It-tilqima


Hawn aħna! Bdiet riesqa, qajla qajla x-xitwa! Mela ajma l-bard! U, biex ma ninsewx ukoll f’każ li ninsew, issa jibda’ jfaqqas il-mard!

Bard ifisser mard! Kos hux kemm il-Mulej tahielna tajba t-taqbila! Imma xi jfisser dan? Dan l-aħħar attendejt seminar li għamilli bosta ġid. Għandi niftakar eżattament kif dan is-seminar għalaq: il-prevenzjoni aħjar mill-kura! U mhux bilfors ħbieb! Mela jien naf xi prezz irrid inħallas għall-kura li se nidħol għaliha? Biżżejjed il-ktieb tal-kura tal-isptar qed jgħallimni l-kedded li wħud mill-pazzjenti jieħdu minħabba li jgħaddu minn ċertu tip ta’ kura. Allura l-parir li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura hu ta’ min isegwih! U jsegwih jew aħjar ilaqqtu sal-qiegħ!

Prevenzjoni qawwija kontra l-mard hi, mingħajr dubju, it-tilqima. Issa qed nitlaqqmu għalhekk u mbagħad għalhekk. Laqqam! U jaqbel li nlaqqam jekk ma rridx li nispiċċa tabakk. Dan imqar tieħu naqra l-virus tal-influwenza. Darba tabiba qaltli li fl-istorja tal-mediċina aktar mietu nies bil-virus tal-influwenza milli minn viruses oħra. Mela attenti għall-influwenza! Ejja nitaqbulha! L-għaliex, u bħalma jiġri fil-ħajja, għalkemm tidher xi ħaġa ċkejkna imma s-sinjura influwenza taf tkun fatali wkoll. Għalhekk nerġgħu mill-ġdid għall-parir: il-prevenzjoni aħjar mill-kura! U hawn issa mhux ħa nitolbu sempliċiment ismagħna nitolbuk Mulej imma ejja ħa nisma’ u ndaħħal ġo moħħi u f’qalbi! Allura, merbħa responsabbiltà tiegħi nnifsi.

Li nitlaqqam huwa forma mill-aqwa li qed nieħu ħsieb saħħti bis-serjetà. Ejja ma ninsiex li nista’ inkun carrier jiena stess ta’ ħafna mard. U povri n-nies ta’ madwari jekk ma nitlaqqamx. Għax ara kemm immarrad nies! Barra minhekk, quddiem ċertu pazzjenti li l-immunità hija baxxa ħafna ejja nħejji ruħi li ma nkunx jien li nibgħathom id-dinja l-oħra f’qasir żmien. U dan l-għaliex ma nkunx ħadt it-tilqima.

It-tilqima hija tingiża. Veru? Almenu lili, meta jtaqqbuni għall-influwenza, hekk jgħiduli. Patri, ħa tħoss tingiża żgħira. Din it-twissija ma tantx tinżilli ħbieb! Għax min tassew iħobb jitniggeż? Madankollu, dan l-avviż jien aqta’ kemm napprezzah ħbieb. L-għaliex l-infermier u l-infermiera javżani u tavżani qabel idaħħal u iddaħħal il-labra. Imma x’jagħmel u x’tagħmel l-infermier u l-infermiera qabel jagħtuni t-tilqima? Mhux ovvja! Jaqbdu u, bit-tajjara mxarrba bl-ispirtu, idellkuli fejn ikunu se jtaqqbuni. Fi ftit kliem huma jħejjuni biex nirċievi t-tilqima!

X’differenza din tkun għalija milli sempliċiment li kieku jaqbdu u jagħtuni t-tilqima hekk, bl-addoċċ. Ejja ħa mmorru! Ommi Ma x’qatgħa kbira nieħu! Kemm nisfar! Ajma! L-aktar meta nara dik il-labra kbira lesta biex tidħol f’laħmi. Ajma! X’uġiegħ!

Issa din il-biċċa tat-tilqima lili tfakkarni li anki fil-ħajja ta’ ruħi għandi bżonn it-tilqima. L-għaliex jekk hemm influwenza tassew qerrieda li teqred bla ħniena l-organiżmu tar-ruħ hu d-dnub. Id-dnub ikissirna. L-għaliex jimla lil ruħna bil-katarru tal-ħażen. Id-dnub jeqridna l-għaliex jimla’ il-pulmuni ta’ ruħna bl-ilma qerriedi tal-kburija. Id-dnub iwebbes lil qalbna. Anzi, ixxarraf lil qalbna. Id-dnub jagħlaqna fina nfusna l-għaliex jaqtagħna mill-Mulej u mill-oħrajn. U, fuq kollox, ibegħdna mill-veru jien kif maħluq mill-Mulej. Id-dnub huwa tassew virus kiefer li, akkost ta’ kollox, għandna nipprevenu kemm nifilħu minnu. Id-dnub ikissrilna saħħitna mhux biss ta’ ruħna imma anki ta’ ġisimna. Int ħares ftit lejn min jgħix fid-dnub tant li jispiċċa ilsier tad-dnub. Qatt tarah jidħak? Qatt tarah jiċċajta u jidħak b’serenità? Mhux dejjem togħma ta’ qrusa jkollu fuqu? Jista’ ikollu l-isbaħ u l-aqwa ilbies. Dejjem ifuħ bil-fwieħa tal-bnedmin. Imma ħej meta ninżlu fil-qalb ikollu l-intiena tas-seba pesti! Intiena li ma tnitten lil dawk ta’ madwaru! Eħħ id-dnub! Kemm hu ikrah!
Madankollu d-dnub nistgħu nittaqbulu ħbieb! Nistgħu iva nipprevenu lilna nfusna minnu. Imma kif Patri, bir-raġun kollu tistaqsini? U x’naqbad inwieġbek għażiż ħija u għażiża oħti jekk mhux bit-tweġiba klassika li tagħtina l-fidi Nisranija tagħna, jiġifieri t-tilqima tal-ħarba mid-dnub? Fil-każ tad-dnub huwa min jaħrab minnu li huwa b’saħħtu u mhux min jidħol fih qisu dieħel f’Honolulu! Id-dnub irridu nitlaqqmu għalih billi niċħduh minna!

Ġieli sibt nies li qaluli: Imma Patri kif nista’ inneħħieħ id-dnub minn ħajti jekk, meta immur inqerr, għid li se nerġa’ naqa’ wara ftit? Sieħbi, ħa nwieġbek bil-kalma kollha issa jien b’mistoqsija: int meta tirkadi xi riħ tmur għand it-tabib? Naħseb li l-istint tiegħek jgħidlek, ISA! MUR! U tagħmel sew! Għax, jekk twebbes rasek, taf tiġik ferm u ferm agħar! Mela l-istess ħaġa fil-ħajja tar-ruħ! Meta tinduna li tkun dnibt itlob dak il-ħin lill-Mulej: Mulej Ġesù, jiena niċħad it-tali dnub li għamilt u naċċetta lilek bħala s-Sid u s-Salvatur tiegħi. Imbagħad, u dritt, itlobu maħfra lill-Mulej! U mur qerr għand is-saċerdot mill-aktar fis possibbli ħa tirċievi l-maħfra bis-sagrament kbir tal-qrar.

Xi grazzja t-tilqima hux! Għax, it-tilqima, ma tħarisniex biss mill-mard tal-ġisem li, xi darba, għad jinżel fi ħdan oħtna l-art. It-tilqima tfakkarna fil-ħarba tagħna mid-dnub.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.