iħoss li Marija “tħawdet ħafna għal dan il-kliem”. Għalhekk Gabrijel iweġibha dritt: “Tibżax”. Kliem bħal dan jingħad lil Abram f’Ġenesi 15:1 fejn jistieden lil missier l-Iżraelin għal patt ta’ fiduċja. L-istess kliem jistieden liż-żagħżugħ Danjel f’Danjel 10:12 biex ikollu fiduċja li Alla se jeħles lill-poplu tiegħu mill-jasar. Meta l-magħżulin ta’ Alla “jitħawdu ħafna”, Alla jistedinhom jafdaw.

Marija tiġi mistiedna tafda… u nistgħu nobsru dak kollu li seta’ jbeżżagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, hi min kienet biex stħaqqilha tiġi magħżula? Fil-ftit xhur li kellhom jiġu wara, kien sa jkollha bżonn tafda f’Alla. Meta tarrfet bl-aħbar lill-ġenituri tagħha, kellha tafda. Meta qalet lil Ġużeppi, kellha tafda. Meta s-seksieka tal-belt ċkejkna ta’ Nazaret bdew ifesfsu dwarha, kellha tafda. Tul it-taqliba emozzjonali tremenda li ġarrbet fiż-żmien tat-tqala, Marija kellha tafda lil Alla bil-biżgħat kollha tagħha.

Kollha nafu x’inhu l-biża’. Fil-fatt, jekk trid issib il-biża’, imxi fit-triq tat-tensjoni, tal-biża’, u tal-ansjetà. X’inhu li jbeżżgħek? Fejn qiegħda l-ansjetà tiegħek? Meta tħoss it-tensjoni fuqek? Taħt dawk l-emozzjonijiet ordinarji hemm il-biża’ – u fejn hemm il-biża’, hemmhekk hemm Alla jistenniena biex nafdaw fih. Forsi din hi waħda mir-raġunijiet għaliex il-ħajja tagħna ngħixuha b’dan ir-ritmu li qed ngħixuha. Irridu jew ma rridux, il-ħajja mgħaġġla, jew tal-inqas il-ħajja mgħaġġla u okkupata żżejjed, tista’ tkun mod moħbi kif naħarbu mill-ħajja interjuri tagħna. Ir-ritmu tagħna jista’ jżommna milli nikkalmaw biżżejjed biex insiru konxji ta’ dawk l-affarijiet li hemm għaddejjin ġo fina. Jekk f’qiegħ qalbna qed inġorru t-tensjoni, il-biża’, u l-ansjetà, nistgħu naħarbu minn dak il-biża’ billi ngħixu b’ħafna taħbit minn barra, u hekk nevitaw li niġu wiċċ imb wiċċ mal-ħwejjeġ ta’ ġewwa.

Waħda mill-affarijiet li jżommuna milli nagħtu attenzjoni lil dak hemm ġo fina hu l-biża’ li aħna waħidna. F’1 Ġwanni 4:18 aħna mfakkrin li “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra”. M’aħniex waħidna; kull wieħed u waħda minna hu importanti għal Alla, li hu mħabba perfetta. Ma jimpurtax x’inhu jiġri f’ħajtek bħalissa, l-antidotu għall-biża’ mhux il-kuraġġ imma l-fiduċja.

Illum għaddi ftit ħin ieħor ma’ Marija. Staqsieha hi kinitx beżgħana. Staqsieha x’għamlet bil-biża’ tagħha. Itlobha tgħinek tafda f’Binha.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 37. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 37:1-11. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Luqa 1:30. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, illum nitolbok il-grazzja li nirċievi l-imħabba perfetta tiegħek li tkeċċi kull biża’. Nitolbok tgħinni nafda fik f’kollox”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading