Evanġelju tal-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 9, 27-31

Matul dawn l-ewwel ġimgħatejn tal-Avvent, ma nistgħux ma nieħdux l-ewwel qari tal-quddiesa bħal sfond għall-Evanġelju. Is-siltiet magħżula għal-liturġija ta’ dawn il-ġimgħatejn (sas-16 ta’ Diċembru) huma meħuda mill-ktieb tal-profeta Iżaija, il-profeta tal-wegħda u tat-tama u tal-ħeġġa.

Is-siltiet mill-Evanġelji huma magħżula bil-ħsieb li jkun hemm rabta bejn dak li jitwiegħed f’Iżaija u li jseħħ f’Ġesù Kristu, għax il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem u l-fedeltà tiegħu ma tintemm qatt. Aħna nerġgħu nisimgħu dawn il-wegħdiet, nissaħħu fit-tama u nitħeġġu fl-istennija tat-twettiq tal-wegħdiet sa ma l-Messija jerġa jiġi fil-glorja.

Fil-bidu ta’ kapitlu 9, l-evanġelista jagħtina ndikazzjoni li Ġesù ma’ xi wħud mid-dixxipli kien Kafarnahum. Hemmhekk sejjaħ lil Mattew minn wara l-mejda tat-taxxi u ftit wara ġie mistoqsi dwar is-sawm li għaliha jwieġeb li l-ħniena hi aqwa minn kull sagrifiċċju. San Mattew ikompli jgħidilna li li din il-ħniena mhux biss urieha miegħu meta sejjaħlu iżda jkompli juriha wara bil-fejqan tal-mara li messitlu t-tarf tal-libsa u l-qawmien mill-mewt ta’ bint missier li mar jitolbu bil-ħniena għaliha. Rebħa fuq il-preġudizzji tal-bnedmin, rebħa fuq it-tbatija fizika tal-bniedem u rebħa fuq il-mewt tal-bniedem.

X’ħin telaq minn jersqu lejh żewġ għomja u l-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir. Minkejja r-rebħiet kollha ta’ Ġesù fuq kulma jfixkel lill-bniedem, il-bniedem donnu għandu għamad quddiem għajnejh u ma jarax l-istampa sħiħa. Mhux għama wieħed iżda tnejn u fit-tnejn naraw il-kollettività. Għama jmexxi lill-għama u t-tnejn jispiċċaw fil-ħofra. San Mattew donnu jrid jurina li minkejja l-għeġubijiet li Alla jagħmel biex juri s-setgħa tiegħu meta jaħfer, ifejjaq u jsejjaħ, meta saħansitra jqajjem lil xi ħad dmill-mewt, il-bnedmin xorta waħda, fid-dlam tagħhom jibqgħu jiddieħku bih, jibqgħu jgħadduh biż-żmien. Barra minn hekk hemm ukoll il-ħsieb li l-għama, li bih il-bniedem jgħix fid-dlam, mhux biss karatteristika ta’ bniedem wieħed imma tal-bnedmin flimkien u minnhom ilkoll toħroġ il-karba għall-ħniena. Ħenn għalina ma tfissirx bilfors ‘agħtina d-dawl’ iżda ‘agħmel xi ħaġa għalina’. Dawn it-tnejn xtaqu li ħajjithom tkun aħjar, baqgħu isusu warajh sakemm daħal id-dar u ħadd ma waqqafhom, iżda Ġesù ħallihom jimxu warajh fid-dlam; ma fejjaqhomx mill-ewwel.

Temmnu li jiena nista’ nħenn għalikom? Hija l-mistoqsija li Ġesù jagħmlilna f’kull jum ta’ ħajjitna. Ħa jsirilkom skont il-fidi tagħkom. Hija fidi mnissla u magħġuna fid-dlam tat-tbatija u tal-esklużjoni soċjali; hija fidi li ġejja minn esperjenza mġarrba ta’ dipendenza fuq il-ħniena ta’ ħaddieħor; hija fidi li tittama f’kollox basta ttejjeb is-sitwazzjoni preżenti; hija fidi li tiżviluppa fl-għarfien tad-dlam l-ewwel u qabel kollox. Ġesù ma jwarrabx fidi bħal din.

Meta nsibu ruħna f’sitwazzjni bħal din, nistgħu nistħu u niddejqu nduru lejn Alla nitolbuh iħenn għalina, għax, ngħidu aħna, Alla mhux taż-żejjed u tan-nieqes. Iżda fil-fatt Alla ma jimpurtahx minn dan; dak jimpurtana minnu aħna fis-suppervja tagħna. Għal Alla l-importanti li aħna fl-għarfien tal-miżerja li niġibu lilna nfusna fiha, u forsi kultant, iġibna fiha ħaddieħor, induru lejh u nitolbuh ħniena għax nemmnu li hu biss jista’ joħroġna mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.