X’taħseb fuqi INT li jgħodd!


Dan l-aħħar il-Mulej tani grazzja nisma’ kanzunetta ta’ tifħir lilu li aqta’ kemm tagħtni kuraġġ! Kemm għolliet l-ispirtu tiegħi ‘il fuq. U, irrid ngħid, aktar ma nismagħha aktar iva nħossni infiq!

U għaliex infiq? Għax jien bħalek, għażiż ħija u għażiża oħti. Jiena wkoll irrid nikkumbatti l-ġlidiet mentali tiegħi. Ħafna drabi ħtija ta’ ilsna ħżiena u ġudizzji kapriċċużi ta’ ħaddieħor. Għalhekk nista’ iva nifhmek meta tgħidli li int ukoll, f’ħajtek, qed issibha diffiċli. Li ħaddieħor, b’mod irfinut, qed jipprova jimponi lilu nnifsu u lilha nnifisha fuqek. F’kelma waħda, li qed jipprova jaħkmek u jikkontrollak. Inkella jirvella.

Kanzunetta mill-isbaħ li tagħtina ħafna ħelsien hi dik ta’ Lauren Daigle, You Say. Il-lirika tagħha tassew li titħaddet waħedha. Daqskemm hi rejali! Sabiħa! U ta’ fejqan! Kemm-il darba spiċċajna nitqabdu ma’ ilħna fi mħuħna li, dawn l-ilħna, li deffsuhomolna persuni bil-kummenti u l-attitudnijiet tagħhom, u li, dawn il-povri, huma stess insiguri tal-prima klassi f’ħajjithom, jibdew iġagħluna nirraġunaw li aħna m’aħniex kapaċi. Li, nippruvaw kemm nippruvaw fil-ħajja, qatt m’aħna se naslu.

U, dan il-gideb, ikompli għaddej bil-litanija infamja tiegħu. Tant hu hekk li dan il-gideb jipprova jbellagħha lili u lilek li aħna qatt m’aħna se niffittjaw! Imkien li hu imkien! Għax ma ffittjaniex fl-iskema ta’ min ma jniżżilniex. U allura, quddiem din l-insigurtà kollha ta’ burdati mferra lilna minn nies insiguri aħna nibdew nistaqsu lilna nfusna: Jien min jien? Jiena sempliċiment is-somma totali ta’ meta nħossni hemm fuq? U meta nħossni l’isfel?

Imma d-diska, li hija kanzunetta ta’ tifħir lill-Mulej, tieħu lili u lilek f’dimensjoni oħra. Għax toħodna fid-dimensjoni tal-fidi. Huwa għalhekk li Laurie Daigle tkanta: Fakkarni mill-ġdid min jien l-għaliex għandi bżonn ikun naf. Hekku r-ritornell, mimli kura u mħabba tassew Nisranija, jfakkar, lili u lilek, li min jaf kemm inkunu qiegħdin nistennewha tweġiba bħal din! It-tweġiba tat-tweġibiet!

Int tgħid li jien maħbub/a meta ma nħoss xejn. Int tgħid li jien qawwi/ja meta naħseb li jien dgħajjef/dgħajfa. Int tgħid li jien imħaddan/imħaddna meta nħossni l’isfel. U meta nħossni li ma nappartjenix, oh, Int tgħid li jien tiegħeK. U jien nemmen (Jien), oh nemmen, Dak li tgħid għalija, Nemmen.

Interessanti li Daigle, x’ħin tibda’ tirrejalizza dan kollu, fiha isseħħ bidla millejl għan-nhar. Il-bidla li, il-“ħassieba” sarkastiċi, bis-sarkażmu ixxuttat għal kollox mill-fidi u t-tama tagħhom, qatt ma jistgħu jaslu għalih. Għalhekk imsieken dejjem niexfa qoxqox. Dejjem imqarrsin. U fuq wiċċhom rarissimu tidher tbissima ħelwa u safja bħal tat-tfal. Għalhekk imdejqin bihom infushom. Għax lil Ġesù ma jħalluhx iħobbhom.

Imma min jiftaħlu qalbu u qalbha, anki jekk weġġgħuh u weġġgħuha, b’li qalulu u qalulha, b’li qalu minn warajh u minn warajha, jara u tara s-salvazzjoni! Tesperjenza l-bidla sħiħa! Hekk tkanta Daigle: L-unika ħaġa li issa tgħodd hi dak li Int taħseb fuqi. Fik jiena nsib x’niswa, fik Insib l-identità tiegħi.

Daigle issa, bil-għerf li taha l-Ispirtu s-Santu, tibda’ issejjes dak kollu li hi fuq dak li jurieha Ġesù. L-għaliex f’Ġesù BISS hemm is-sigurtà li qed tfittex. Għax hu Alla magħmul bniedem. Ġesù BISS huwa dak li jfejjaq. Dak li fih negattività u sarkażmu m’hemmx. Għax hu mħabba. Jaħfer u mhux vendikattiv. La bil-goff u lanqas bil-pulit. La fuq l-imnieħer u lanqas taħt iċ-ċontorin.

Għalhekk, wara t-tieni ritornell, il-kanzunetta tieħu sfumatura oħra. Issa Daigle tkanta, b’ħafna fidi u konvinzjoni sħiħa fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fiha: Nieħu dak li għandi u nqiegħdu f’riġlejK. Int għandek kull falliment Mulej u Int se jkollok kull rebħa.

X’mediċina din ħbieb għal kontra dak li jipprova jkisser il-paċi ta’ moħħna! X’mediċina din għall-kummenti u attitudnijiet negattivi ta’ oħrajn li kissruna! Għalhekk kuraġġ! Ismagħha din il-kanzunetta. Kuljum! U tara x’paċi, x’ferħ u x’kuraġġ tnissillek! Għid dak li l-Mulej jurik! Tagħtix każ x’jgħidu fuqek! L-importanti hu x’jgħid u x’jaħseb HU fuqek! Mela emmen BISS dak li Hu jgħid għalik! U għalija! X’taħseb fuqi INT MULEJ li jgħodd!

Bilħaqq! Hawn hi l-mediċina: https://www.youtube.com/watch?v=oZvKJl1kK8g