Kellmuna ħa tgħallmuna!


Darba kont qed nitħaddet ma’ xi nies fl-Isptar u, wieħed minnhom, bl-onestà kollha, qalli: Patri! Jiena nemmen li Kristu huwa l-aqwa psikologu li qatt deher fuq wiċċ l-art!

Għoġbitni din il-frażi! Għalhekk bdejt infittex u nfittex. Għax, l-aqwa psikologu, Ġesù Kristu, jgħallimni: Min iħabbat jiftħulu (Mt 7:8). U dan hu li jien għamilt, ħabbatt bieb il-Bibbja u meta nfetaħli bdejt nintebaħ l-għaliex Ġesù Kristu hu l-aqwa psikologu!

Ġesù hu l-aqwa psikologu l-għaliex għallimna l-konverżjoni. Hija l-konverżjoni vera, jiġifieri l-bidla fil-qalb, li biha aħna jkollna l-ferħ u l-hena tassew. It-Tieni Ittra lill-Korintin tfakkarna f’din ir-rejaltà tabilħaqq importanti: Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid (2 Kor 5:17). Mela, jekk jien irrid li tassew ninbidel ħaġa waħda rrid nagħmel, inħalli lil Ġesù jgħaqqadni miegħu! Hekk insir ħolqien ġdid fih! U insir dan il-ħolqien ġdid meta nħalli l-Ispirtu s-Santu jiġi fija u jagħtini lilu nnifsu għax jagħtini attitudni oħra ta’ kif inħares lejn il-ħajja. Għalhekk mela Ġesù huwa l-aqwa u l-veru psikologu l-għaliex jagħtina l-psyche tiegħu, jiġifieri “n-nifs” jew “ir-ruħ” tiegħu, l-Ispirtu s-Santu. Jgħidilna fil-profeta Eżekjel: U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom (Eżek 36:27). Allura, lil Ġesù bir-raġun nitolbu: Mulej Ġesù, għaqqadni miegħek! Għamilni ħolqien ġdid! Fakkarni li fik il-qadim jgħaddi u jispiċċa. Qisu qatt ma kien. Għax, la qed tgħix int fija jiena bniedem ġdid!

Ġesù huwa l-aqwa psikologu l-għaliex jgħallimna nħarsu ’l quddiem u qatt lura. Biżżejjed insemmu l-eżempju ta’ minn xiex għadda San Pawl minħabba Ġesù. Minn liema kalvarju għaddewh! Jgħidilna ċar u tond fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin:

Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imbwiċċ mal-mewt. Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? (2 Kor 11 :23-29).

U x’jagħmel Pawlu f’dan kollu? Imur fil-passat tiegħu u jibqa’ imwaħħal mal-weġgħat tiegħu? It-tweġiba jagħtihielna hu stess fl-Ittra tiegħu lill-Filippin: Ħuti, … ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ‘l ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ‘l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù (Fil 3:13-14). Għalhekk Pawlu, bil-grazzja tal-Mulej, ħallieh inessieh il-weġgħat tiegħu tal-passat u hekk seta’ jaħseb dwar l-għeġubijiet li Ġesù ippjana għall-futur tiegħu u anki tagħna. Mela, lil Ġesù bir-raġun kollu nitolbu: Mulej Ġesù, nessini dak kollu li għaddejt minnu biex, bil-għajnuna tiegħek, jiena nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem sakemm nikseb il-premju li għalih Alla l-Missier qed isejjaħli bik. Amen!

Ġesù huwa l-aqwa psikologu l-għaliex jgħallimni naħfer u mhux nobgħod, li nuri ħlewwa u qatt rabja. Tgħidilna l-Kelma ta’ Alla fl-Ittra lill-Efesin: Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu (Efes 4:31-32). Kos hux! Kemm tabilħaqq nimlew lilna nfusna b’rabja u riżentiment! Jgħidilna Ġesù fid-diskors tal-Muntanja: Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom (Mt 5 :44). Imbagħad, fil-vanġelu skont San Luqa, Ġesù jgħidilna: Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom (Lq 6:27-28). X’differenza hux milli hawn min jissuġġerilek li għandek tobgħod lill-għedewwa tiegħek qabel ma tkun tista’, fil-fatt, taħfrilhom!

Ġesù jissokta jurina li hu l-aqwa psikologu l-għaliex għallimna nkunu proattivi u li nagħmlu il-ġid lill-għedewwa tagħna. L-Ittra lill-Efesin tgħidilna li għandna nkunu twajba magħhom, inħennu għalihom u naħfrulhom l-għaliex hekk għamel magħna l-Missier permezz ta’ Ġesù Ibnu u Ħuna (ara Efes 4:32). Fid-diskors tal-Muntanja Ġesù jgħidilna li għandna nħobbuhom u nitolbu għalihom. Filwaqt li bl-Ittra lir-Rumani, Ġesù jgħallimna l-prinċipju: Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21). Fl-aħħar nett, fil-vanġelu skont San Mattew Ġesù jgħallimna: Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina… Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6 :12.14-15). U dan Ġesù wettqu sal-anqas qattra billi hu stess bata, miet u rxoxta għalina. Altru mela milli nkolla ruħu ma’ pultruna! Mela, Ġesù aħfer int fija lil min weġġgħani.

Intom, nies komuni, lilna s-saċerdoti kellmuna ħa tgħallmuna!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.