Il-wake-up call


Dan l-aħħar il-Mulej tani grazzja li, personalment, għamlitli ħafna u ħafna ġid. Liema ġid ma kontx nobsru li se jseħħ fija. Imma, fil-fatt, seħħ. Dan l-għaliex din l-esperjenza daħħlittni f’ħafna riflessjoni. Is-sabiħa hi li mad-daqqa t’għajn tidher li m’hi xejn. Bħal, donnu, xi ħaġa passabbli. Imma, u fil-verità, il-ħaġa hija tabilħaqq biċċa ġid mill-kbar nett.

L-għażiża ommi qaltli: Mar! Ħu ħsieb! Erġajtbdejt tiżżaqqaq! Nimmaġinakom bħalissa li qed titbissmu miegħi hekk kif qed tisimgħu dan il-kumment. L-għaliex, u fis-sewwa kollu, hu kumment li jnissel tassew tbissima. Imma, meta wieħed joqgħod jaħseb ftit fuqu malajr jintebaħ kemm fih u fih is-sens!

Ilni naf li l-piż tiegħi għandu jkun f’ċertu limitu. Kienu ħafna t-twissijiet li għamluli t-tobba bravi tagħna. Sintendi u mingħajr l-iċkejn dubju, l-għaliex iriduli ħemel ġid! Mario! Ħu ħsieb il-piż! Kien hemm drabi fejn tajt widen għal kelmithom. U ma stajtx le ma nagħtix piż għall-kelma li qaluli. Wara kollox il-piż żejjed jien se nġorru. U ħadd mhu se jazzarda jġorrhuli. Mela imsieken riġlejja! Barra minhekk hemm fattur ieħor li ma nistax lanqas inwarrbu. Daqskemm hu ċar! U ċar kristall! X’jiġri meta l-Mulej ilaqqagħni magħkom? Ħeqq, intom stess, bl-innoċenza kollha tagħkom, u mingħajr ħafna tidwir, tgħaġġlu tgħiduli: Patri! Kemm irqaqt! Mela l-feedback malajr nieħdu mingħandkom! Imma ħej ġieli jiġu mumenti fejn, u biex ngħidiha kif inhi anki jekk toħroġli l-għaraq meta nammettieha, iż-żiemel jisfrattali u jaħrabli! U illum l-esperjenza għallmittni l-għaliex: jekk ħallejtu jagħmel li jrid? Affarijiet li jiġru le! L-għaliex aħna ilkoll bnedmin. U, nitqanżħu kemm nitqanżħu, xorta waħda niżbaljaw.

Imma ħej dik il-wake-up call li għamlitli l-għażiża ommi, dejjem bi ħlewwa imma b’verità mill-aktar kbira, u għax naf li tridli l-ġid u mhux biex tixxojwa kemm hi integra, lili ġabitni mal-ħajt! Għax laqqagħni miegħi innifsi! Laqqagħtni mal-verità tiegħi. U, quddiem daqshekk umiltà murija lili minn ommi, mara sempliċi ħafna, x’nista’ nagħmel għajr li naċċetta minn qalbi kliemha dehni? Anki jekk, u din ikolli nammettieha wkoll, kliemha ixxukkjani u ixxejkani wkoll. Grazzi Mulej li ġara hekk! Almenu ma nibqax qisni r-rieqed u qisu mhu qed jiġri xejn! Mela ċaw ċaw ja attitudni rilassata! U merbħa bik attitudni ta’ xammar idejk ħa nagħmlu xi ħaġa suriet in-nies! Għax, l-ewwel u qabel kollox, hija suriet Alla stess!

Kemm ħadem il-kumment: Mar! Ħu ħsieb! Erġajt bdejt tiżżaqqaq! Kemm tabilħaqq ġabni f’tiegħi! Għax daħħalni fir-reflection mode, biex nuża terminu Ingliż u mhux ingliżat. Fir-rejaltà, jiena u int din ir-reflection mode għandna tabilħaqq bżonnha. Għax ir-riflessjoni, jew aħjar l-eżami tal-kuxjenza, inħobb inqabbilu mad-dada li niftgħu fid-dixx. Tagħti togħma bnina lil ħajjitna!

