Il-moħħ u l-istonku


Kont qed nieħu kafè fil-kafeterija tal-isptar. Wara lejl ġiri mas-swali tal-isptar. Speċi ta’ Mater Dei 360. Meta, waqt li l-ħabib tagħna għaddhieli l-kafè, mar-raġġi melliesa ta’ dak il-jum, leħħ għalija il-ħsieb sabiħ sabiħ. Ovvjament, li ġej minn fuq! U żgur li mhux minn taħt! Il-moħħ bħall-istonku!

Imma x’inti tgħid Patri? Xi jfisser li l-moħħ bħall-istonku? X’rabta teżiżti bejn il-moħħ u l-istonku? X’għandhom x’jaqsmu dawn ma’ xulxin? Ikolli ngħid li kemm il-moħħ u kif ukoll l-istonku mhux l-ewwel darba li jagħmluha! Biżżejjed jekk insemmielek il-kelma ikla, kelma li, u biex ngħidlek il-verità, iġġagħlni niftaħ xi ftit għajnejja aktar milli huma. Sintendi, mingħajr ma nkabbarhom u nagħmel storja. Inkella, u din xi ħaġa ferm agħar, xenata! L-ikla tfakkarni f’xi ikla iklun! Meta, u miskin, l-istonku tiegħi jgħidli: Issa daqshekk!

Il-ħajja ħbieb tgħallimni kontinwament li din l-għajta m’għandux jgħajjatha biss l-istonku, mitluf fuq kemm se jaħtaf u jiekol bl-addoċċ, imma anki l-moħħ. Il-moħħ! X’misteru veru? Ikunu ħafna minnkom dawk li jgħiduli li aħna nużaw biss parti żgħira minn qawwet moħħna. Għax, li kieku nużaw aktar u aktar minnu, ara x’kapaċi nagħmlu b’moħħna! Veru ħija! U oħti! Ma nlumekx! Il-moħħ għandu l-ħila jwettaq ħwejjeġ kbar tassew! Madankollu, dan il-moħħ, daqskemm hu ikkumplikat u ċelebri daqshekk ieħor jaf jikkommetti l-frejjeġ ukoll!

L-ewwel froġa li jikkommetti l-moħħ hi meta jaħseb li kapaċi jgħix mingħajr l-oħrajn! U kif jista’ qatt dan ikun? U mela aħna, nemmnu jew ma nemmnux, jekk ġejna maħluqa minn Alla Trinità, mela mill-Komunità perfetta, nistgħu naħdmu b’mod differenti milli ħalaqna Hu? Din li nixxierku mal-oħrajn hi xi ħaġa li nħossu, ilkoll kemm aħna, fil-qalba ta’ dak li aħna! U, nitqanżħu kemm nitqanżħu, ma nistgħux le inkampaw waħedna! Qisu m’hemm ħadd li hu ħadd magħna! Ma nistgħux nikbru b’mod b’saħħtu. Inkluż f’moħħna. Mela, għażiż moħħi, tiffangax please! Ftakar li miegħek hemm imħuħ oħra! Ismagħhom naqra! Għax, jekk twebbes rasek, ħa tidħol ġo ħajt! Ieqaf iffanga fir-ras iebsa! U ħa ngħidhielek a la pulita illum: PLEASE!

It-tieni froġa li jaf jikkommetti l-moħħ huwa meta jaħseb li mingħajr Alla, il-Mulej, jista’ jibqa’ għaddej! X’żinnata mill-kbar nett hi din! Ma nafx kif il-moħħ, minkejja daqshekk intelliġenza li fih, jasal li jaqa’ daqshekk fil-baxx! Nifihma! Forsi dak li jkun ikun sofra xi nġustizzja jew ‘moħqrija’ minn xi ħadd. Imma biex nasal ngħid li Alla ma jeżiżtix din tassew kbira! Kważi kważi tal-waħ waħ waħx! Darba, ilu ħafna, f’waħda mill-klassijiet fl-università, kelli student miegħi imdaħħal fiż-żmien. U dan, quddiem klassi sħiħa, kien ammetta li ma jemmen b’xejn. U, għadni niftakar lil min kien jgħallimna li, wara l-lezzjoni, kien baqa’ b’ħalqu miftuħ kif dan il-proxxmu ma jemmen assolutament b’xejn. Le ħbieb! Hemm bżonn li nitolbu għalik sur moħħ li ma temminx! U ħa ngħidlek għażiż moħħ, jekk għalik m’hix problema li ma temminx fil-Mulej, għal Ommok fis-Sema, li tant tħobbok, din hija problema kbira mill-kbar nett! U, tant kemm hi problema kbira għaliha li ma tieqafx tfakkarna, ta’ Omm li hi, biex nitolbu għalik ħa tibda’ temmen!

L-aħħar froġa li l-Mulej qed jurini illum u li tirrigwardja lilek, sur moħħ, hija li int, b’‘għerfek kollu’, issa m’għandekx aktar fiduċja fik innifsek! Oooo! U veru oooo tafx! Int kif tista’ qatt tgħix ħieni u tiffunzjona tajjeb, sur moħħ, jekk ma għandekx fiduċja? Jekk issa spiċċajt lanqas lilek innifsek ma tafda? Ma tafx sur moħħ li l-fiduċja hi għalik bħaż-żejt li jżomm il-magna tiegħek, li żżommok għaddej, għaddejja? Mela isa! Ibda’ emmen fik innifsek! Ibda’ emmen f’dak li hu tajjeb! Tiddubitax kollox! Iddaħħalx lilek innifsek fi sqaq! Timtelix b’ħafna xewk u għollieq! Imxi fil-paċi u fis-sliem! Ifraħ ma’ min jifraħ! Titfgħax lil kulħadd f’keffa waħda! Ara l-pożittiv ukoll! U ifhem li, ħafna mħuħ oħra bħalek, jekk jingħataw l-għajnuna, m’humiex ħżiena kif qed taħsibhom int! Se nerġa’ ngħidlek, għax veru nħobbok u nirrispettak għażiż moħħ, twaħħalhiex f’moħħok li kulħadd kontrik! Ħallini ngħidhielek a la pulita: PLEASE!

Imma, u bir-raġun kollu, x’rabta għandu dan l-għażiż moħħ mal-istonku? Għax kemm l-istonku, li jibla’ kulma jara u l-moħħ, li jagħmel tiegħu kull ħsieb li jgħaddilu jew li jgħidulu bih, it-tnejn li huma jridu jimxu fuq battuta li Patri darba qal: U ma nqażżuhiex! Iva għażiż sur stonku, ma nqażżuhiex! U int, sur moħħ, ma nqażżuhiex lanqas! Ejja nżommu postna! Ejja nżommu l-limitu tagħna! Ejja nibqgħu nirraġunaw! Ejja nibqgħu nieklu sakemm għandna bżonn u mhux ninfaqgħu hekk li wara lanqas nifs ma jibqagħlna l-ħila nieħdu! Ejja naħsbu f’kemm hu meħtieġ u mhux niddamdmu u nsiru żombi! Għax bla kontroll!

Ejja! Isa! Imxi nieħdu kafè. U xi żewġ galletiniet. Basta qiegħdin flimkien. Ngħidu kelma. Li tagħmlilna tajjeb mhux biss għal moħħna imma wkoll għall-istonku tagħna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.