10 – Inżomm f’Qalbi – It-Tieni Parti


Insellimlek! Fl’artiklu ta’ qabel dan, rajna li meta wieħed iżomm f ’qalbu, dan is-sentiment qerriedi jgħidulu riżentiment, jiġifieri meta jibqa’ fik fastidju, korla, tgħaddib, imrar, u diżappunt minħabba inġustizzja li rajt jew għaddejt minnha.

Rajna xi ostakli, jew ktajjen, li jistgħu ikunu qed jżommuk milli tinħeles. Illum ser naraw xi 7 metodi biex tinħeles meta tkun żammejt f’qalbek.

10.jpg

Fil-Mera: Jiena Vittma?

Jekk tkompli tħares fil-mera ta’ moħħok u tara biss “vittma”, tkun inti (mhux ħaddiehor) li qed twaqqa’ d-dinjità tiegħek stess. Ma jistħoqqlokx tagħmek hekk. Ifhem li din l-istampa ta’ vittma forsi daħlet f’rasek minħabba ħaddieħor (forsi assorbejt it-tgħajjir jew il-krudeltà), iżda inti risponsabbli biex tinħeles. Ħares fil-mera ta’ moħħok u għid li inti persuna sabiħa minn ġewwa, li tiswa’: għandek valur bla qies. Emminha din, jgħid x’jgħid ħaddieħor. Tħallix li jkun l-aġir ta’ ħaddiehor li jgħidlek int min int! Agħmel li hemm bżonn sabiex tissaħħaħ: ħu ħsieb ta’ ġismek u ta’ moħħok, ilbes pulit, tgħallem titbissem bil-ġentilezza, qis kliemek, tgħallem kapaċitajiet ġodda. Aħseb kif ser iċċedi kull ma ssib negattiv fik. U qatt tuża li ġralek bħala skuża.

Ittra Maħruqa Teħles

Tista’ tikteb fuq karta xi sentenzi bħallikieku qed tikteb ittra lill-persuna li weġġagħtek. Dan bl-intenzjoni li toħroġ il-weġgħat u s-sentimenti tiegħek fuq il-karta ħalli tkun tista’ teħlishom. Issa agħmel ċerimonja waħdek: għid lilek innifsek “Issa qed ninħeles minn dan il-piż”, waqt li taħraq il-karta. Attent li bin-nar ma toħloqx perikli jew ħsara. U ħares lejn il-fjammi sakemm il-karta tkun saret irmied, u tintrema’. Jekk għandek rabja, lir-rabja tgħożżhiex bħala xi ġojjell li ma tasalx biex teħles minnu. Uża xi metodu biex aktar ma tmur aktar tikkalma, sakemm tkun ċedejt l-ewwel il-weġgħa u mbagħad ir-rabja għax inti tkun issaħħaħt u inħlist.

Il-Maħfra

Il-maħfra tfisser li ċċedi dak il-leħen irrabjat li dejjem iwaħħal f’min weġġgħek. B’hekk twaqqa’ piż tqil minn fuq spallejk. Li taħfer ma jfissirx li tipprova tinsa’ apposta. Li taħfer hija deċiżjoni li ma tkomplix tgħożż dak il-leħen. Hija mġieba ta’ xi ħadd matur. Hija wkoll grazzja li tista’ titlob għaliha. Jekk inti nisrani, għandek mudell qawwi f’dak li ħafer lil dawk li ttorturawh u wassluh sal-mewt. U talab għalihom. Il-maħfra tagħmilha bejnek u bejn ruħek, jew aħjar, bejnek u bejn ruħek ma’ Alla. Jekk għandek sens ta’ tpattija, ħares lejh u aħdem sakemm iċċedih.

Aħseb u Ikteb: Kif Trid li Tħossok?

Biex tkun sinċier miegħek innifsek u tirrispetta l-qalb imweġġa’ tiegħek, tista’ tikteb kif tħossok u għaliex. U mbagħad ġib quddiem għajnejk, u ikteb, kif inti trid tkun minn ġewwa, kif trid tħossok meta tinħeles. B’hekk il-vjaġġ tiegħek tkun taf fejn
sejjer.

Talb

Jekk int nisrani, mhemmx għalfejn ngħidlek li tista’ titlob għall-fejqan, għall-ħelsien, u għall-kuraġġ li taħfer. Iżda tinsiex ukoll li meta tinfetaħ għall-Preżenza qaddisa bla ma tintilef fis-sensi, fil-kliem jew fil-ħsieb – dan huwa talb ukoll, anzi fost l-aħjar talb. Ġesù tak dan il-parir, “Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” Dan it-talb jiżvujtak minn ħafna affarijiet żejda u jpoġġik f’post fejn Alla jista’ jfejjqek minn ġewwa. Agħtih ċans!

Talb Għal Min Weġġgħek

Biċċa għodda spiritwali mill-aqwa hija din: itlob sabiex min għamillek id-deni isir kif għandu jkun bniedem fil-milja tiegħu. Jekk kif ifakkarna San Pawl inti tempju, b’Alla fit-tabernaklu fil-pedament tiegħek, ipprova ftakar li min għamillek il-ħsara huwa ukoll tempju, anki jekk dak it-tabernaklu tiegħu mgħotti taħt inċirata ħoxna. B’Alla miegħek, ittrażmettilu imħabba kemm jista’ jkun minn qalbek. Tittrażmettix imrar u kundanni. Hekk inti tfiq u tinħeles ħafna iktar malajr. U forsi il-grazzja t’Alla teħles lilu wkoll minn dik l-inċirata li qed tgħattilu t-tabernaklu. Jekk m’intix nisrani, xorta ittrasmettilu fejqan u ħelsien.

Meditazzjoni

Prattika tajba li tgħinek ma titkaxkarx mill-ħsibijiet tiegħek stess hija l-meditazzjoni bla ħsieb, bħal meta ripetutament wara kull ħsieb ieħor treġġa’ lura l-attenzjoni tiegħek fuq in-nifs dieħel u ħiereġ.

Forma oħra ta’ din il-prattika hija li kwalunkwe azzjoni jew ħidma tagħmilha waqt li tkun konxju-attent (mindful) ta’ dak li qed tagħmel. Tkun xi tkun l-azzjoni, tista’ tagħmilha b’dan il-mod – mixi, ħasil, tiswija, logħob, eċċ. Waqt li qed tagħmel xi ħaġa, induna li qed tagħmilha. Dan iġibek fil-mument ta’ issa u, skond riċerka xjentifika, jiftħek għall-ħelsien u l-fejqan.

 

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.