Issa jiena u nġib dan l-eżempju qed nimmaġinak iċċarrat ħalqek bit-tbissima. Hemm aħna! Waqa’ l-għażż! Moħħu fl-ikel! Abbli tgħidli. U ma nlumekx! Għax għandek mitt elf raġun biex tbiegħ għażiż ħija u għażiża oħti! Imma, ngħid jien, il-Mulej tal-glorja, Ġesù Kristu Sidna, biex jibqa’ magħna ma għażilx li jissakkar f’xi idejat għolja li ma tilħaqhomx daqskemm huma għoljin! Lanqas ma għorok idejH u ħallilna sett ta’ liġijiet biex, jiena u int, irridu jew ma rridux, ikollna nimxu fuqhom ta’ bilfors. U hekk, aktar ma’ nħarsu dawn il-liġijiet, aktar jersaq lejna. Le! Xejn minn dan! Dan Ġesù ħalla lilu nnifsu fil-ħobż u fl-inbid. Mela fl-aktar affarijiet essenzjali, sempliċi u komunissi li qatt jiena u int nistgħu niltaqgħu magħhom! Ħobż ara kemm nieklu! Ajma! L-aktar aħna l-Maltin! U l-inbid ukoll huwa xorb li jinstab fid-djar tagħna!

Issa, l-eżempju ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, lili jfakkarni f’din il-wake-up call li għamlitli dan l-aħħar l-għażiża ommi! Dan l-għaliex jien minix imsejjaħ le biex niekol u niffoxna. Minix imsejjaħ biex ngħix biex niekol. Jien imsejjaħ biex niekol biex ngħix. U allura t-tbeżbiża ħelwa li għamlitli ommi reġgħet tefgħetni fil-linja. Qisu t-tbeżbiża li tagħtni ommi, għax veru tħobbni, kienet l-istess bħal dik l-indikazzjoni providenzjali li l-air traffic controller jagħti lill-bdot tal-ajruplan. Sintendi, ħalli dan ittajjar l-ajruplan fid-direzzjoni li jgħidlu l-controller. Inkella, jekk il-controller jagħmel ta’ rasu, ara x’diżażtru jkollna ħbieb! U kemm inċidenti jsiru!

U int min qallek li f’ħajjitna u fil-ħajja kollha kemm hi, ma jsirux inċidenti koroħ? Liema inċidenti jkunu seħħu l-għaliex, dak jew dik li jkun u li tkun, għal xi raġuni jew raġunijiet li jafuhom huma, ikunu webbsu rashom u għamlu dak li qalilhom moħħhom? Jaħasra kemm inkwiet jista’ jiġi evitat li kieku dak jew dik li jkun u li tkun jagħti u tagħti widen għal dik il-kelma ta’ ġid li jkun intqallu u intqalilha!

Għalhekk ħbieb, ejjew niftħu qalbna għall-kelma ta’ twiddib li tingħatalna. Naf. Għal dak il-mument dik il-kelma taf ma tkunx ħelwa. Forsi iddejjaqna. U taf tintiehem morra wkoll. Imma, u fuq kollox, ejjew nifhmu li kelma tajba u ta’ kuraġġ kulħadd għandu bżonnha. Ibda’ mill-kbir u spiċċa sal-inqas wieħed minna. L-għaliex, u dan turiehulna kontinwament l-esperjenza tal-ħajja, jiġuna mumenti fejn nitilfu t-triq. Jiċċajprilna l-itinterarju.

Ejjew nieħduha wake-up call! Hi x’inhi! Għax, dik il-wake-up call, taf tfisser il-kobor jew il-waqgħa tagħna. Ejjew mela nagħtu widen għaliha!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.