09 – Inżomm f’Qalbi – L-Ewwel Parti


Insellimlek! Meta xi ħadd iweġġgħek taf tinħeles? Iżżomm f ’qalbek, timtela’ mrar, u ssir bniedem “morr”? Forsi saħansitra tinbet fik il-vendetta jew mibegħda, li huma veleni akbar?

9

Insejħulu riżentiment meta jibqa’ fik fastidju, korla, tgħaddib,imrar, u diżappunt kbir minħabba inġustizzja li rajt jew għaddejt minnha. Dawn huma sentimenti li jtaqqlu. Sabiex aħna, u s-soċjetá tagħna, ma ninqerdux aktar, jeħtieġ li ninħelsu – u b’mogħdrija ngħinu ‘l ħaddieħor jinħeles.

Qed tirrabja ma’ Alla? Jekk iva, tgħid għandek xi idea sempliċi wisq ta’ Alla? Il-ġustizzja ta’ Alla ma tfissirx li ma jsirux maltempati qattiela, jew tgħeżżiż tal-art, jew li jekk bniedem se jiskatta bomba, Alla se jwaqqfu. Il-ġustizzja ta’ Alla huwa kunċett spiritwali u profond, u ma jfissirx li d-dinja, is-soċjetà, il-familja, jew il-ġenetika f’daqqa waħda ser isiru “fair” jew ġusti. Kemm jagħmel sens li żżomm riżentiment lejn Alla, jekk dak huwa l- għajn ta’ dik l-enerġija fejjieqa li tgħammar fil-pedament tiegħek innifsek?

It-tfal żgħar, u anki xi xadini, għandhom sens naturali, istintiv, ta’ ġustizzja. Nikbru, u nistennew li jsibu l-ġustizzja, u meta ma nsibuhiex naqgħu f’rabja, frustrament, diżappunt, jew disprament. Iżda n-natura u s-soċjetà ħafna drabi mhumiex “fair” jew ġusti. Min sofra inġustizzja, għandu raġun jaħseb li għandu piż kbir? Iva! Imma għandu raġun li jkompli jżomm f’qalbu? Qabel ma twieġeb, ftakar li mir-riżentimenti ma joħroġ xejn ħlief uġigħ fit-tul, frustrazzjoni, mrar, ġlied u disprament.

Tħoss li għandek tirrispetta l-idea ta’ ġustizzja? Jekk iva, f’dan żgur li għandek raġun; imma l-ewwel dmir tiegħek hu li tkun strument inti stess ta’ ġustizzja bil-mod kif int tirrelata ma kulħadd.

Meta id-dinja jew is-soċjetà ma tagħmilx ġustizzja miegħek, l-ewwel trid tinħeles: tinħeles mir-rabja, tgemgim, imrar u disprament. Naturalment jekk ikollok kapaċitajiet ta’ ħidma fl-oqsma tal-familja jew tal-liġi, jew soċjali, politiċi, kulturali, ambjentali, morali jew spiritwali, allura wara li tinħeles int, dawn il -kapaċitajiet għandek tużahom biex tmexxi ftit id-dinja aktar lejn il-ġustizzja. Forsi abbuża minnek xi ħadd u trid tieqaf għad-drittijiet tiegħek? Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, aħjar tkun qalbek ħielsa; moħħok ikun aktar ċar.

L-ostakli għall-ħelsien.

Sabiex tinħeles, l-ewwel ara l-ktajjen tiegħek x’inhuma, ħalli tkun tista’ taħdem fuq kull waħda. Kultant, sfortunatament, saħansitra ninnamraw mal-ktajjen tagħna! Nistiednek taħdem fuq ir-riżentimenti tiegħek. Kif? Pereżempju bil-metodi li rajna
f’dawn l-artikli: il-Perspettiva mill-Belveder, il-Metodu tal-Merħba, il-Metodu tal-Kummentarju, il-Mindfulness, u oħrajn. L-ewwel pass: induna il-ktajjen tiegħek stess liema huma, u iktibhom! Trid eżempji ta’ ktajjen? Iċċekkja dawn, forsi għandek
xi wħud minnhom: Meta żżomm f’qalbek, forsi tibda tara lilek innifsek bħala vittma. Din in-nassa tillimitalek x’tara u x’taħseb.

  • Forsi għandek xi kummentarju ġewwieni li jagħtik raġun li tkompli tħossok vittma.
  • Jekk ma tafx taħfer, jew ma tridx jew ma jirnexxilekx, allura r-riżentimenti ser jeħlu hemm.
  • Ir-rabja s-soltu tiġi minħabba weġgħa. Jekk l-ewwel tista’ tirkupra mill-weġgħa, ir-rabja tonqos jew tmur.
  • Jekk titħassar lilek innifsek, il-weġgħa tikbirlek.
  • Jekk tgħir għal xi ħadd li tarah aħjar minnek, din l-għira toħloq u trawwem riżentiment.
  • Jekk il-livell ta’ maturità tiegħek għadu xi ftit batut, forsi inti ma tkunx flessibbli biżżejjed dwar id-dgħjufijiet ta’ ħaddiehor.
  • Forsi qed tuża’ l-weġgħa jew it-trawma tiegħek bħala skuża biex ma tkomplix tikber, timmatura, u tinħeles. Forsi tistenna li ħaddieħor jirrikonoxxik bħala vittma jew martri, u jitħassrek. Forsi tidra’ tgħid li int qatt u qatt ma’ tista’ tinħeles.
  • Sakemm għandek ġibda għat-tpattija, taf li hemm ser jibqa’ r-riżentiment.
  • Forsi r-riżentiment tiegħek huwa lejk innifsek, għax kont dgħajjef iżżejjed. Dan jgħidulu rimors. Jekk hu hekk, aħfer lilek innifsek.

Din it-tema tkompli fl-artiklu li jmiss fejn naraw aktar x’tista’ tagħmel biex tneħħi dawk il-ktajjen.

 

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.