Għax jikkritikawni!


Niftakar raġel li kien bravu xi ħaġa tafux! Kemm kien jistudja! Kemm kien jaf x’inkiteb ‘l hemm u ‘l hawn. Insomma! Dan ir-raġel kien tassew riżors ħaj. Imma qatt ma kiteb xejn. Għax kien jibża’ li jiġi ikkritikat. X’ħasra hux!

Meta l-Mulej tani grazzja li nqatta’ ħafna ħin nistudja x’qal dak u x’qal l-ieħor, meta l-ħajja ippermettitli noqgħod bilqiegħdha fuq dak l-imbierek siġġu u, f’dik il-kamra ċkejkna, eżattament l-aħħar waħda tal-magħruf kuritur tal-istudentat fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini fi Floriana, kelli, tista’ tgħid, il-lussu li nosserva, paġna wara paġna, tal-kotba kollha li kelli fil-librerija żgħira tiegħi, ħaġa waħda. Kemm dak li qal dan qalu biex jikkritika lil ta’ qablu. U kemm ta’ warajh ikkritikaw lilu!

Illum, il-ħajja mal-poplu tal-Mulej, għallmittni kemm fil-Knisja stess hawn opinjonijiet diversi. U le! Ejja ma mmorrux ‘il bogħod! Dan imqar bejn żewġt iħbieb! Min fl-idejat tiegħu hu fil-lvant u min fil-punent. Għax il-ħajja hekk! Hawn id-diversità. U, id-diversità, irriduha. Inkella x’ħajja jkollna ħbieb? X’gost inkun fiha l-ħajja meta kulħadd jaħseb l-istess?

Meta idea tkun ikkritikata rridu napprezzaw bis-sħiħ lil min ikun wassalha. Jew aħjar lil min kellu l-gazz li jtarrafha. X’eroj kien dak li kellu l-kuraġġ isemma’ leħnu! Għax aqta’ kemm hu faċli meta wieħed jintefa’ imxaħxaħ hemm, waqt xi laqgħa, u jgerger minn taħt u jiġġudika lil dak, dik jew dawk! Ommi Mà kemm hu rħis il-kliem! Imma, kliem fil-vojt, ixejjen u jbaxxi lil min jgħidu! U, bħalma jgħid Papa Franġisku, min irid jgħid xi ħaġa għal xi ħadd ħa jkollu l-kuraġġ jgħidhielu u jgħidhielha f’wiċċu u f’wiċċha. U mhux jinħela fit-tqassis ta’ bla fejda u li jnawwar l-ispirtu sabiħ ta’ familja mimlija spontanjetà ferrieħa ta’ Kristu.

Min jgħid idea jkun qed jiftaħ triq. Jiġifieri dik tal-għarfien. Idea, tajba kemm hi tajba, trid idea oħra ma’ xiex tqabbad duffrejha. Għalhekk l-ebda idea ma tibqa’ mdendla fl-arja ħbieb. Għax kull idea titmantna minn idea oħra. Mela, meta jkun hemm laqgħat ta’ diskussjonijiet xi forma ta’ brainstroming irid ikun hemm. L-għaliex, biex ħaġa timxi ‘il quddiem, trid iva tinfetaħ l-opportunità biex dak jew dik li jkun u li tkun jobżoq u tobżoq ‘il barra l-ideat li hemm mistura f’moħħhom.

Il-frażi “joqbżu l-ideat” laqtitni ħafna. Ejjew ma ninsewx li, minkejja idea hi idea, imma taf ukoll issir waħda personali. Uħud jaqbdu jaslu għall-konklużjoni li idea qatt m’għandna nagħmluha personali. Bil-mod sieħbi! Tgħaġġilx! U tidrisx lil ħaddieħor! Naqra umanità jekk jogħġbok! Ċerti ideat jitwieldu minn konvinzjonijiet sinċiera u retti li jkollhom individwi. Mela jien min jien biex nispiċċa bulldoser billi nkisser u nwaqqa’ għaċ-ċajt l-idea ta’ persuna biex nuri kemm jien ħelu u ħelwa?

Għalhekk tajjeb li meta wieħed jikkritika juri ftit rispett lejn min għandu l-idea. Lejn min kellu l-gazz jesprimieha. Mhux sewwa li wieħed ibaxxi persuna oħra sempliċiment minħabba l-idea li esprima. F’ħajti kontinwament il-Mulej Ġesù jgħallimni, bl-esperjenza tal-ħajja, li min ibaxxi lil ħaddieħor billi jirredikolalu l-ideat tiegħu u tagħha jispiċċa li jkollu jibla’ u tibla’ il-paroli fil-vojt li jkun beżaq u beżqet. Għax il-ħajja hekk sieħbi! Ċiklu! Għal min jemmen f’moħħu biss jispiċċa idolatra ta’ moħħu. Imma għal min jafda f’Ġesù hemm lesta għalih avventura mill-isbaħ ta’ għeġubijiet sorprendenti. Oh x’għerf fiha l-frażi Ġesù jiena nafda fik!

Barra minhekk, min jesponi xi idea irid jifhem li mhux kulħadd le se jaqbel magħha. U, abbli din l-idea, l-għaliex tkun qed toqros l-interessi sottili ta’ indiviwdu, individwi, grupp, klikka u l-bqija, ħa toħloq ir-rejazzjoni. Minkejja dan kollu m’għandux le jibqa’ lura milli jsemma’ leħnu u ssemma leħinha. U, dejjem, bir-rispett. Għalhekk ħa ssir iva l-kritika lil idea imma qatt u qatt attakk frontali fuq il-persuna li esprimietha.

Għal min qed jaħsibha darbtejn biex jikteb ngħidlu: Ikteb! Anki jekk jikkritikawk! Illum jikkritikawk. Għada wkoll. Imma l-pitgħada jibkuk u aqta’ kemm tkun apprezzat u apprezzata! Għax il-verità mhux bħall-antipatija, li tiskadi meta jiskadu n-nies li jiffumentawha. Le! Il-verità ma tiskadi qatt!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.