Riflessjoni  fuq it-tnissil Immakulat ta’ Marija


Kitba ta’  Angelo Xuereb

Jixraq li meta niċċelebraw it-Tnissil Immakulat tal-Verġni Marija ma ninsewx lil binha Sidna Ġesù Kristu.

1   Immakulata minħabba Kristu

Marija tnisslet mingħar dnub tan-nisel. Dan ġara sabiex hija tkun tista’ sservi ta’ tabernaklu ħaj biex fih jitnissel Ġesù u joqgħod fih għal disa’ xhur. Kien jixraq li Marija lanqas għall-mument wieħed tkun ilsira tax-xitan. Kristu, li huwa l-awtur tal-qdusija, lanqas ma kien jixraqlu li jkun f’tabernaklu li fih fih id-dnubiet venjali.

Għalkemm il-bnedmin kollha jitnisslu b’dan id-dnub hemm eċċezzjoni. U  din hija Marija. Dan ġara b’miraklu speċjali. Skont il-Beatu Franġiskan Ġwanni Duns Scotus Alla ried, Alla seta’ u Alla għamel.

Iżda anki hawnhekk naraw ir-rabta ta’ Marija ma’ Kristu. Marija ma tħallietx tiċċappas mad-dnub għall-merti futuri ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din tissejjaħ fidwa preventiva. Għalhekk huwa feda lill-bnedmin kollha anki lil Marija. Iżda filwaqt li lill-bnedmin kollha ħallihom jirtu dan id-dnub lil Ommu ħelisha. Fl-ewwel Antifona tal-Uffiċċju tal-Qari ta’ din il-festa l-Knisja titlob: “Fit-Tnissil tagħha Marija kellha barka minn għand il-Mulej, u sabet il-ħniena ta’ Alla, is-Salvatur tagħha”.

Il-fidwa ta’ Marija kienet singulari jiġifieri lilha biss. U dan biex tista’ taqdi l-missjoni singulari ta’ Omm Alla. Għalhekk aktar ma t-tagħlim Marjoloġiku nortbtuh ma’ dak Kristoloġiku aktar ser iħalli frott.

Ma nistgħux ninsew li din il-festa niċċelebrawha fit-8 ta’ Diċembru li dejjem ikun żmien ta’ Avvent.  Filwaqt li nkunu nippreparaw ruħna spiritwalment biex niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu nagħmlu l-festa tat-twaqqif ta’ dan it-tabernaklu ħaj li kellu jilqgħu.

Kif fit-Testment il-Qadim naraw lil Adam u lil Eva jdaħħlu lill-umanità f’rovina spiritwali u morali, hekk fit-Testment il-Ġdid naraw lil Ġesù u Marija jġibu s-salvazzjoni. Mhux ta’ b’xejn li Missirijiet il-Knisja sejħu lil Marija bħala Eva l-Ġdida.
2   Tagħlim  spiritwali mit-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija

Nistgħu nisiltu xi tagħlimiet spiritwali u morali minn dan it-tagħlim

  1. Ma nistgħux inħobbu lil Marija jekk imbagħad ma nosservawx il-liġi ta’ Alla. Jekk inħobbuha verament inħobbu wkoll lil Ġesù u lil dak li għallimna.
  2. Ma nkunux fit-triq it-tajba jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u mbagħad ma nħobbux lil Marija. L-imħabba lejn Ġesù u Marija ma jeskludux lil xulxin anzi huma kumplimentari. San Jose Maria Escrivá jgħidilna: “Aħna mmorru għand Ġesù — u ‘nerġgħu lura’ għandu — permezz ta’ Marija” (It-Triq, Nru 495).
  3. F’din il-festa nitgħaxqu bil-grazzja singulari li rċeviet Marija. Niftakru li Alla permezz tal-Knisja għadu joffrilna s-salvazzjoni biex nimxu fit-triq tal-grazzja. Forsi l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilu n-nisrani huwa li ma japprezzax il-grazzja ta’ Alla u jirrasenja ruħu mad-dnub li jkun fih, bl-iskuża li huwa sinċier. Min qata’ qalbu mill-grazzja ta’ Alla għandu jiftakar f’dak li jgħallimna San Pawl: “Fejn kotor id-dnub kotrot fuq il-kotrot il-grazzja” (Rum 5, 20). Din is-silta tinqara bħala Lezzjoni Qasira fit-tieni Għasar ta’ din is-sollennità
  4. Meta nkunu miexja f’dan il-pellegrinaġġ ta’ din id-dinja rridu nissieltu mat-tentazzjonijiet u d-dnub. Iżda ma naqtgħux qalbna filwaqt li nitfgħu għajnejna fuq is-sbuħija ta’ ruħha filwaqt li niftakru li Alla għamilha teżoriera tal-grazzji kollha. Jiġifieri Alla għamel li kull grazzja li jagħti tgħaddi minn idejn Marija.
  5. Meta nħarsu lejn ir-ruħ immakulata ta’ Marija għandna napprezzaw il-magħmudija. Dan huwa l-mezz ordinarji li bih nibdew il-ħajja nisranija. Il-magħmudija huwa sagrament kbir tant li San Iljun l-Kbir jgħidilna “Agħraf o nisrani d-dinjità tiegħek”.
  6. 6. Nitgħallmu li nuru sens ta’ gratitudni lejn Alla ta’ dak li rċevejna. Għandna nirringrazzjaw lil Alla mhux biss tal-affarijiet materjali li nirċievu iżda dawk spiritwali. Hekk għamlet Marija fil-Magnificat meta qalet: “Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1, 49).
  7. It-tnissil immakulat ta’ Marija tgħallimna l-umiltà. Għalkemm Marija sabet grazzja quddiem Alla hija baqgħet umli u kienet taqdi l-missjoni tagħha ta’ mara tad-dar billi tagħmel l-aktar ħwejjeġ ordinarji. Il-grazzja ta’ Alla tispira l-umiltà filwaqt li n-natura umana tispira l-kburija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.