Xi jrid Alla?


Alla huwa misteru. Anzi! Il-misteru tal-misteri! Għax min jista’ jifhmu lil Alla? Mela mnalla li Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, sar bniedem għalina! Għax, kif jgħidilna eżattament l-prologu tal-vanġelu skont San Ġwann: Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier (Ġw 1:18).

Għaliex aħna nistgħu ngħidu xi jrid Alla minna, l-għaliex Ġesù sar bniedem u qalilna hu stess xi jrid Alla l-Missier minna, membru tas-soċjetà li isimha jfisser Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju (M.U.S.E.U.M), tani santa mill-isbaħ u li tqaxxar dak li Alla jrid minna. Din is-santa hija meħuda mill-ktieb li kiteb San Ġorġ Preca Id-Dixxipulat. Din is-santa sabiħa tgħid hekk:

X’inhuwa li Alla jrid. Alla jrid li nagħrfuh, li nħobbuh u li naqduh. Alla jrid li aħna ninħabbu bis-sinċerità. Alla jrid li nagħmlu kollox għall-glorja tiegħu. Alla jrid li nagħmlu lill-oħrajn dak li rridu magħmul minna. Alla jrid li nagħtu lil kull wieħed dak li hu tiegħu. Alla jrid li rroddu dak li mhux tagħna. Alla jrid li nemmnu dak kollu li tgħallem il-Knisja Kattolika. Alla jrid li nieħdu ħsieb ħajjitna u ħajjiet ħutna. Alla jrid li nitolbuh kull għajnuna tiegħu. Alla jrid li nissaportu ‘l xulxin fid-diffetti tagħna. Alla jrid li naħfru minn qalbna. Alla jrid li bejnietna nżommu l-paċi. Alla jrid li naħarbu l-okkażjoni tad-dnub. Alla jrid li nkunu qaddisin bħalu. Alla jrid li nifirħu ma’ min hu ferħan u li nibku ma’ min hu mbikki. Alla jrid li ngħidu dejjem il-verità. Alla jrid li nqaddsu l-jum tal-Ħadd. Alla jrid li nopraw dejjem b’kuxjenza ċerta. Alla jrid li niddefendu l-innoċenti. Alla jrid li nirbħu d-deni bil-ġid.

Mad-daqqa t’għajn tajjeb ngħidu li mhux faċli nagħmlu dak li Alla jrid! Tgħid faċli nħobb lil ħaddieħor b’sinċerità meta dan jew din ikun qed jiġġakbinani u tiġġakbinani minn wara dahri? Tgħid hi ħafifa għalija li nemmen dak kollu li tgħallem il-Knisja Kattolika? Speċjalment, meta tgħallimni ħwejjeġ li mhux biss jirfsuli imma jidirsuli l-kallu? Hi ħafifa rixa li nissaporti d-difetti ta’ ħaddieħor? Jew hi faċli li naħfer minn qalbi u nżomm il-paċi? Aktar u aktar meta naf x’pezza kustjoni hu t-tali, it-talija u t-talin? Imbagħad, dik tal-ħadd, ma niflaħhiex! Dan l-għaliex, wara ġimgħa ejja ħa mmorru għandi immur għall-quddiesa tal-Ħadd? Taħseb li hi faċli li mmur siegħa quddiesa? Ajma! L-aktar jekk se tisfrattali l-weekend break!

Le ħbieb! Dak li jrid Alla minni mhu faċli xejn! Anzi! Ġieli nħossu jmarradni u jdardarni! Għax Alla lili jqabbiżhomli! Għax jitlob minni affarijiet li jmorru kontra dak li nħoss. Għax għalija, għax nara minn nuċċali ta’ bniedem, li hu mportanti hu dak li nħoss. U mhux is-sewwa!

Madankollu, l-verità mhux din ħbieb! Għall-kuntrarju! Għal Alla l-verità mhux dak li nħoss jew li għandi aptit nagħmel imma r-rieda tiegħu. Fid-Djarju ta’ Santa Fawstina l-kelma rieda nsibuha mal-449 darba. U, f’dan id-Djarju tant sabiħ u mill-aktar prattiku għall-qdusija vera u mhux ta’ biċ-ċajt, Ġesù jitħaddet bil-miftuħ fuq l-importanza tar-rieda tiegħu għalina. Hekk jgħidilha lil Fawstina:

Kun af li meta timmortifika r-rieda tiegħek stess, imbagħad Tiegħi ssaltan ġewwa fik (nru. 365). Għalhekk int ser ixxejjen r-rieda tiegħek għal kollox waqt dan l-irtir u, minflokha, ir-rieda sħiħa Tiegħi titwettaq fik. Kun af li dan ser jiswielek ħafna, mela ikteb dan il-kliem fuq karta ġdida; “Mil-lum ‘il quddiem, ir-rieda tiegħi ma teżistix,” u mbagħad agħmel salib kbir fuq din il-paġina. U fuq in-naħa l-oħra ikteb dan il-kliem: “Mil-lum ‘il quddiem, jiena nagħmel ir-rieda ta’ Alla kullimkien, dejjem u f’kollox” (Djarju, 372).

Bħal Santa Fawstina int u jien nisfaru quddiem dan il-kliem. Imma Ġesù jissokta jgħidilha: Tibża’ minn xejn; l-imħabba tagħtik is-saħħa u tagħmilhielek ħaġa faċli li int tagħmel dan (Djarju, 372).

Mhux ta’ b’xejn li s-santa kellha fuqha ritratt ta’ żgħażugħa titlob! Mela, Mulej, fawwarni bi mħabbtek ħa nwettaq ir-rieda tiegħek! Amen!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.