Sorijiet fi Myanmar jgħinu nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol

Print Friendly, PDF & Email

F’ġurnata wara nofsinhar, grupp ta’ nisa qed iħejtu l-ħwejjeġ f’kamra mdawwla tajjeb f’Mandalay, fi Myanmar u soru qed tara x’inhuma jagħmlu.  Qed jitgħallmu ħiliet li jistgħu jgħinuhom jaqilgħu l-għixien tagħhom fir-Rose Virginie Empowerment Centre għat-Tfajliet.

Iċ-Ċentru fetaħ fl-2016 u jitmexxa mill-kunvent tas-Sorijiet tal-Buon Pastur. Hemm seba’ impjegati u numru ta’ voluntiera, barra s-sorijiet. Joffri klassijiet tal-ħjata, hairdressing, kommpjuter u Ingliż biex dawk it-tfajliet li kienu qed jgħixu fir-riskju li jkunu abbużati jew traffikati jitħarrġu biex isibu mpjieg jew jiftħu negozji tagħhom.

“Aħna ngħinu nisa u tfajliet jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum biex ikun jistgħu jgħixu ħajja dinjituża,” qalet Sister Chaw Su Aung li tikkoordina ċ-Ċentru.  Ma nkellmuhomx dwar reliġjon u ngħallmu l-katekiżmu lil dawk biss li huma kattoliċi”.

Fiċ-Ċentru hemm 42 studenta mara li tnejn minnhom huma kattoliċi u l-oħrajn minn reliġjonijiet differenti fosthom Buddisti, Battisti u Musulmani u kollha ġejjin minn żoni differenti fejn hemm il-ġlied.

“Il-mira tagħna hi li nagħtuhom ħiliet vokazzjonali li jgħinuhom fil-ħajja irrispettivament mir-razza jew reliġjon tagħhom”, qalet Sister Su.  Waħda mir-regoli hi li t-telefon ma jintużax bejn it-8.00 a.m. u l-4.00 p.m. L-istudenti jridu jħallsu $128 għal kors li jdum sena u s-sorijiet ikopru l-ispejjeż kollha għal dawk li ma jistgħux iħallsu iżda li jridu jtejjbu ħajjithom.

Is-Sorijiet jgħallmu wkoll  ‘life skills’ kull nhar ta’ Sibt fosthom ‘time management’, ‘self-control’,  id-drittijiet tan-nisa, kif wieħed jipproteġi ruħu mill-esplojtazzjoni u jkun attent biex ma jaqax vittma tat-traffikar uman.  Biex jattendu korsijiet aktar avanzati fl-accounting, management, hospitality u tisjir, l-istudenti jintbagħtu f’Ċentru privat, aktar ‘l quddiem.

Is-sorijiet jaħdmu ma negozji f’Yangon biex isibu opportunitajiet ta’ xogħol għat-tfajliet.  “Iżda nibgħatuhom jaħdmu biss jekk inkunu żguri li se jkunu f’ambjent tajjeb u li fejn se jaħdmu jkollhom ċans jitgħallmu ħiliet oħra meħtieġa”, qalet is-soru.

Dan l-aħħar tnejn mit-tfajliet intbagħtu t-Tajlandja wara li spiċċaw kors ta’ tisjir fiċ-Ċentru.  Issa tfassal pjan biex tfajliet oħra jkunu megħjuna jiftħu negozji tagħhom, bħal ħwienet tal-kafè, ħairdressing u beauticians.  “Aħna nagħtuhom ftit flus biex jibdew u jħallsuna lura bi skema ta’ micro-credit,” qalet Sisrter Su. Il-maġġoranza tal-istudenti li jtemmu l-korsijiet tagħhom jispiċċaw jagħmlu xogħol xieraq.

Rapport mill-Kamra tal-Ahbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: