Kont għadni kemm nispiċċa t-tielet lejl konsekuttiv f’ħidmieti mal-morda fl-isptar. Wieħed minnhom kien f’Mater Dei filwaqt li t-tnejn l-oħra għamilthom naqdi f’Sir Anthony Mamo. Anki jekk kont għajjien mejjet imma dak li jgħid tant tajjeb il-mistiku u teologu Biżantin, Nicholas Cabasilas, li l-festa tiegħu taħbat eżatt ma’ jum l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, jiġifieri nhar l-20 ta’ Ġunju, baqa’ jidwi f’qalbi u jagħtini ħafna ferħ u paċi. L-ogħla ferħ jiġi wara l-ogħla mħabba.
Kemm hu veru ħbieb tiegħi dan il-kliem qaddis tal-Cabasilas! L-għaliex, għalkemm imkisser bix-xogħol, fija kelli paċi kbira tas-sema. Kos hux! Kemm il-vanġelu ta’ Kristu mhuwiex kwistjoni ta’ xi trid il-maġġoranza jew tal-koerenza fjakka umana imma tal-minoranza u n-nuqqas ta’ koerenza, dejjem skontna l-bnedmin midinba, tal-Mulej! Għalhekk, f’dan l-ispirtu ta’ ferħ, tlajt fuq biex niċċelebra l-quddiesa mqaddsa. Imwieżen u mħaddan f’dak is-skiet tal-għodwa tal-jum.
Il-quddiesa bqajt niftakarha sewwa. U, nista’ ngħid, intogħma wkoll. Ħinha kien fis-6.30 am. Ftaħt għodu għodu l-kappella ħelwa ta’ dan l-isptar li hu tant għal qalbi. Liema sptar jiena inħobb insejjaħlu “sptar irtir”. Dħalt. Ħejjejt l-affarijiet tal-quddiesa. U, kif daqqu s-6.30 am, mill-ewwel bdiet l-Ewkaristija. Il-ftit esperjenza li għamilt f’dan l-isptar ħassejtni lil ruħi tiġi mħaddna b’paċi liema bħalha. Is-skiet u l-kalma li kien hemm għenuni bil-bosta biex inkun nista’ ninbena minn ġewwa u kif ukoll nibda’ nikseb saħħti mill-ġdid. Sabiħ hux meta r-ruħ tkun maqgħuda mal-Mulej fit-talb u fil-ġabra!
Niftakar li f’dak il-jum ħadd ma offra li jaqra. Għalhekk, wara li tlabt it-talba tal-bidu tal-quddiesa, f’dak is-skiet tant sabiħ tal-kappella, mill-ewwel sibt ruħi naqra l-ewwel qari jien. Il-qari kien meħud mill-ktieb ta’ Koħèlet. Eżattament mit-tielet kapitlu. Għajnejja mill-ewwel weħlu mal-ħsieb tiegħu: Kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema. Imbagħad il-qari żvolġa hekk:
Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi. Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel? Jiena rajt ix-xogħol li Alla ta lil ulied il-bniedem biex ikollhom fiex jedhew. Kollox għamel tajjeb f’waqtu; nissel ukoll sens tal-imgħoddi u l-ġejjieni f’moħħ il-bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x’jagħmel Alla mill-bidu sat-tmiem (Koħ 3, 1-11).
Il-kelma li hija tant repetuta f’dan il-qari hija żmien. Hemm żmien għalhekk u żmien għalhekk. U, kull żmien, għandu l-opposti tiegħu. Mela, hemm żmien li titwieled u żmien li tmut. Kull żmien fih tiegħu. U, kull żmien, fih waħda mill-punti l-aktar estremi tal-ħajja. Hawnhekk il-qari qiegħed jgħidilna li hemm żmien biex wieħed jwettaq ħaġa u żmien biex, warajha, jwettaq oħra. Biss il-ħajja taf turina li fl-istess żmien jista’ jkollna żewġ affarijiet li huma opposti għal xulxin. Mela, għal koppja li għandhom lil xi ħadd li twieled fil-familja tagħhom dik il-persuna, għalkemm iġġib radam ferħ bid-don ta’ ħajjitha, imma wkoll iva tħejji lill-koppja innifisha għall-esperjenza tal-mewt. Jiġifieri mewt għal dawk l-attivitajiet li dik il-koppja kienet twettaq qabel ma ġiet dik it-tarbija fid-dinja. Madankollu, anki jekk din il-mewt tkun seħħet f’dawn l-oqsma, il-koppja tkun xorta waħda qed tgħix il-ferħ ta’ din it-tarbija. Fil-fatt, mat-twelid ta’ tarbija ġdida mhux l-ewwel darba li tant koppji jirrepetuli dak li jgħid Ġesù stess fil-vanġelu skont San Ġwann: Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejjqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja (Ġw 16:21). Kos hux kemm il-ferħ ikun issupera bil-bosta t-tbatija mimlija sagrifiċċju li din l-omm tkun wettqet b’tant imħabba!
Iż-żmien! Li, u nitħaddet mill-esperjenza li l-Mulej jagħtini mill-isptar, f’ċerti sitwazzjonijiet donnu jaħrabli. Ovvja! U l-aktar fl-affarijiet pożittivi, bħat-twelid, it-tħawwil, id-daħk, iż-żfin, il-ġbir, it-tgħanniq, il-ksib, l-irfigħ, ir-rimi, l-imħabba u l-paċi. Imbagħad jiġu sitwazzjonijiet fejn iż-żmien donnu jieqaf. U, l-effetti diżażtrużi ta’ dawn il-ħwejjeġ jibqa’ tant u tant ikarkar. Qisux li ż-żmien jieqaf meta jkun hemm il-mewt? It-taħsid? Il-qtil? It-tiġrif? Il-biki? Il-għali? Is-skiet? Il-mibegħda? It-taqbid? U, ngħiduha kif inhi, mhux faċli ħbieb li tibqa’ għaddej minn dawn il-mumenti iebsa tal-ħajja! Għax ilkoll fihom tahom! Ilkoll jafu juru snienhom miegħek u miegħi!
Madankollu, anki ż-żmien, minnu nnifsu, fih il-fejqan. L-għaliex anki meta jidher jieqaf u ma jitħarrikx aktar f’ċerti sitwazzjonijiet iż-żmien xorta waħda jagħti minn dak li hemm maħżun f’qalbu: jiġifieri l-fejqan. U mhux dan li għandna bżonn fis-soċjetà, fil-Knisja, fil-familja, fil-ħajja ikkonsagrata? Il-fejqan? Imma l-fejqan irid ħafna żmien biex iseħħ!
Mela ejja, fiż-żmien li għandna, int u jien, nagħmlu tagħna dak li jgħidilna Ġesù fid-Djarju ta’ Santa Fawstina: L-umanita’ ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-ħniena Tiegħi.
Mank Mulej li, iż-żmien li fadalli ngħix fuq din l-art, jiena nqattu billi nfittex lilek, l-Għajn tal-Ħniena Vera. Ġesù, fiż-żmien li baqagħli, jiena nafda fik!