Evanġelju tal-Erbgħa 12 ta’ Diċembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 11, 28-30

Faraġ u tama. Anke meta jwiddeb, minn Ġesù joħroġ biss messaġġ ta’ faraġ u tama. Qatt ma jikkundanna imma jiftaħ għajnejn min jisimgħu biex ma jaqtax qalbu. Għadu fil-ħin biex jistabar, anke bih innifsu u jqawwi qalbu bit-tama li minn issa ’l quddiem jista’ jkun aħjar.

Imħabbat u mtaqqal min mhux! Ejjew għandi! Jiena nserraħkom mit-taħbit u t-toqol, mhux biss dak li l-ħajja ta’ kull bniedem iġġorr magħha, iżda iktar u iktar ta’ kull bniedem li jħoss li qed jeħodha kontra l-kurrent tad-dinja meta jisma’ u jipprova jgħix l-istediniet kontinwi u mpenjattivi ta’ Ġesù.

Ħasshom hu ukoll iżda qatt ma qata’ qalbu għax ma kienx waħdu. La dejjem għamel ir-rieda tal-Missier, kellu lilu dejjem miegħu. L-istedina mimlija tama u faraġ tiegħu hija biex nersqu lejh u ma nkunu qatt weħidna. Ħafna drabi, anke fil-Knisja, meta nħossu t-toqol, nippruvaw insolvuh bil-meżżi tagħna, kif nafu aħna, jew kif tagħmel id-dinja. Kultant laqnas jgħaddilna minn moħħna li qiegħed hemm jistenna b’idejh miftuħa, b’paċenzja tqila bl-imħabba. Naħsbu li mingħajru nistgħu ngħixu kif irid hu u nsolvu kollox weħidna.

Faċli ħafna nirrikmandaw lil ħaddieħor x’għandu jagħmel. Għandu jkun iktar faċli għalina. Il-madmad tiegħu ħelu. Huwa l-madmad li jorbotna flimkien, bħal ma jorbot il-barrin li jkaxkru l-moħriet warajhom; huwa l-madmad li jagħtina direzzjoni flimkien; huwa l-madmad tal-imħabba. Hu qalbu ħelwa u umli, u lkoll nafu, li hu biss jagħti s-serħan tar-ruħ li minnu tiġi l-hena u s-sliem lil dawk ta’ rieda tajba.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading