Ftit jiem ‘il bogħod mill-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza


L-Erbgħa, 12 ta’ Diċembru 2018: Tħabbru d-dettalji tat-23 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret t-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 2018.

Fr_Martin_Micallef_assisted_by_Nadine_Camilleri_Cassano_at_Press_Conference_launching_Festa_ta_Generozita_2019.154461292738.jpg

Fr Martin semma’ erba’ għanijiet tal-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu; u fl-aħħarnett biex jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9am b’Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.

Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artisti, kemm Maltin kif ukoll barranin. Din is-sena l-irkant se jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis, 20 ta’ Diċembru fis-7pm. Il-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti fil-wirja li se tkun fl-istess foyer tal-Parlament kif ukoll billi jidħol fuq ill-websajt http://www.dtpauction.com.

Din il-wirja se tinfetaħ uffiċċjalment mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fil-5pm u tagħlaq bl-irkant fl-20 tax-xahar. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mid-9am sat-8pm. Xogħlijiet tal-arti li ma jiġux irkantanti jkunu għall-bejgħ waqt il-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar 2019 fis-Siġġiewi.